18.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 16/24


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/121

tas-17 ta’ Jannar 2023

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1165 li jawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u li jistabbilixxi l-listi tagħhom

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(9) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 24(7) tar-Regolament (UE) 2018/848, l-Istati Membri ppreżentaw dossiers dwar ċerti sustanzi lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-awtorizzazzjoni u l-inklużjoni tagħhom fl-Annessi I, II, III u V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1165 (2). Dawk id-dossiers ġew eżaminati mill-Grupp ta’ Esperti għall-Parir Tekniku dwar il-Produzzjoni Organika (EGTOP) u mill-Kummissjoni.

(2)

Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rigward tas-sustanzi attivi li jinsabu fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, (3) l-EGTOP irrakkomanda li mas-sustanzi bażiċi permessi fil-produzzjoni organika jiżdied l-użu tas-sustanza Talk E553b. L-EGTOP irrakkomanda wkoll li mas-sustanzi attivi b’riskju baxx użati fil-biedja organika jiżdiedu dawn li ġejjin: (i) ABE-IT 56, sakemm la jinkiseb minn razez ta’ OĠM u lanqas bl-użu ta’ materjal tat-tkabbir ta’ oriġini OĠM; (ii) “pirofosfat ferriku” u (iii) “estratt milwiem miż-żrieragħ imġelbna tal-Lupinus albus ħelu”. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi awtorizzat l-użu ta’ dawk is-sustanzi.

(3)

L-EGTOP irrakkomanda wkoll li d-deltametrina f’nases b’sustanzi speċifiċi li jattiraw jenħtieġ li titħalla tintuża kontra r-Rhagoletis completa. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi awtorizzat dan l-użu tad-deltametrina skont il-kondizzjonijiet u l-limiti speċifiċi tiegħu.

(4)

Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet mill-EGTOP fir-rigward ta’ fertilizzanti, kundizzjonaturi tal-ħamrija u nutrijenti(3), jenħtieġ li jiġi awtorizzat l-użu tas-sustanzi li ġejjin: (i) struvit irkuprat u mluħa tal-fosfat preċipitati, dment li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u li d-demel tal-annimali bħala materjal sors ma jistax joriġina mill-agrikoltura industrijali; (ii) klorur tal-potassju (murjat tal-putassa) ta’ oriġini naturali; u (iii) nitrat tas-sodju użat għall-produzzjoni tal-algi fuq l-art f’sistemi magħluqa.

(5)

Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet mill-EGTOP fir-rigward tal-għalf (5), jenħtieġ li jiġi awtorizzat l-użu tas-sustanzi li ġejjin: (i) fosfat tal-monodikalċju użat bħala materjal tal-għalf ta’ oriġini minerali; (ii) ħmira u prodotti tal-ħmira awtorizzati kollha użati bħala materjali tal-għalf, u kif ukoll dawk miksuba minn Saccharomyces cerevisiae jew Saccharomyces carlsbergensis; (iii) gomma tal-ksantan użata bħala addittiv tal-għalf teknoloġiku fil-grupp funzjonali “emulsifikanti, stabilizzaturi, aġenti tat-tħaxxin u aġenti ġelifikanti”; (iv) illit-montmorillonit-kawlinit u tafal sepjolitiku użati bħala addittivi tal-għalf teknoloġiċi fi ħdan il-grupp funzjonali “leganti u antiagglomeranti”; u (v) bentonit użat bħala addittiv tal-għalf teknoloġiku fi ħdan grupp funzjonali ġdid “sustanzi għat-tnaqqis tal-kontaminazzjoni tal-għalf permezz tal-mikotossini”.

(6)

Abbażi ta’ rakkomandazzjoni ulterjuri mill-EGTOP fir-rigward tal-għalf (6), l-anidru tal-betaina bħalissa huwa awtorizzat biss għall-annimali monogastriċi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165. Madankollu, ir-rakkomandazzjoni mill-EGTOP kienet ibbażata fuq fajl għall-anidru tal-betaina użat bħala addittiv nutrittiv għall-pollam, ħnieżer u ħut. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tal-anidru tal-betaina tingħata wkoll għall-għalf tal-ħut.

