12.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/36


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/100

tal-11 ta’ Jannar 2023

li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ kartelli tal-azzar inossidabbli li jistgħu jimtlew mill-ġdid u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Istati Membri,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fit-13 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ kartelli tal-azzar inossidabbli li jistgħu jimtlew mill-ġdid u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika ta’ Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara li ġie ppreżentat ilment mill-Kumitat Ewropew dwar il-Kartelli (“l-ilmentatur”) fil-31 ta’ Marzu 2022. L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-kartelli tal-azzar inossidabbli li jistgħu jimtlew mill-ġdid fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u ta’ dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Reġistrazzjoni

(3)

Skont l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirreġistra l-importazzjonijiet soġġetti għal investigazzjoni anti-dumping matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni sakemm ma jkollhiex biżżejjed evidenza fis-sens tal-Artikolu 5 li r-rekwiżiti jew skont il-punt (c) jew (d) tal-Artikolu 10(4) ma jkunux issodisfati. Billi l-evidenza fil-fajl uriet li r-rekwiżit skont il-punt (d) ma ġiex issodisfat, il-Kummissjoni ma għamlitx l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku.

1.3.   Partijiet interessati

(4)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni informat speċifikament lill-produtturi tal-Unjoni rrappreżentati mill-ilmentatur; produtturi magħrufa oħrajn tal-Unjoni; importaturi, negozjanti, u utenti magħrufa; produtturi esportaturi magħrufa; u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom jipparteċipaw.

(5)

Il-partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u li jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-proċedimenti kummerċjali. Ma ntalab l-ebda smigħ.

1.4.   Kampjunar

(6)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista’ tieħu kampjun tal-partijiet interessati f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(7)

Fin-Notifika ta’ Bidu tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li hija kienet għażlet b’mod provviżorju kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun abbażi tal-volumi tal-produzzjoni u tal-bejgħ, filwaqt li qieset il-pożizzjoni ġeografika tagħhom. Dan il-kampjun kien jikkonsisti minn tliet produtturi tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw 73 % tal-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni u 74 % tal-bejgħ fl-Unjoni. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar il-kampjun provviżorju. F’dan ir-rigward ma daħal l-ebda kumment. Il-kampjun huwa rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

1.4.1.   Kampjunar tal-importaturi

(8)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu.

(9)

Importatur mhux relatat wieħed biss ipprovda l-informazzjoni mitluba u qabel li jiġi inkluż fil-kampjun. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ta’ importaturi mhux relatati ma kienx meħtieġ.

1.4.2.   Il-kampjunar ta’ produtturi esportaturi fiċ-Ċina

(10)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi kollha fiċ-Ċina sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(11)

Sitt produtturi fil-pajjiż ikkonċernat li esportaw il-kartelli li jistgħu jimtlew mill-ġdid lejn l-Unjoni matul il-PI, ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. F’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ żewġ produtturi esportaturi abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li seta’ kien raġonevolment investigat fiż-żmien disponibbli. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufa kollha kkonċernati, u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma wasal l-ebda kumment.

1.5.   It-tweġibiet għall-kwestjonarju u ż-żjarat ta’ verifika

(12)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“GTĊ”). Ma waslet l-ebda tweġiba.

(13)

Il-Kummissjoni ppubblikat online (3) l-kwestjonarji għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, għall-importaturi mhux relatati u għall-produtturi tal-Unjoni u bagħtet il-kwestjonarju dwar il-makrodata lill-Ilmentatur fl-20 ta’ Mejju 2022.

(14)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għal determinazzjoni provviżorja ta’ dumping, id-dannu li jirriżulta u l-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku twettqu fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

(15)

Fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ konfinament stabbiliti, il-Kummissjoni wettqet kontroverifiki remoti (“RCC”) f’konformità mal-Avviż tagħha dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq investigazzjonijiet antidumping u antisussidji tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li ġejjin:

Penglai Jinfu Stainless Steel Products Co., Ltd, Shandong, iċ-Ċina

Ningbo Major Draft Beer Equipment Co., Ltd, Ningbo, Zhejiang, iċ-Ċina

1.6.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu taħt kunsiderazzjoni

(16)

L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu taħt kunsiderazzjoni”).

2.   PRODOTT LI QIEGĦED JIĠI INVESTIGAT, PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott li qiegħed jiġi investigat

(17)

Il-prodott li qiegħed jiġi investigat huwa kartelli, reċipjenti, ċilindri, tankijiet, btieti u kontenituri simili, tal-azzar inossidabbli li jistgħu jimtlew mill-ġdid, magħrufa b’mod komuni bħala “kartelli tal-azzar inossidabbli li jistgħu jimtlew mill-ġdid”, b’korpi ta’ bejn wieħed u ieħor f’forma ċilindrika, bi ħxuna tal-ħajt ta’ 0,5 mm jew aktar, tat-tip użat għal materjal għajr gass likwifikat, żejt grezz, u prodotti tal-petroleum, b’kapaċità ta’ 4,5 litri jew aktar, irrispettivament mit-tip ta’ finitura, gejġ, jew grad tal-azzar inossidabbli, kemm jekk ikollhom komponenti addizzjonali (estratturi, għenuq, chimes jew kwalunkwe komponent ieħor) kif ukoll jekk le, kemm jekk miżbugħin jew miksijin b’materjali oħrajn kif ukoll jekk le (“kartelli” jew “il-prodott li qiegħed jiġi investigat”).

(18)

Il-prodotti li ġejjin ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-investigazzjoni meta jiġu importati separatament mill-prodott li qiegħed jiġi investigat: għenuq, spears, akkoppjaturi jew vitjien, kullari, valvi u komponenti oħrajn tal-prodott li qiegħed jiġi investigat (estratturi, għenuq, chimes jew kwalunkwe komponent ieħor).

2.2.   Prodott ikkonċernat

(19)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-prodott li qiegħed jiġi investigat li joriġina miċ-Ċina, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 7310 10 00 u ex 7310 29 90 (il-kodiċijiet TARIC 7310100010 u 7310299010) (“il-prodott ikkonċernat”).

2.3.   Prodott simili

(20)

L-investigazzjoni wriet li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi, kif ukoll l-istess użi bażiċi:

il-prodott ikkonċernat meta jiġi esportat lejn l-Unjoni;

il-prodott li qiegħed jiġi investigat immanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku taċ-Ċina; u

l-prodott li qiegħed jiġi investigat immanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(21)

F’dan l-istadju, il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn il-prodotti huma għalhekk prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   DUMPING

3.1.   Iċ-Ċina

3.1.1.   Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku

(22)

Fid-dawl tal-evidenza suffiċjenti disponibbli fil-bidu tal-investigazzjoni li indikat l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fir-rigward taċ-Ċina, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li tiftaħ l-investigazzjoni fir-rigward tal-produtturi esportaturi minn dan il-pajjiż b’kunsiderazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(23)

Konsegwentement, sabiex tiġbor id-data meħtieġa għall-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-produtturi esportaturi kollha fiċ-Ċina jipprovdu informazzjoni rigward l-inputs użati għall-produzzjoni tal-kartelli. Sitt produtturi esportaturi ppreżentaw l-informazzjoni rilevanti.

(24)

Sabiex tikseb l-informazzjoni li qieset meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-GTĊ. Barra minn hekk, fil-punt 5.3.2 tan-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha jesprimu l-fehmiet tagħhom, jissottomettu informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tan-Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ma waslet l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju mill-GTĊ u ma waslet l-ebda sottomissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku qabel l-iskadenza. Sussegwentement, il-Kummissjoni informat lill-GTĊ li hija kienet se tuża l-fatti disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku sabiex tiddetermina l-eżistenza tad-distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina. Il-Kummissjoni stiednet lill-GTĊ jissottometti l-kumment tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 18. Ma wasal l-ebda kumment.

(25)

Fil-punt 5.3.2. tan-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni speċifikat ukoll li, fid-dawl tal-evidenza disponibbli, pajjiżi terzi rappreżentattivi xierqa possibbli kienu l-Messiku u t-Turkija skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku bil-għan li jiġi ddeterminat il-valur normali abbażi ta’ prezzijiet jew valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li kienet se teżamina pajjiżi rappreżentattivi oħrajn li setgħu jkunu xierqa f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku.

