19.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 17/88


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/132

tat-18 ta’ Jannar 2023

dwar miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward tal-importazzjonijiet tar-ross Indica li joriġinaw mill-Kambodja wara l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni sabiex tiġi implimentata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Novembru 2022 fil-Kawża T-246/19, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/67

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 310(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat l-Artikoli 22 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1),

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fis-17 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il- “Kummissjoni”) ippubblikat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/67 (2) li jimponi miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward tal-importazzjonijiet tar-ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-Myanmar/Burma li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 1006 30 27, 1006 30 48, 1006 30 67 u 1006 30 98, li permezz tiegħu l-Kummissjoni introduċiet mill-ġdid id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni fuq l-importazzjonijiet ta’ dan ir-ross għal perijodu ta’ tliet snin u introduċiet tnaqqis progressiv fir-rata tad-dazju applikabbli (iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”) sa fejn dan kien jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ross mill-Kambodja u mill-Myanmar.

(2)

Ir-Renju tal-Kambodja u l-Federazzjoni tar-Ross tal-Kambodja kkontestaw ir-Regolament kontenzjuż qabel il-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem il-“Qorti Ġenerali”).

(3)

Permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ Novembru 2022 fil-Kawża T-246/19 Ir-Renju tal-Kambodja u l-Federazzjoni tar-Ross tal-Kambodja vs Il-Kummissjoni (“is-sentenza”), il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament inkwistjoni.

(4)

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta llimitat b’mod arbitrarju l-ambitu tal-investigazzjoni tagħha dwar id-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni biss għat-taħħana tar-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun ipproċessat minn ross li għadu fil-ħliefa mkabbar jew maħsud fl-Unjoni. Id-definizzjoni żbaljata ta’ produtturi tal-Unjoni għalhekk xekklet ukoll l-analiżi tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, peress li l-Kummissjoni eskludiet uħud mill-produtturi mill-valutazzjoni tad-dannu.

(5)

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li l-Kummissjoni ma pproduċietx provi suffiċjenti fir-rigward tal-aġġustamenti magħmula għall-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz.

(6)

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u l-obbligu li tiżvela l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali jew id-dettalji li fuqhom huma bbażati. B’mod partikolari, il-Kummissjoni naqset milli tiżvela informazzjoni dwar id-data li fuqha huma bbażati l-indikaturi tal-konsum u tad-dannu u tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz u l-aġġustamenti li saru wara l-kummenti tal-partijiet interessati dwar id-dokument ta’ divulgazzjoni ġenerali.

2.   RAĠUNIJIET GĦALL-FTUĦ MILL-ĠDID TAL-INVESTIGAZZJONI U S-SOSPENSJONI TAL-ĦLAS LURA TAD-DAZJI

(7)

Wara s-sentenza, il-Kummissjoni ddeċidiet permezz ta’ Avviż (“l-Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid”) (3), li terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni u li terġa’ tibda fil-punt li fih seħħet l-irregolarità.

(8)

Kif spjegat fl-Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid, l-għan tal-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni oriġinali huwa li jiġu indirizzati bis-sħiħ l-iżbalji identifikati mill-Qorti Ġenerali, u li jiġi vvalutat jekk l-applikazzjoni tar-regoli kif iċċarati mill-Qorti Ġenerali tiġġustifikax l-impożizzjoni mill-ġdid tal-miżuri, li twassal għall-introduzzjoni mill-ġdid tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni fuq l-importazzjonijiet tar-ross Indica li joriġinaw mill-Kambodja li jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 1006 30 27, 1006 30 48, 1006 30 67 u 1006 30 98 għall-perjodu oriġinali ta’ tliet snin, jiġifieri bejn t-18 ta’ Jannar 2019 u t-18 ta’ Jannar 2022.

(9)

Abbażi tas-sejbiet il-ġodda tagħha u l-eżitu tal-investigazzjoni li reġgħet infetħet, li f’dan l-istadju mhumiex magħrufa, il-Kummissjoni tista’ tadotta Regolament ġdid. Peress li l-miżuri ġew terminati, kwalunkwe impożizzjoni mill-ġdid tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni tkun tikkonċerna biss importazzjonijiet li saru matul il-perjodu oriġinali ta’ applikazzjoni tar-regolament inkwistjoni (jiġifieri, importazzjonijiet li saru bejn it-18 ta’ Jannar 2019 u t-18 ta’ Jannar 2022).

(10)

Skont l-Artikolu 310(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-baġit għandu jiġi implimentat skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. L-Istati Membri għandhom jikkoperaw mal-Unjoni sabiex jassiguraw li l-approprazzjonijiet imdaħħla fil-baġit jintużaw skont dan il-prinċipju. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet doganali nazzjonali jingħataw struzzjonijiet biex jistennew ir-riżultat tal-eżami mill-ġdid qabel ma jiddeċiedu dwar kwalunkwe talba ta’ ħlas lura li tikkonċerna d-dazji annullati mill-Qorti Ġenerali. B’hekk l-awtoritajiet doganali huma ordnati li jżommu kwalunkwe pretensjoni għar-rimborż tad-dazji annullati sakemm l-eżitu tal-eżami mill-ġdid jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali:

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom jistennew il-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni rilevanti li jikkonkludi l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġinaw fil-Kambodja u l-Myanmar/Burma qabel ma jiddeċiedu dwar kwalunkwe talba għal ħlas lura u remissjoni tad-dazji ordinarji miġbura fuq importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġinaw fil-Kambodja.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 303. 31.10.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/67 tas-16 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward tal-importazzjonijiet tar-ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-Myanmar/Burma (ĠU L 15, 17.1.2019, p. 5).

(3)   ĠU C 18, 19.1.2023, p. 8.