(7)

Abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-EGTOP fir-rigward tal-ikel għall-annimali domestiċi(5), jenħtieġ li jiġi awtorizzat l-użu tas-sustanzi li ġejjin: (i) trifosfat tal-pentasodju (STPP) u diidroġenu difosfat tad-disodju (SAPP) użati bħala materjal tal-għalf ta’ oriġini minerali; (ii) karraġenina; (iii) gomma tal-ħarrub, sakemm il-gomma tal-ħarrub tinkiseb permezz ta’ proċess tal-inkaljar (iv) akaċja (gomma arabika), użata bħala aġent ġelifikant u u/jew emulsjonant; (v) tawrina użata bħala addittiv nutrittiv għall-qtates u l-klieb; u (vi) klorur tal-ammonju użat bħala addittiv żootekniku għall-qtates.

(8)

Abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-EGTOP fir-rigward tal-ikel(5), jenħtieġ li jiġi awtorizzat l-użu tas-sustanzi li ġejjin: (i) diossidu tas-siliċju użat bħala aġent antiagglomerant għat-trab tal-kawkaw f’magni distributuri awtomatiċi tax-xarbiet; u (ii) estratt tar-rożin tal-arżnu u l-estratt tal-ħops bħala antimikrobiċi fil-produzzjoni tal-ikel li joriġina mill-pjanti.

(9)

Ir-Regolament (UE) 2021/1165 jipprevedi li l-gomma gellan hija awtorizzata mill-1 ta’ Jannar 2023 biss jekk tkun ġejja minn produzzjoni organika. Madankollu, ma hemm l-ebda kwantità suffiċjenti ta’ gomma tal-gellan mill-produzzjoni organika disponibbli. Sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jkomplu l-produzzjoni tal-ikel tagħhom, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dak ir-rekwiżit tiġi posposta.

(10)

Il-gomma tal-gwar E 412 hija elenkata fil-Parti B tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 bħala legant u antiagglomerant fl-addittivi teknoloġiċi. Madankollu, fir-Reġistru tal-Unjoni Ewropea tal-addittivi tal-għalf, hija elenkata taħt aġenti emulsifikanti u stabbilizzanti, sustanzi li jħaxxnu u ġelifikanti. Dak l-iżball jeħtieġ li jiġi kkoreġut.

(11)

It-talk E 553b ġie awtorizzat bħala addittiv tal-ikel fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-pjanti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (7). Dan l-użu ma kienx inkluż fl-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165. Dak l-iżball jeħtieġ li jiġi kkoreġut.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 jiġi emendat u kkoreġut skont dan.

(13)

L-inklużjoni tat-talk E 553b bħala addittiv tal-ikel kienet limitata bi żball u xi operaturi organiċi setgħu komplew jużawh bħala addittiv tal-ikel f’oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-pjanti. Għalhekk, jenħtieġ li dak l-iżball jiġi kkoreġut b’mod retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Produzzjoni Organika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(2)

L-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(3)

l-Anness III huwa emendat f’konformità mal-Anness III ta’ dan ir-Regolament;

(4)

l-Anness V huwa emendat f’konformità mal-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Korrezzjonijiet għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 huwa kkoreġut kif ġej:

(1)

il-punt (1) (Addittivi teknoloġiċi) tal-Parti B tal-Anness III huwa kkoreġut kif ġej:

(a)

fil-punt (c), jiżdied il-punt li ġej:

“E412

Gomma tal-gwar”

 

(b)

fil-punt (d), titħassar l-entrata għal “E 412 Gomma tal-gwar”;

(2)

fit-Taqsima A1 (Addittivi tal-ikel, inklużi trasportaturi) tal-Parti A fl-Anness V, l-entrata għal “E 553b Talk” hija sostitwita b’dan li ġej:

“E 553b

Talk

 

prodotti li joriġinaw mill-pjanti

 

zalzett ibbażat fuq il-laħam

Għaz-zalzett ibbażat fuq il-laħam, it-trattament tas-superfiċje biss”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2(2) għandu japplika mill-5 ta’ Awwissu 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1165 tal-15 ta’ Lulju 2021 li jawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u li jistabbilixxi l-listi tagħhom (ĠU L 253, 16.7.2021, p. 13).