(26)

Fl-20 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni informat b’nota (“l-Ewwel Nota”) lill-partijiet interessati dwar is-sorsi rilevanti li kienet beħsiebha tuża sabiex tiddetermina l-valur normali. F’dik in-nota, il-Kummissjoni pprovdiet lista tal-fatturi kollha tal-produzzjoni bħall-materja prima, il-manodopera u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-kartelli. Barra minn hekk, abbażi tal-kriterji li jiggwidaw l-għażla ta’ prezzijiet jew valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni, il-Kummissjoni identifikat pajjiżi rappreżentattivi possibbli, jiġifieri l-Messiku, il-Brażil u r-Russja bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment dwar l-Ewwel Nota.

(27)

Fid-19 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni informat permezz tat-tieni nota (“it-Tieni Nota”) lill-partijiet interessati dwar is-sorsi rilevanti li kienet beħsiebha tuża sabiex tiddetermina l-valur normali, bil-Brażil bħala l-pajjiż rappreżentattiv. Hija informat ukoll lill-partijiet interessati li kienet se tistabbilixxi l-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u l-profitti bbażati fuq il-produttur KHS Industria de Maquinas LTDA fil-Brażil. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw. Il-kummenti waslu miż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

(28)

Wara li analizzat il-kummenti u l-informazzjoni li rċeviet dwar it-Tieni Nota, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Brażil kienet għażla xierqa bħala pajjiż rappreżentattiv li minnu jinkisbu prezzijiet u kostijiet mingħajr distorsjoni għad-determinazzjoni tal-valur normali fl-istadju provviżorju. Ir-raġunijiet sottostanti għal dik l-għażla huma deskritti aktar fid-dettall fit-Taqsima 3.2.1.1 u f’dawk segwenti.

3.2.   Valur normali

(29)

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur”.

(30)

Madankollu, skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “fil-każ li jiġi determinat […] li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza f’dak il-pajjiż ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b), il-valur normali għandu jiġi kkalkolat esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri ta’ riferiment mingħajr distorsjoni”, u “għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti” (“kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali” minn hawn ’il quddiem “SG&A”).

(31)

Kif spjegat aktar fid-dettall fis-sottotaqsimiet li ġejjin, f’din l-investigazzjoni l-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tal-evidenza disponibbli u fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-GTĊ, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku kienet xierqa.

3.2.1.   L-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

(32)

F’investigazzjonijiet reċenti dwar is-settur tal-azzar fiċ-Ċina (4), li huwa l-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tal-kartelli, il-Kummissjoni sabet li kien hemm distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku.

(33)

F’dawk l-investigazzjonijiet, il-Kummissjoni sabet li hemm intervent sostanzjali tal-gvern fiċ-Ċina u li dan jirriżulta f’distorsjoni tal-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi f’konformità mal-prinċipji tas-suq (5). B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonkludiet li fis-settur tal-azzar, mhux biss għad hemm grad sostanzjali ta’ sjieda mill-GTĊ fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku (6), iżda l-GTĊ huwa wkoll f’pożizzjoni li jinterferixxi fil-prezzijiet u fil-kostijiet permezz tal-preżenza tal-Istat fid-ditti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), it-tieni inċiż tar-Regolament bażiku (7). Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-preżenza u l-intervent tal-Istat fis-swieq finanzjarji, kif ukoll fil-provvista tal-materja prima u tal-inputs, iħallu effett ta’ distorsjoni addizzjonali fuq is-suq. Tabilħaqq, b’mod ġenerali, is-sistema tal-ippjanar fiċ-Ċina tirriżulta fil-konċentrazzjoni tar-riżorsi f’setturi ddeżinjati bħala strateġiċi jew inkella bħala politikament importanti mill-GTĊ, aktar milli fl-allokazzjoni tagħhom f’konformità mal-forzi tas-suq (8). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-liġijiet Ċiniżi dwar il-falliment u l-proprjetà ma jaħdmux kif suppost fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), ir-raba’ inċiż tar-Regolament bażiku, u b’hekk jiġu ġġenerati distorsjonijiet b’mod partikolari meta jiġu miżmuma ħajjin ditti insolventi u meta jiġu allokati d-drittijiet għall-użu tal-art fiċ-Ċina (9). Bl-istess mod, il-Kummissjoni sabet distorsjonijiet tal-kostijiet tal-pagi fis-settur tal-azzar fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), il-ħames inċiż tar-Regolament bażiku (10), kif ukoll distorsjonijiet fis-swieq finanzjarji fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), is-sitt inċiż tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-kapital għall-atturi korporattivi fiċ-Ċina (11).

(34)

Bħal fl-investigazzjonijiet preċedenti dwar is-settur tal-azzar fiċ-Ċina, f’din l-investigazzjoni l-Kummissjoni eżaminat jekk kienx xieraq jew le li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fiċ-Ċina, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni għamlet dan abbażi tal-evidenza disponibbli fil-fajl, inkluża l-evidenza li tinsab fit-talba, kif ukoll fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar “Significant Distortions in the Economy of the People’s Republic of China for the Purposes of Trade Defense Investigations” (12) (“ir-Rapport”), li jibbaża fuq sorsi disponibbli għall-pubbliku. Dik l-analiżi kopriet l-eżami tal-interventi sostanzjali tal-gvern fl-ekonomija taċ-Ċina b’mod ġenerali, iżda wkoll is-sitwazzjoni speċifika tas-suq fis-settur rilevanti, inkluż il-prodott li qiegħed jiġi investigat. Il-Kummissjoni kompliet tissupplimenta dawn l-elementi evidenzjarji bir-riċerka tagħha stess dwar id-diversi kriterji rilevanti sabiex tikkonferma l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina, kif instab ukoll mill-investigazzjonijiet preċedenti tagħha f’dan ir-rigward.

(35)

It-talba kienet tallega li l-Istat Ċiniż iħaddem politika ekonomika intervenzjonista sabiex jilħaq l-għanijiet tiegħu, li jikkoinċidu mal-aġenda politika stabbilita mill-Partit Komunista Ċiniż (“CCP”) minflok ma jirriflettu l-kundizzjonijiet ekonomiċi prevalenti f’suq ħieles. It-talba indikat f’dan ir-rigward mhux biss id-distorsjonijiet fis-suq tal-azzar inossidabbli (l-azzar inossidabbli jirrappreżenta bejn 40 % u 60 % tal-kost tal-produzzjoni tal-kartelli) iżda sostniet li l-fatturi l-oħrajn kollha tal-produzzjoni – art, kapital, manodopera – huma distorti bl-istess mod. Bħala konsegwenza, it-talba kkonkludiet li mhux biss il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku tal-azzar inossidabbli ma humiex xierqa għall-użu fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, iżda l-kostijiet kollha tal-input inklużi l-materja prima, l-enerġija, l-art, il-finanzjament jew il-manodopera huma wkoll affettwati minħabba li l-formazzjoni tal-prezzijiet tagħhom hija affettwata minn intervent sostanzjali tal-gvern.

(36)

Sabiex tappoġġa l-pożizzjoni tagħha, it-talba rreferiet għal numru ta’ sorsi ta’ informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, bħar-Rapport, il-konklużjonijiet milħuqa mill-EUCCC (13), l-investigazzjonijiet reċenti tal-Kummissjoni tas-settur tal-azzar Ċiniż (14) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Forum Globali tal-G20 dwar il-Kapaċità Żejda tal-Azzar (15).

(37)

Kif indikat fil-premessa (24), il-GTĊ la kkummenta u lanqas ma pprovda evidenza li tappoġġa jew li tirribatti l-evidenza eżistenti fil-fajl tal-każ, inkluż ir-Rapport u l-evidenza addizzjonali li ġiet ipprovduta mill-ilmentatur, dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti u/jew dwar l-adegwatezza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fil-każ inkwistjoni.

(38)

Speċifikament fis-settur tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, jiġifieri s-settur tal-azzar, għad hemm livell sostanzjali ta’ sjieda mill-GTĊ. Filwaqt li l-qasma nominali bejn l-għadd ta’ intrapriżi tal-Istat (“SOEs”) u kumpaniji privati hija stmata li hija kważi ugwali, erbgħa mill-ħames produtturi tal-azzar Ċiniżi kklassifikati mal-aqwa 10 tal-akbar produtturi tal-azzar fid-dinja huma SOEs (16). Fl-istess ħin, filwaqt li fl-2016 l-aqwa għaxar produtturi kienu jirrappreżentaw biss madwar 36 % tal-output totali tal-industrija, il-GTĊ stabbilixxa l-mira fl-istess sena biex jikkonsolida bejn 60 % u 70 % tal-produzzjoni tal-azzar f’xi għaxar intrapriżi fuq skala kbira sal-2025 (17). Din l-intenzjoni ġiet ripetuta mill-GTĊ f’April 2019, meta dan ħabbar il-ħruġ ta’ linji gwida dwar il-konsolidazzjoni tal-industrija tal-azzar (18). Tali konsolidazzjoni tista’ tinvolvi fużjonijiet furzati ta’ kumpaniji privati profittabbli ma’ SOEs bi prestazzjoni batuta (19). Peress li ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-GTĊ, minħabba l-preżenza ta’ numru ta’ SMEs attivi fis-settur, ma setax jiġi ddeterminat il-proporzjon eżatt tal-produtturi tal-azzar privati u tal-Istat. Fi kwalunkwe każ, l-investigazzjoni żvelat li mill-anqas produttur wieħed tal-kartelli huwa SOE, prinċipalment Penglai Jinfu Stainless Steel Products Co. Ltd.

(39)

Madankollu, filwaqt li tista’ ma tkunx disponibbli informazzjoni speċifika għall-prodott li qiegħed jiġi investigat, is-settur jirrappreżenta sottosettur tal-industrija tal-azzar u s-sejbiet li jikkonċernaw is-settur tal-azzar huma għalhekk meqjusa bħala indikattivi wkoll għall-prodott li qiegħed jiġi investigat. L-aktar dokumenti ta’ politika Ċiniżi reċenti dwar is-settur tal-azzar jikkonfermaw l-importanza kontinwa li l-GTĊ jattribwixxi għas-settur, inkluża l-intenzjoni li jintervjeni fis-settur sabiex jifformah f’konformità mal-politiki tal-gvern. Jingħata eżempju ta’ dan mill-abbozz ta’ Opinjoni Gwida tal-Ministeru għall-Industrija u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni dwar it-Trawwim ta’ Żvilupp ta’ Kwalità Għolja tal-Industrija tal-Azzar li jitlob aktar konsolidazzjoni tal-pedament industrijali u titjib sinifikanti fil-livell ta’ modernizzazzjoni tal-katina industrijali (20), jew mill-14-il Pjan ta’ Ħames Snin dwar l-Iżvilupp tal-Industrija tal-Materja Prima li jgħid li s-settur se “jaderixxi mal-kombinazzjoni tat-tmexxija tas-suq u l-promozzjoni tal-gvern” u se “jippromwovi grupp ta’ kumpaniji ewlenin bi tmexxija ekoloġika u b’kompetittività ewlenija” (21). Eżempji simili tal-intenzjoni mill-awtoritajiet Ċiniżi li jissorveljaw u jiggwidaw l-iżviluppi tas-settur jistgħu jiġu osservati fil-livell provinċjali, bħal f’Shandong, li mhux biss jipprevedi “l-bini ta’ ekoloġija tal-industrija tal-azzar […], l-istabbiliment ta’ parks tal-manifattura, l-estensjoni tal-katina industrijali u l-ħolqien ta’ raggruppamenti industrijali, iżda jridu li l-industrija tal-azzar tipprovdi dimostrazzjoni għat-trasformazzjoni u l-aġġornament […] fil-provinċja tagħhom u anke fil-pajjiż kollu” (22).

(40)

Fir-rigward tal-fatt li l-GTĊ huwa f’pożizzjoni li jinterferixxi mal-prezzijiet u mal-kostijiet permezz tal-preżenza tal-Istat fid-ditti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), it-tieni inċiż tar-Regolament bażiku, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-GTĊ, u peress li l-biċċa l-kbira tal-produtturi tal-kartelli huma SMEs, kien impossibbli li tiġi stabbilita sistematikament l-eżistenza ta’ konnessjonijiet personali bejn il-produtturi tal-prodott li qiegħed jiġi investigat u s-CCP. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li l-ġestjoni ta’ Shandong Gold Group, ta’ SOE u ta’ azzjonist kontrollanti ta’ Penglai Jinfu Stainless Steel Products, hija marbuta mill-qrib mas-CCP: il-President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Shandong Gold Group huwa wkoll Segretarju tal-Kumitat tal-Partit u kien rappreżentant fl-20 Kungress Nazzjonali tas-CCP u d-Direttur u l-Maniġer Eżekuttiv ta’ Shandong Gold Group huwa wkoll Viċi Segretarju tal-Kumitat tal-Partit.

(41)

Minħabba li l-prodott li qiegħed jiġi investigat jirrappreżenta sottosettur tas-settur tal-azzar, l-informazzjoni disponibbli fir-rigward tal-produtturi tal-azzar hija rilevanti wkoll għall-prodott li qiegħed jiġi investigat. Fil-kategorija usa’ tas-settur tal-azzar, hemm biżżejjed evidenza ta’ konnessjonijiet personali bejn il-produtturi tal-azzar u s-CCP. Sabiex jingħata eżempju speċifiku, il-President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Baowu jservi fl-istess ħin bħala Segretarju tal-Kumitat tal-Partit bil-Maniġer Ġenerali li jservi wkoll bħala Viċi Segretarju tal-Kumitat tal-Partit (23). Bl-istess mod, il-President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Baosteel jokkupa l-pożizzjoni ta’ segretarju tal-Kumitat tal-Partit, filwaqt li l-Maniġer Eżekuttiv huwa l-Viċi Segretarju tal-Kumitat tal-Partit (24). B’mod aktar ġenerali, fid-dawl tal-applikabbiltà ġenerali tal-leġiżlazzjoni dwar il-preżenza tas-CCP fil-kumpaniji, ma jistax jiġi preżunt li l-kapaċità tal-GTĊ li jinterferixxi mal-prezzijiet u l-kostijiet permezz tal-preżenza tal-Istat fid-ditti tkun differenti fir-rigward tal-prodott li qiegħed jiġi investigat meta mqabbla mas-settur tal-azzar b’mod ġenerali.

(42)

Kemm l-intrapriżi pubbliċi kif ukoll dawk privati fis-settur tal-azzar huma soġġetti għal superviżjoni u gwida tal-politika. Peress li ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-GTĊ f’din l-investigazzjoni u l-produtturi tal-kartelli huma fil-biċċa l-kbira SMEs, kien diffiċli li tiġi stabbilita l-iskala eżatta tal-bini tal-partit fl-intrapriżi mill-industrija tal-kartelli. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li Shandong Gold Group (azzjonist ta’ kontroll ta’ Penglai Jinfu Stainless Steel Products) jappoġġa b’mod attiv l-attivitajiet ta’ bini tal-Partit. Ir-rwol tal-kumitat tal-partit tal-kumpanija ġie deskritt kif ġej: “Jeħtiġilna naħtfu bis-sħiħ l-opportunità kbira tal-gvern ċentrali, tal-Kumitat tal-Partit Provinċjali ta’ Shandong u tal-Gvern Provinċjali li jappoġġaw lill-intrapriżi tal-Istat biex iħaffu l-kostruzzjoni ta’ intrapriżi ta’ klassi dinjija, iżommu għajnejhom fuq l-miri strateġiċi, iżommu ffukar strateġiku, isaħħu l-implimentazzjoni strateġika, u jaderixxu mal-arranġament ġenerali tal-miri ġenerali, tal-miri intermedji, u tal-miri annwali, jaderixxu mal-kombinazzjoni tal-ippjanar strateġiku u tal-promozzjoni tattika” u “jmexxu l-partit bla tfixkil u b’mod komprensiv, jimplimentaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti ġenerali tal-bini tal-partit fl-era l-ġdida, u jipprovdu garanzija b’saħħitha għal żvilupp ta’ kwalità għolja. Huwa meħtieġ li tissaħħaħ b’mod komprensiv il-kostruzzjoni politika tal-partit, li jkun hemm konformità stretta mad-dixxiplina politika u mar-regoli politiċi, li jittejbu b’mod effettiv il-ġudizzju politiku, il-fehim politiku u l-implimentazzjoni politika tal-organizzazzjonijiet tal-partiti fil-livelli kollha u fil-membri u fl-uffiċjali tal-partit, u sabiex dejjem jinżamm grad għoli ta’ konsistenza mal-Kumitat Ċentrali tal-Partit mal-Comrade Xi Jinping fil-qalba tiegħu, tiġi stabbilita “four consciousness”, tissaħħaħ “four self-confidence”, u tinkiseb “two maintenance” (25).

(43)

Barra minn hekk, fis-settur tal-prodott li qiegħed jiġi investigat hemm stabbiliti politiki li jiddiskriminaw favur il-produtturi domestiċi jew li b’xi mod ieħor jinfluwenzaw is-suq fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), it-tielet inċiż tar-Regolament bażiku. Minkejja li l-ebda dokument ta’ politika li jiggwida speċifikament l-iżvilupp tal-industrija tal-kartelli bħala tali ma jista’ jiġi identifikat matul l-investigazzjoni, l-industrija tibbenefika minn gwida u intervent governattivi fis-settur tal-azzar, billi l-prodott li qiegħed jiġi investigat jirrappreżenta wieħed mis-sottosetturi tiegħu.