(3)  Ir-rapport finali tal-EGTOP dwar il-Fertilizzanti IV u Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti VI u r-rapport finali tal-EGTOP dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti VII u Fertilizzanti V: https://agriculture.ec.europa.eu/farming/organic-farming/co-operation-and-expert-advice/egtop-reports_en.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1).

(5)  Ir-rapport finali tal-EGTOP dwar l-Ikel VII – Għalf V u r-rapport finali tal-EGTOP dwar l-Għalf VI u l-Ikel għall-annimali domestiċi I: https://agriculture.ec.europa.eu/farming/organic-farming/co-operation-and-expert-advice/egtop-reports_en.

(6)  Ir-rapport finali tal-EGTOP dwar Għalf III – Ikel V: https://agriculture.ec.europa.eu/farming/organic-farming/co-operation-and-expert-advice/egtop-reports_en.

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1).


ANNESS I

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-punt 1 (Sustanzi bażiċi) tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-entrata “18C trab taż-żerriegħa tal-mustarda *”:

“19C

14807-96-6

metasilikat tal-manjeżju idroġenu

mineral silikat

(Talk E553b)

grad alimentari f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012  (*1)

(2)

fil-punt 2 (Sustanzi attivi b’riskju baxx) jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

“16D

CAS mhux allokat

ABE-IT 56 (il-komponenti tal-liżat tas-Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623)

li ma joriġinax minn OĠM

mhux prodott bl-użu ta’ materjal għat-tkabbir ta’ oriġini OĠM”

20 D

10058-44-3

Pirofosfat ferriku

 

28 D

 

Estratt milwiem miż-żrieragħ imġelbna tal-Lupinus albus ħelu

 

(3)

fil-punt 4 (Sustanzi attivi mhux inklużi f’ebda waħda mill-kategoriji ta’ hawn fuq) l-entrata għal “40 A Deltametrina” hija sostitwita b’dan li ġej:

“40 A

52918-63-5

Deltametrina

fin-nases b’sustanzi speċifiċi li jattiraw kontra l-Bactrocera oleae, ċ-Ceratitis capitata u r-Rhagoletis completa biss”


(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).”


ANNESS II

Fit-tabella tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

“Struvit irkuprat u mluħa tal-fosfat preċipitati

il-prodotti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1009

id-demel tal-annimali bħala materjal sors ma jistax joriġina mill-agrikoltura industrijali

Nitrat tas-sodju

għall-produzzjoni tal-algi fuq l-art f’sistemi magħluqa biss

Klorur tal-potassju (murjat tal-putassa)

ta’ oriġini naturali biss”


ANNESS III

L-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Parti A hija emendata kif ġej:

(a)

fil-punt (1), wara l-entrata “11.3.1 Fosfat tad-dikalċju”, tiddaħħal l-entrata li ġejja:

“11.3.2

Fosfat tal-monodikalċju”

 

(b)

fil-punt (1), wara l-entrata “11.3.17 Fosfat tal-monoammonju”, jiddaħħlu l-entrati li ġejjin:

“11.3.19

Trifosfat tal-pentasodju (STPP)

għall-annimali domestiċi biss

11.3.27

Diidroġenu difosfat tad-disodju (SAPP)

għall-annimali domestiċi biss”

(c)

fil-punt (2), l-entrati għal “ex 12.1.5 Ħmira” u “ex 12.1.12 Prodotti tal-ħmira” huma sostitwiti b’dan li ġej:

“12.1.5

Ħmira

meta ma tkunx disponibbli mill-produzzjoni organika

12.1.12

Prodotti tal-ħmira

meta ma jkunux disponibbli mill-produzzjoni organika”.