(44)

L-industrija tal-azzar tibqa’ titqies bħala industrija essenzjali mill-GTĊ (26). Dan huwa kkonfermat fil-bosta pjanijiet, direttivi u dokumenti oħrajn iffokati fuq l-azzar, li jinħarġu fil-livell nazzjonali, reġjonali u muniċipali. Skont l-14-il Pjan ta’ Ħames Snin adottat f’Marzu 2021, il-GTĊ immarka lill-industrija tal-azzar għat-trasformazzjoni u għall-aġġornament, kif ukoll għall-ottimizzazzjoni u għall-aġġustament strutturali (27).

(45)

Barra minn hekk, l-14-il Pjan ta’ Ħames Snin dwar l-Iżvilupp tal-Industrija tal-Materja Prima, applikabbli wkoll għall-industrija tal-azzar, jiddeskrivi s-settur bħala l-“pedament tal-ekonomija reali” u “qasam ewlieni li jifforma l-vantaġġ kompetittiv internazzjonali taċ-Ċina” u jindika numru ta’ objettivi u metodi ta’ ħidma li jixprunaw l-iżvilupp tas-settur tal-azzar fil-perjodu ta’ żmien bejn l-2021 u l-2025, bħal l-aġġornament teknoloġiku, it-titjib tal-istruttura tas-settur (mhux l-anqas permezz ta’ konċentrazzjonijiet korporattivi ulterjuri) jew it-trasformazzjoni diġitali (28).

(46)

L-14-il FYP dwar l-Iżvilupp tal-Industrija tal-Materja Prima jinkludi wkoll xi miri speċifiċi għall-iżvilupp tas-settur tal-azzar. It-Taqsima IV, il-Punt 3 tad-dokument tinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin: “L-ottimizzazzjoni tal-istruttura organizzazzjonali: nagħmlu l-intrapriżi ewlenin akbar u aktar b’saħħithom. Naderixxu mal-kombinazzjoni tat-tmexxija tas-suq u tal-promozzjoni tal-gvern, ineħħu l-ostakli għall-fużjonijiet u għar-riorganizzazzjonijiet interreġjonali, ineħħu restrizzjonijiet bħas-segmentazzjoni tas-suq u l-ostakli reġjonali, nikkoordinaw u nsolvu problemi kbar li wieħed jiltaqa’ magħhom fil-fużjonijiet u fir-riorganizzazzjonijiet interreġjonali tal-intrapriżi, nappoġġaw lill-intrapriżi biex iħaffu l-fużjonijiet u r-riorganizzazzjonijiet transsettorjali u ta’ sjieda, u nżidu l-livell ta’ konċentrazzjoni tal-industrija, niżviluppaw in-negozju internazzjonali. Fi …, azzar, … u industriji oħrajn, jippromwovu grupp ta’ intrapriżi ewlenin fil-katina industrijali bi tmexxija ekoloġika u kompetittività ewlenija”.

(47)

L-FYPs imsemmija hawn fuq fil-livell ċentrali huma mtennija fil-pjanijiet ta’ implimentazzjoni provinċjali u/jew muniċipali tal-FYPs jew tal-FYP. Pereżempju, il-Pjan ta’ Implimentazzjoni ta’ Henan għat-trasformazzjoni u għall-aġġornament tal-industrija tal-azzar matul l-14-il FYP jinkludi d-dispożizzjonijiet dwar: il-punt 2(1): kontroll strett tal-kapaċità totali tal-produzzjoni; il-punt 2(2): l-aċċellerazzjoni u l-promozzjoni tal-fużjonijiet u tal-akkwiżizzjonijiet; il-punt 2(3): il-kostruzzjoni ta’ bażijiet tipiċi tal-produzzjoni tal-azzar (29).

(48)

Minbarra l-14-il FYP, l-industrija tal-azzar hija wkoll strettament irregolata f’dokumenti ta’ politika oħrajn. Pereżempju, Hebei, l-akbar provinċja li tipproduċi l-azzar fiċ-Ċina, ħarġet Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tliet snin dwar l-Iżvilupp tar-Raggruppament fil-Katina tal-Industrija tal-Azzar mill-2020 sal-2022 (applikabbli matul il-PI). Dan id-dokument jirregola l-industrija tal-azzar bil-mod li ġej: “Ikun hemm konformità mal-aġġustament strutturali u tiġi enfasizzata d-diversifikazzjoni tal-prodott. Jiġi promoss mingħajr waqfien l-aġġustament strutturali u jiġi ottimizzat it-tqassim tal-industrija tal-ħadid u tal-azzar, tiġi promossa r-riorganizzazzjoni konġunta, it-trasformazzjoni u l-aġġornament tal-intrapriżi, u jiġi promoss b’mod komprensiv l-iżvilupp tal-industrija tal-ħadid u tal-azzar lejn intrapriżi fuq skala kbira, il-modernizzazzjoni tat-tagħmir tekniku, id-diversifikazzjoni tal-proċessi tal-produzzjoni, u d-diversifikazzjoni tal-prodotti downstream.” Barra minn hekk, il-pjan jistabbilixxi miri speċifiċi għall-istruttura tal-intrapriżi tal-azzar fil-provinċja: “Jitrawwem b’mod kostanti l-iżvilupp tal-gruppi. Titħaffef ir-riforma tas-sjieda mħallta tal-intrapriżi tal-Istat, ikun hemm iffukar fuq il-promozzjoni tal-fużjoni u tar-riorganizzazzjoni interreġjonali tal-intrapriżi privati tal-ħadid u tal-azzar, u jsir sforz biex jiġu stabbiliti bejn grupp wieħed kbir ta’ klassi dinjija jew tnejn, bejn tliet u ħames gruppi kbar b’xi influwenza domestika bħala pilastri, u bejn tmienja u 10 gruppi ta’ intrapriżi ġodda, pendenti u speċifiċi”.

(49)

Fl-aħħar nett, il-pjan jipprevedi appoġġ mill-Istat sabiex tittejjeb il-kompetittività globali tal-intrapriżi tal-azzar li jinsabu f’Hebei: “Jiġi żgurat b’mod xieraq żvilupp rilevanti u diversifikat. Jiġu appoġġati l-intrapriżi tal-ħadid u tal-azzar biex jiżviluppaw industriji emerġenti strateġiċi bħall-ġenerazzjoni l-ġdida tat-teknoloġija tal-informazzjoni, it-tagħmir ta’ livell għoli u materjali ġodda, u jiġi aċċellerat l-iżvilupp ta’ industriji moderni tas-servizzi bħal-loġistika moderna, is-servizzi finanzjarji, il-kummerċ elettroniku eċċ. Jiġu inkoraġġuti l-intrapriżi eliġibbli tal-ħadid u tal-azzar biex jiżviluppaw lejn ipproċessar fil-fond bħal karozzi u parts mekkaniċi, ħbula tal-wajer tal-azzar, elettrodi tal-iwweldjar bi ħbula tal-azzar, eċċ. Tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fil-kapaċità tal-produzzjoni, tiġi inkoraġġuta l-parteċipazzjoni tal-intrapriżi tal-ħadid u tal-azzar f’fużjonijiet u f’riorganizzazzjoni ta’ intrapriżi barranin tal-ħadid u tal-azzar permezz ta’ mezzi multipli, u jiġu ggwidati l-intrapriżi kompetittivi tal-ħadid u tal-azzar fil-provinċja biex jinvestu u jibnu fabbriki barra mill-pajjiż” (30).

(50)

Barra minn hekk, il-“Guiding Catalogue for Industry Restructuring” (il-Verżjoni tal-2019) (31) jelenka l-azzar bħala industrija mħeġġa.

(51)

Fil-qosor, il-GTĊ għandu miżuri stabbiliti sabiex iħeġġeġ lill-operaturi jikkonformaw mal-objettivi tal-ordni pubbliku li jappoġġaw lill-industriji mħeġġa, inkluża l-produzzjoni tal-materja prima ewlenija li tintuża fil-manifattura tal-prodott li qiegħed jiġi investigat. Tali miżuri jimpedixxu l-forzi tas-suq milli joperaw b’mod ħieles.

(52)

L-investigazzjoni attwali ma żvelat l-ebda evidenza li l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà skont l-Artikolu 2(6a)(b), ir-raba’ inċiż tar-Regolament bażiku fis-settur tal-kartelli msemmi hawn fuq fil-premessa (33) ma jaffettwawx lill-manifatturi tal-prodott li qiegħed jiġi investigat.

(53)

Is-settur tal-kartelli huwa affettwat ukoll mid-distorsjonijiet tal-kostijiet tal-pagi fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), il-ħames inċiż tar-Regolament bażiku, kif imsemmi wkoll hawn fuq fil-premessa (33). Dawk id-distorsjonijiet jaffettwaw lis-settur kemm direttament (waqt il-produzzjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat jew tal-inputs ewlenin), kif ukoll indirettament (waqt li jkun hemm aċċess għall-inputs minn kumpaniji soġġetti għall-istess sistema lavorattiva fiċ-Ċina) (32).

(54)

Barra minn hekk, ma tressqet l-ebda evidenza f’din l-investigazzjoni li turi li s-settur tal-prodott li qiegħed jiġi investigat ma huwiex affettwat mill-intervent tal-gvern fis-sistema finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), is-sitt inċiż tar-Regolament bażiku, kif imsemmi wkoll hawn fuq fil-premessa (33). Għalhekk, l-intervent sostanzjali tal-gvern fis-sistema finanzjarja jwassal sabiex il-kundizzjonijiet tas-suq jiġu affettwati b’mod serju fil-livelli kollha.

(55)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni fakkret li sabiex jiġi mmanifatturat il-prodott li qiegħed jiġi investigat, huma meħtieġa numru ta’ inputs. Meta l-produtturi tal-kartelli jixtru/jikkuntrattaw dawn l-inputs, il-prezzijiet li jħallsu (u li huma rreġistrati bħala l-kostijiet tagħhom) huma evidentement esposti għall-istess distorsjonijiet sistemiċi msemmija qabel. Pereżempju, il-fornituri tal-inputs iħaddmu manodopera li tkun soġġetta għad-distorsjonijiet. Huma jistgħu jissellfu flus li huma soġġetti għad-distorsjonijiet fis-settur finanzjarju/l-allokazzjoni tal-kapital. Barra minn hekk, huma soġġetti għas-sistema ta’ ppjanar li tapplika fil-livelli kollha tal-gvern u tas-setturi.

(56)

B’konsegwenza ta’ dan, mhux biss il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku tal-kartelli ma humiex xierqa għall-użu fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, iżda l-kostijiet tal-inputs kollha (inklużi l-materja prima, l-enerġija, l-art, il-finanzjament, il-manodopera, eċċ.) huma wkoll affettwati minħabba li l-formazzjoni tal-prezzijiet tagħhom hija affettwata minn intervent sostanzjali tal-gvern, kif deskritt fil-Partijiet I u II tar-Rapport. Tabilħaqq, l-interventi tal-gvern deskritti fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kapital, tal-art, tal-manodopera, tal-enerġija u tal-materja prima huma preżenti fiċ-Ċina kollha kemm hi. Dan ifisser, pereżempju, li input li minnu nnifsu kien immanifatturat fiċ-Ċina permezz tal-kombinazzjoni ta’ firxa ta’ fatturi tal-produzzjoni huwa espost għal distorsjonijiet sinifikanti. L-istess japplika għall-input, lejn l-input u l-bqija.

(57)

F’din l-investigazzjoni, la l-GTĊ u lanqas il-produtturi esportaturi ma ppreżentaw xi evidenza jew argument li juri l-kuntrarju.

(58)

Fil-qosor, l-evidenza disponibbli wriet li l-prezzijiet jew il-kostijiet tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, inklużi l-kostijiet tal-materja prima, tal-enerġija u lavorattivi, ma humiex ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħielsa minħabba li huma affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku kif muri mill-impatt reali jew potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi rilevanti elenkati fih. Abbażi ta’ dan, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kooperazzjoni mill-GTĊ, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma huwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi sabiex jiġi stabbilit il-valur normali f’dan il-każ. Konsegwentement, il-Kummissjoni pproċediet sabiex tibni l-valur normali esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u l-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, abbażi tal-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u l-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, kif deskritt fit-taqsima li ġejja.

3.2.1.1.   Pajjiż rappreżentattiv

Kummenti ġenerali

(59)

L-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv kienet ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin, skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku:

Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għaċ-Ċina. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni użat pajjiżi b’introjtu nazzjonali gross per capita simili għaċ-Ċina abbażi tal-bażi tad-data tal-Bank Dinji (33);

Il-produzzjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat f’dak il-pajjiż;

Id-disponibbiltà tad-data pubblika rilevanti fil-pajjiż rappreżentattiv.

Meta kien hemm aktar minn pajjiż rappreżentattiv wieħed possibbli, ingħatat preferenza, meta kien xieraq, lill-pajjiż b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

(60)

Kif spjegat fil-premessi (26) u (27), il-Kummissjoni ħarġet żewġ noti għall-fajl dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali: l-Ewwel Nota dwar il-fatturi tal-produzzjoni tal-20 ta’ Lulju 2022 u t-Tieni Nota dwar il-fatturi tal-produzzjoni tad-19 ta’ Settembru 2022. Dawn in-noti ddeskrivew il-fatti u l-evidenza sottostanti tal-kriterji rilevanti. Fit-Tieni Nota dwar il-fatturi ta’ produzzjoni, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati bl-intenzjoni tagħha li tuża l-Brażil bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq f’dan il-każ jekk tiġi kkonfermata l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għal dak taċ-Ċina u l-produzzjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat

(61)

Fl-Ewwel Nota dwar il-fatturi ta’ produzzjoni, il-Kummissjoni identifikat il-Brażil, il-Messiku u r-Russja bħala pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħaċ-Ċina skont il-Bank Dinji, jiġifieri lkoll huma kklassifikati mill-Bank Dinji bħala pajjiżi “b’introjtu medju superjuri” fuq bażi tal-introjtu nazzjonali gross, u meta kien magħruf li jiġi mmanifatturat il-prodott li qiegħed jiġi investigat. Ma wasal l-ebda kumment dwar il-pajjiżi identifikati f’dik in-nota.

(62)

Fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni indikat li għal wieħed mill-pajjiżi identifikati bħala pajjiżi fejn qiegħed jiġi mmanifatturat il-prodott li qiegħed jiġi investigat, jiġifieri l-Messiku, il-produttur tal-kartelli waqqaf il-produzzjoni qabel il-perjodu ta’ investigazzjoni u ma kien hemm l-ebda data finanzjarja disponibbli wara l-2017 fil-bażi tad-data Orbis (34). Għalhekk, il-Messiku ma għadux jitqies bħala pajjiż rappreżentattiv possibbli għal din l-investigazzjoni.

Disponibbiltà tad-data pubblika rilevanti fil-pajjiż rappreżentattiv

(63)

Fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni indikat li l-uniku produttur tal-kartelli fir-Russja identifikat fl-Ewwel Nota ma kellux ammont raġonevoli ta’ profitt, la fl-2021, u lanqas fl-2020.

(64)

Fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni indikat li kellha għad-dispożizzjoni tagħha data li turi ammont raġonevoli ta’ profitti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku għal produttur wieħed biss fil-Brażil, KHS Industria de Maquinas LTDA u għas-sena 2020 biss. Sa issa ma kien hemm disponibbli l-ebda data finanzjarja aġġornata għall-2021.

(65)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati bit-Tieni Nota li hija għandha l-ħsieb li tuża l-Brażil bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq u l-kumpanija KHS Industria de Maquinas LTDA, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku sabiex tikseb prezzijiet jew valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni għall-kalkolu tal-valur normali. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar l-adegwatezza tal-Brażil bħala pajjiż rappreżentattiv u ta’ KHS Industria de Maquinas LTDA bħala produttur fil-pajjiż rappreżentattiv.

(66)

Wara t-Tieni Nota, waslu kummenti miż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, li argumentaw dan li ġej:

(a)

Il-produttur KHS Industria de Maquinas LTDA fil-Brażil issuġġerixxa li t-Tieni Nota dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali ma kinitx xierqa, minħabba li huwa kien speċjalizzat fl-inġinerija u fil-produzzjoni ta’ tagħmir jew aċċessorju ta’ mili mill-ġdid, aktar milli fil-manifattura ta’ kartelli.

(b)

L-eżistenza ta’ distorsjonijiet tas-suq fil-Brażil (dazji anti-dumping fuq prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti li joriġinaw miċ-Ċina, kwoti tal-esportazzjoni fuq prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti lejn l-Istati Uniti u tariffi tal-importazzjoni fl-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti li joriġinaw mill-Indoneżja, mill-Belġju, mill-Finlandja, mill-Afrika t’Isfel, miċ-Ċina u mill-Ġermanja) għamlu s-suq Brażiljan tal-prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti (HS721933) distort u għalhekk, il-valur ta’ dan l-aktar fattur importanti tal-produzzjoni fil-Brażil ma kienx affidabbli.