(2)

il-Parti B hija emendata kif ġej:

(a)

fil-punt (1)(c) (Emulsifikanti, stabbilizzaturi, aġenti tat-tħaxxin u aġenti ġelifikanti), jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

“E 407

Karraġenina

għall-annimali domestiċi biss

E 410

Gomma tal-ħarrub (Carob gum)

għall-annimali domestiċi biss

miksuba minn proċess tal-inkaljar biss

mill-produzzjoni organika, jekk disponibbli

E 414

Akaċja (Gomma arabika),

għall-annimali domestiċi biss

mill-produzzjoni organika, jekk disponibbli”

E 415

Gomma tal-ksantan

 

(b)

fil-punt (1)(d) (Leganti u antiagglomeranti) jiddaħħlu l-entrati li ġejjin fl-ordni tan-numri tal-kodiċijiet:

“E 563

Tafal sepjolitiku

 

1g599

Illit-montmorillonit-kawlinit”

 

(c)

fil-punt (1), jiżdiedu l-punt (f) ġdid u l-entrata li ġejja:

“(f)

sustanzi għat-tnaqqis tal-kontaminazzjoni tal-għalf permezz tal-mikotossini

“Numru fil-katalgu tal-għalf

Isem

Kundizzjonijiet u limiti speċifiċi

1m558

Bentonit””

 

(d)

Il-punt (3)(a) Vitamini, provitamini u sustanzi ddefiniti sew kimikament li jkollhom effett simili) huwa emendat kif ġej:

(i)

l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għal “ex3a Vitamini u Provitamini”:

“3a370

Tawrina

għall-qtates u l-klieb biss

mhux ta’ oriġini sintetika, jekk disponibbli”

(ii)

L-entrata għal “3a920 Anidru tal-betaina” hija sostitwita b’dan li ġej:

“3a920

Anidru tal-betaina

għall-annimali monogastriċi u għall-ħut biss

mill-produzzjoni organika; jekk mhux disponibbli, ta’ oriġini naturali”

(e)

fil-punt (4) (Addittivi żootekniċi) tiżdied l-entrata li ġejja:

“4d7 u 4d8

Klorur tal-ammonju

għall-qtates biss”.


ANNESS IV

Il-Parti A tal-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 hija emendata kif ġej:

(1)

it-taqsima A1 (Addittivi tal-ikel, inkluż trasportaturi) hija emendata kif ġej:

(a)

l-entrata dwar “E 418 Gomma Gellan” hija sostitwita b’dan li ġej:

“E 418

Gomma Gellan

prodotti li joriġinaw mill-pjanti u mill-annimali

forma għolja fl-aċil biss

mill-produzzjoni organika biss, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2026”

(b)

l-entrata dwar “E 551 – Diossidu tas-siliċju” hija sostitwita b’dan li ġej:

“E 551

Diossidu tas-siliċju

kawkaw, ħxejjex aromatiċi u ħwawar f’forma ta’ trab imnixxef,

aromatizzanti

żaftur

għall-kawkaw, għall-użu biss f’magni awtomatiċi ta’ distribuzzjoni”

(2)

fit-taqsima A2 (Għajnuniet għall-ipproċessar u prodotti oħra, li jistgħu jintużaw għall-ipproċessar ta’ ingredjenti ta’ oriġini agrikola mill-produzzjoni organika), l-entrati għall-estratt tal-ħops u l-estratt tar-rożin tal-arżnu huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Estratt tal-ħops

prodotti li joriġinaw mill-pjanti

għal finijiet antimikrobiċi biss

mill-produzzjoni organika, jekk disponibbli”

“Estratt tar-rożin tal-arżnu

prodotti li joriġinaw mill-pjanti

għal finijiet antimikrobiċi biss

mill-produzzjoni organika, jekk disponibbli”