(c)

Il-Brażil applika tariffa tal-importazzjoni ogħla minn ħafna pajjiżi oħrajn fuq it-tliet materji primi ewlenin (azzar, spears u għenuq). Għalhekk, is-suq lokali Brażiljan kien aktar protettiv minn swieq oħrajn.

(d)

Parti mill-importazzjonijiet tal-fatturi ewlenin tal-produzzjoni tal-kartelli lejn il-Brażil ġew importati miċ-Ċina (37 % tal-prodotti tal-azzar irrumblati ċatti, 50 % tal-ispears u 54 % tal-għenuq), u għalhekk il-prezzijiet tas-suq ta’ dawn il-fatturi tal-produzzjoni fil-Brażil ġew imfixkla wkoll mill-prezzijiet distortivi.

(67)

B’riżultat ta’ dan, il-partijiet sostnew li l-affidabbiltà tad-data tas-suq fil-Brażil għall-fini tal-istabbiliment ta’ valur tas-suq mingħajr distorsjoni għal dawn il-fatturi ta’ produzzjoni kienet dubjuża.

(68)

Iż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ipproponew lill-Malażja bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq, minħabba li kellha livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għaċ-Ċina, anke jekk ma kien hemm l-ebda produttur ta’ kartelli fil-Malażja.

(69)

Madankollu, il-Malażja ma setgħetx titqies bħala pajjiż rappreżentattiv potenzjali, peress li, kif rikonoxxut mill-partijiet infushom, ma kien hemm l-ebda produzzjoni ta’ kartelli fil-Malażja.

(70)

Il-Kummissjoni kompliet tanalizza l-evidenza (35) dwar id-distorsjonijiet probabbli tas-suq tal-prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti (HS721933) fil-Brażil. L-eżistenza ta’ dazji anti-dumping tas-suq fuq prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti li joriġinaw miċ-Ċina ma hijiex rilevanti, peress li l-importazzjonijiet miċ-Ċina huma esklużi meta jiġi stabbilit prezz ta’ riferiment tal-materja prima. Il-kwoti tal-esportazzjoni fuq il-prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti lejn l-Istati Uniti ma jidhrux li jillimitaw l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti, peress li għadhom it-tielet l-akbar esportatur għal dan il-prodott lejn il-Brażil (wara ċ-Ċina u l-Indoneżja). Barra minn hekk, l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti lejn il-Brażil mill-Istati Uniti huma bi prezz kemxejn ogħla mill-importazzjonijiet mill-akbar għaxar pajjiżi importaturi minbarra ċ-Ċina (EUR 16,3/kg u EUR 14,5/kg ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti, rispettivament). Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument li s-suq Brażiljan tal-prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti (HS721933) kien distort minħabba d-dazji anti-dumping lejn iċ-Ċina u l-kwoti tal-esportazzjoni lejn l-Istati Uniti.

(71)

Fir-rigward tal-livell tat-tariffi tal-importazzjoni fuq it-tliet materji prima ewlenin, il-Kummissjoni nnotat li l-valuri mingħajr distorsjoni użati għall-kalkolu tal-valur normali jqisu d-dazji tal-importazzjoni peress li jikkostitwixxu indikatur għal prezz fis-suq domestiku tal-pajjiżi rappreżentattivi possibbli. Għalhekk, tqabbil astratt tal-livelli rispettivi tad-dazji tal-importazzjoni għall-materja prima fil-prinċipju ma huwiex fattur rilevanti sabiex titqabbel l-adegwatezza tal-pajjiżi rappreżentattivi. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni nnotat li l-livell tad-dazji tal-importazzjoni huwa biss wieħed mill-elementi sabiex jiġi vvalutat jekk ċertu suq huwiex miftuħ jew protett, u l-parti ma ppreżentat l-ebda evidenza speċifika oħra sabiex turi li dan kien il-każ għall-Brażil għall-materja prima kkonċernata. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dan l-argument.

(72)

Fir-rigward tal-importazzjonijiet miċ-Ċina tal-materji primi ewlenin, il-Kummissjoni qabblet ukoll lill-Brażil u lir-Russja, iż-żewġ pajjiżi rappreżentattivi potenzjali, fejn ġiet ikkonfermata l-produzzjoni ta’ kartelli. L-analiżi tad-data dwar l-importazzjoni wriet li l-importazzjonijiet miċ-Ċina lejn ir-Russja tal-fattur ewlieni tal-produzzjoni, il-kojl tal-azzar inossidabbli (HS721933), li jirrappreżenta aktar minn 50 % tal-kost tal-produzzjoni tal-kartelli, kienu ogħla milli lejn il-Brażil (60 % tal-kojl tal-azzar inossidabbli lejn ir-Russja ġie importat miċ-Ċina, filwaqt li għall-Brażil, il-proporzjon kien ħafna aktar baxx (37 %)). Barra minn hekk, l-importazzjonijiet miċ-Ċina lejn ir-Russja ta’ spears, li jirrappreżentaw aktar minn 20 % tal-kost tal-produzzjoni tal-kartelli, kienu wkoll ogħla milli lejn il-Brażil (68 % u 50 %, rispettivament). Meta wieħed iqis il-piż ta’ dawn iż-żewġ materja prima ewlenija (il-kojl u l-ispear tal-azzar inossidabbli) fil-kost tal-produzzjoni tal-kartelli, dawn id-differenzi fil-volum tal-importazzjoni miċ-Ċina waħedhom jimminaw il-kwalità tad-data għal valuri mingħajr distorsjoni fir-Russja aktar milli fil-Brażil. Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-Russja ma tqisitx bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(73)

Il-Kummissjoni analizzat ukoll l-evidenza dwar KHS Industria de Maquinas LTDA fil-Brażil u kkonfermat li l-kumpanija kienet speċjalizzata fl-inġinerija u fil-produzzjoni tat-teknoloġiji ta’ mili u ta’ sistemi għall-mili tal-kartelli jew għal tagħmir aċċessorju, aktar milli l-manifattura tal-kartelli. Għalhekk ma setgħetx titqies aktar bħala produttur tal-kartelli.

(74)

Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet identifikat żewġ produtturi addizzjonali ta’ kartelli fl-Ewwel Nota. Madankollu, il-Kummissjoni ma setgħet issib data finanzjarja xierqa għall-ebda wieħed mill-produtturi tal-kartelli identifikati li jifdal fil-Brażil. Fin-nuqqas ta’ valur referenzjarju xieraq sabiex jiġu stabbiliti SG&A u profitt raġonevoli għall-prodott li qiegħed jiġi investigat fil-Brażil, l-uniku pajjiż rappreżentattiv li jifdal fejn ġiet ikkonfermata l-produzzjoni tal-kartelli u, għalhekk, id-disponibbiltà tal-materja prima ewlenija, il-Kummissjoni qieset b’mod provviżorju li d-data tal-kumpaniji f’settur li jipproduċi prodott simili tista’ tkun xierqa f’dawn iċ-ċirkostanzi. Għalhekk, hija fittxet data dwar il-produtturi ta’ firxa simili ta’ prodotti għall-kartelli, jiġifieri, prodotti li kienu simili f’termini tal-materja prima użata, il-forma u l-iskop tal-prodott finali. Ir-riċerka kienet ibbażata fuq il-kodiċijiet NACE (36). Id-data minn ħames kumpaniji bil-kodiċi NACE 2592 (ippakkjar tal-metall ħafif), li jipproduċu laned tal-metall, prodotti tal-ippakkjar, kontenituri għall-industrija tal-ikel, kienet disponibbli fil-bażi tad-data Orbis (37) u l-prodotti mmanifatturati minn dawk il-kumpaniji jistgħu jitqiesu simili għall-kartelli f’termini tal-materja prima użata, il-forma u l-iskop tal-prodott finali. Barra minn hekk, fil-bażi tad-data Orbis, iż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fiċ-Ċina ġew irreġistrati wkoll taħt l-istess kodiċi NACE 2592, bħall-produtturi tal-laned tal-metall, il-prodotti tal-ippakkjar, il-kontenituri għall-industrija tal-ikel. Fl-aħħar nett, minn dawn il-ħames produtturi ta’ laned tal-metall, prodotti tal-ippakkjar, kontenituri fil-Brażil, wieħed minnhom biss, Metalurgica Mococa SA (38), kellu data finanzjarja għall-PI.

(75)

Abbażi tal-analiżi tad-data disponibbli, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża lill-Brażil bħala l-pajjiż rappreżentattiv xieraq fl-istadju provviżorju tal-investigazzjoni u li tuża d-data finanzjarja ta’ kumpanija waħda, Metalurgica Mococa SA, għall-valur normali maħdum f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

Livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali

(76)

Wara li ġie stabbilit li l-Brażil kien l-uniku pajjiż rappreżentattiv xieraq, abbażi tal-elementi kollha msemmija hawn fuq, ma kienx hemm bżonn li titwettaq valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali f’konformità mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku.

Konklużjoni

(77)

Fid-dawl tal-analiżi ta’ hawn fuq, il-Brażil issodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku sabiex jitqies bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq.

Is-sorsi użati sabiex jiġu stabbiliti l-kostijiet mingħajr distorsjoni

(78)

Fl-Ewwel Nota, il-Kummissjoni elenkat il-fatturi ta’ produzzjoni, bħall-materjali, l-enerġija u l-manodopera użati fil-produzzjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat mill-produttur esportatur u stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw u jipproponu informazzjoni disponibbli għall-pubbliku dwar il-valuri mingħajr distorsjoni għal kull wieħed mill-fatturi ta’ produzzjoni msemmija f’dik in-nota.

(79)

Sussegwentement, fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni ddikjarat li, sabiex taħdem il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, hija tuża l-bażi tad-data tal-Global Trade Atlas (“GTA”) sabiex tistabbilixxi l-kost mingħajr distorsjoni tal-biċċa l-kbira tal-fatturi ta’ produzzjoni, b’mod partikolari l-materja prima. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddikjarat li se tuża l-ILO sabiex tistabbilixxi l-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manodopera (39) u r-riċerka ta’ Global Electricity Prices għall-elettriku (40).

(80)

Fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni informat ukoll lill-partijiet interessati li minħabba l-piż negliġibbli ta’ xi materja prima fil-kost totali tal-produzzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, dawn l-oġġetti negliġibbli ġew raggruppati taħt “oġġetti tal-konsum”. Il-Kummissjoni kkalkolat il-perċentwal tal-oġġetti tal-konsum fuq il-kost totali tal-materja prima u applikat dan il-perċentwal għall-kost ikkalkolat mill-ġdid tal-materja prima meta użat il-valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni stabbiliti fil-pajjiż rappreżentattiv xieraq.

Kostijiet u valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni

3.2.1.2.   Fatturi tal-produzzjoni

(81)

Meta titqies l-informazzjoni kollha ppreżentata mill-partijiet interessati u miġbura matul l-RCC, il-fatturi tal-produzzjoni li ġejjin u s-sorsi tagħhom ġew identifikati sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku:

Tabella 1

Fatturi tal-produzzjoni tal-kartelli

Fattur tal-Produzzjoni

Kodiċi tal-Komodità

Valur mingħajr distorsjoni

Materja prima

Kojl tal-Azzar Inossidabbli

721933

16,73 CNY/Kg

Spear

84819090

387,18 CNY/Kg

Għonq

73269090

100,27 CNY/Kg

Fdal

720421

8,86 CNY/Kg

Manodopera

Pagi tal-ħaddiema fis-settur tal-manifattura

Mhux applikabbli

29,20 CNY/siegħa

Enerġija

Elettriku

Mhux applikabbli

0,7475  CNY/kWh

Materja prima

(82)

Sabiex jiġi stabbilit il-prezz mingħajr distorsjoni ta’ materja prima kif ikkonsenjata sax-xatba tal-fabbrika ta’ produttur rappreżentattiv tal-pajjiż, il-Kummissjoni użat bħala bażi l-prezz medju ponderat ta’ importazzjoni fil-pajjiż rappreżentattiv kif irrapportat fil-GTA li miegħu żdiedu d-dazji fuq l-importazzjoni u l-kostijiet tat-trasport. Prezz tal-importazzjoni fil-pajjiż rappreżentattiv ġie ddeterminat bħala medja ponderata tal-prezzijiet ta’ unità tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha minbarra ċ-Ċina u pajjiżi li ma humiex membri tad-WTO, elenkati fl-Anness 1 tar-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41). Il-Kummissjoni ddeċidiet li teskludi l-importazzjonijiet miċ-Ċina lejn il-pajjiż rappreżentattiv peress li fil-premessa (58) ikkonkludiet li ma huwiex xieraq li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fiċ-Ċina minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku. Minħabba li ma hemm l-ebda evidenza li turi li l-istess distorsjonijiet ma jaffettwawx bl-istess mod il-prodotti maħsuba għall-esportazzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-istess distorsjonijiet affettwaw il-prezzijiet tal-esportazzjoni. Wara l-esklużjoni tal-importazzjonijiet fil-pajjiż rappreżentattiv miċ-Ċina u minn pajjiżi b’ekonomija mhux tas-suq, il-Kummissjoni sabet li l-importazzjonijiet tal-materja prima ewlenija minn pajjiżi terzi oħrajn baqgħu rappreżentattivi.

(83)

Wara t-Tieni Nota, il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun sostnew li l-kodiċi SA xieraq għall-ispears li jenħtieġ li jintuża sabiex jiġi stabbilit il-valur mingħajr distorsjoni ta’ din il-materja prima huwa HS848180 u mhux HS848190. Il-produtturi esportaturi argumentaw li l-kodiċi HS848180 jirrappreżenta viti tal-ilma, viti, valvi u apparat simili għal pajpijiet, qxur ta’ kaldaruni, tankijiet, btieti jew oġġetti simili, filwaqt li l-kodiċi HS848190 jirreferi għal partijiet tagħhom. L-esportaturi inklużi fil-kampjun sostnew li l-ispear huwa tip ta’ valv fih innifsu, aktar milli partijiet minn valv. Peress li l-kejl ta’ unità għal dan il-kodiċi huwa unità/oġġett fin-nomenklatura tal-Brażil, dan jirrifletti b’mod xieraq ir-realtà tal-mod kif jiġi akkwistat dan il-materjal u jsir l-ipprezzar. Barra minn hekk, dan huwa l-kodiċi użat ukoll mill-fornituri tal-ispears meta jesportaw mill-UE. Għalhekk, il-kodiċi HS848180 huwa l-klassifikazzjoni t-tajba għal spears.

(84)

Il-Kummissjoni ċċarat li l-intestatura HS 8481, fost l-oħrajn, tinkludi wkoll “unitajiet li jqassmu l-birra mħaddma bil-gass għal bar counters, li jikkonsistu essenzjalment f’vit imħaddem bl-idejn wieħed jew aktar alimentati bil-pressjoni tad-diossidu tal-karbonju mwassal fil-btieti tal-birra”. L-ispear ta’ kartell huwa ddisinjat għaż-żamma tal-gass taħt pressjoni (diossidu tal-karbonju) fil-kartell u għall-provvista tal-likwidu kkarbonizzat li jiżgura l-fluss ikkundizzjonat tiegħu. Din il-funzjoni titwettaq prinċipalment mill-mekkaniżmu inkluż fil-qafas tal-ispear tal-kartell li jinkorpora valv (jew żewġ valvi skont il-mudell). Għalhekk, spear jista’ jitqies bħala parti mill-unitajiet li jqassmu l-birra mħaddma bil-gass mill-ambitu tal-intestatura HS 8481 u jenħtieġ li jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 848190. Barra minn hekk, wieħed mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun issottometta d-dokumentazzjoni tiegħu dwar l-importazzjoni tal-ispears, li indikat l-importazzjoni tal-ispears skont l-HS848190. B’mod ġenerali, nofs il-produtturi esportaturi li kkooperaw iddikjaraw li għall-ispears għandu jintuża l-kodiċi HS848190. Għalhekk, l-affermazzjoni tal-partijiet li jużaw il-kodiċi HS848180 ġiet miċħuda.

(85)

Id-data dwar l-importazzjonijiet tal-ispears lejn il-Brażil ġiet ikklassifikata taħt iż-żewġ kodiċijiet estiżi rilevanti: 84819010 (partijiet minn valvi tal-aerosol, apparat użat għall-kmamar tal-banju, eċċ. u 84819090 (partijiet minn vitjien, apparati oħrajn għall-kanalizzazzjonijiet, eċċ.). Intgħażlet it-84819090, peress li l-ispears ma kinux partijiet mill-valvi tal-aerosol.

(86)

Għal numru ta’ fatturi ta’ produzzjoni, il-kostijiet effettivi mġarrba mill-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jirrappreżentaw fuq bażi individwali sehem negliġibbli tal-kostijiet totali tal-materja prima fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Billi l-valur użat għal dawn ma kellu l-ebda impatt apprezzabbli fuq il-kalkoli tal-marġni tad-dumping, irrispettivament mis-sors użat, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinkludi dawk il-kostijiet f’oġġetti tal-konsum kif spjegat fil-premessa (80).

(87)

Sabiex tistabbilixxi l-prezz mingħajr distorsjoni tal-materja prima, kif previst fl-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni applikat id-dazji tal-importazzjoni rilevanti tal-pajjiż rappreżentattiv.

(88)

Il-Kummissjoni esprimiet il-kost tat-trasport imġarrab mill-produttur esportatur li kkoopera għall-provvista ta’ materja prima bħala perċentwal tal-kost effettiv ta’ materja prima bħal din u mbagħad applikat l-istess perċentwal għall-kost mingħajr distorsjoni tal-istess materja prima sabiex jinkiseb il-kost mingħajr distorsjoni tat-trasport. Il-Kummissjoni kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-proporzjon bejn il-materja prima tal-produttur esportatur u l-kostijiet tat-trasport irrapportati jista’ jintuża b’mod raġonevoli bħala indikazzjoni sabiex jiġu stmati l-kostijiet mingħajr distorsjoni tat-trasport tal-materja prima meta tiġi kkonsenjata sax-xatba tal-kumpanija.

Manodopera

(89)

Il-Kummissjoni użat l-istatistika tal-ILO (42) sabiex tiddetermina l-pagi fil-Brażil. L-istatistika tal-ILO pprovdiet informazzjoni dwar il-pagi ta’ kull xahar tal-ħaddiema fis-settur tal-manifattura u s-sigħat medji ta’ kull ġimgħa li nħadmu (43) fil-Brażil fl-2021. Kostijiet addizzjonali relatati max-xogħol imġarrba mill-impjegatur, abbażi tas-sorsi disponibbli għall-pubbliku (44), ġew miżjuda mal-paga ta’ kull xahar.

(90)

Matul l-RCC ta’ produttur esportatur wieħed inkluż fil-kampjun, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda rekord għas-sigħat tax-xogħol effettivi, iżda s-sigħat tax-xogħol standard biss. Il-produttur esportatur irrapporta li s-sigħat tax-xogħol effettivi kienu bħala medja 10 minuti itwal qabel u wara x-xift/jum maħduma sabiex jaslu u jitilqu mill-faċilitajiet tal-produzzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni żiedet is-sigħat standard tax-xogħol ta’ dan il-produttur esportatur inkluż fil-kampjun b’20 minuta għal kull xift/jum.

Elettriku

(91)

Fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni indikat li se tuża r-riċerka ta’ Global Electricity Prices għall-valur referenzjarju tal-elettriku (45). Il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun sostnew li l-Kummissjoni jenħtieġ li tuża d-data minn EDP Brasil (46), il-fornitur ewlieni tal-elettriku fis-suq lokali tal-Brażil, filwaqt li tqis it-tariffi differenti għall-perjodi b’domanda massima u dawk kwieti u l-prezzijiet rilevanti imposti fuq il-kategorija ta’ konsumaturi industrijali, li kienet affidabbli għall-valur referenzjarju tal-elettriku.

(92)

Il-Ministeru għall-Estrazzjoni u l-Enerġija fil-Brażil (Ministério de Minas e Energia) jippubblika rapport annwali dwar is-settur tal-enerġija fil-Brażil (47). Ir-rapport tal-2021 jinkludi t-tariffa medja tal-elettriku (48) mill-fornituri ewlenin kollha tal-elettriku applikata għall-utenti industrijali fil-Brażil (49). Il-Kummissjoni qieset dan is-sors bħala l-aktar affidabbli sabiex tistabbilixxi l-valur referenzjarju tal-elettriku, peress li kien jinkludi t-tariffi medji applikati mill-fornituri ewlenin kollha tal-elettriku fil-Brażil b’differenza mis-sors tad-data propost mill-produtturi esportaturi, li rrefera għal fornitur wieħed biss. Għalhekk użat it-tariffa medja tal-elettriku għall-utenti industrijali ppubblikata fir-rapport mill-Ministeru għall-Estrazzjoni u l-Enerġija fil-Brażil fl-2021.

L-ispejjeż ġenerali tal-manifattura, SG&A u profitti

(93)

Skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali maħdum għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti”. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi stabbilit valur għall-ispejjeż ġenerali tal-manifattura sabiex ikopri l-kostijiet mhux inklużi fil-fatturi tal-produzzjoni msemmija hawn fuq.

(94)

L-ispejjeż ġenerali tal-manifattura mġarrba mill-produtturi esportaturi li kkooperaw ġew espressi bħala sehem mill-kostijiet tal-manifattura effettivament imġarrba mill-produtturi esportaturi. Dan il-perċentwal ġie applikat għall-kostijiet tal-manifattura mingħajr distorsjoni.

(95)

Sabiex tistabbilixxi ammont mingħajr distorsjoni u raġonevoli għall-SG&A u għall-profitt, fl-2021, il-Kummissjoni bbażat fuq id-data finanzjarja ta’ Metalurgica Mococa SA, kif estratta mill-bażi tad-data Orbis.

Il-kalkolu

(96)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(97)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni stabbiliet il-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manifattura. Il-Kummissjoni applikat il-kostijiet ta’ unità mingħajr distorsjoni għall-konsum effettiv ta’ kull fattur individwali tal-produzzjoni tal-produttur esportatur li kkoopera. Dawn ir-rati ta’ konsum ipprovduti mill-produtturi esportaturi ġew ivverifikati matul il-kontroverifika mill-bogħod. Il-Kummissjoni mmultiplikat il-fatturi tal-użu bil-kostijiet mingħajr distorsjoni għal kull unità li ġew osservati fil-pajjiż rappreżentattiv, kif deskritt fil-premessi (82) sa (88).

(98)

Ladarba ġie stabbilit il-kost tal-manifattura mingħajr distorsjoni, il-Kummissjoni applikat l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura, kif innotat fil-premessa (94).

(99)

Mal-kostijiet tal-produzzjoni stabbiliti kif deskritt fil-premessa preċedenti, il-Kummissjoni applikat l-SG&A u l-profitt ta’ Metalurgica Mococa SA fil-Brażil. L-SG&A, espressi bħala perċentwal tal-Kostijiet tal-Prodotti Mibjugħa (“COGS”) u applikati għall-kostijiet tal-produzzjoni mingħajr distorsjoni, ammontaw għal 8,5 %. Il-profitt, espress bħala perċentwal tas-COGS u applikat għall-kostijiet tal-produzzjoni mingħajr distorsjoni, ammonta għal 24,4 %.

(100)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

3.2.2.   Prezz tal-esportazzjoni

(101)

Il-produttur esportatur inkluż fil-kampjun esporta lejn l-Unjoni direttament lil klijenti indipendenti. L-ieħor esporta direttament lil klijenti indipendenti jew permezz ta’ kumpanija kummerċjali mhux relatata f’Hong Kong. F’dan il-każ, il-merkanzija ntbagħtet mill-produttur esportatur direttament lill-klijent indipendenti fl-Unjoni, filwaqt li l-fattura nħarġet lill-kumpanija kummerċjali f’Hong Kong.

(102)

Għall-bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat li sar direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz li effetivament tħallas jew dak pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta nbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(103)

Għall-bejgħ għall-esportazzjoni li sar permezz ta’ kumpanija kummerċjali mhux relatata f’Hong Kong, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit abbażi tal-prezz li bih il-prodott esportat inbiegħ għall-ewwel darba lil dik il-kumpanija kummerċjali. Għalkemm il-Kummissjoni kellha evidenza (kontijiet tat-tbaħħir eċċ) li dawn il-prodotti ntbagħtu mill-produttur esportatur direttament lill-klijent indipendenti fl-Unjoni, il-prezz tal-bejgħ lill-klijent finali ma setax jiġi stabbilit. Il-Kummissjoni kkuntattjat lil kumpanija kummerċjali f’Hong Kong, madankollu ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni minn dik il-kumpanija. Lanqas l-utent finali Ewropew li jixtri l-kartelli inkwistjoni ma kkoopera fl-investigazzjoni. Għalhekk, il-prezz tal-bejgħ lill-klijent finali fl-Unjoni ma kienx disponibbli fl-istadju provviżorju tal-investigazzjoni.

3.2.3.   Tqabbil

(104)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika għal kull tip ta’ prodott.

(105)

Meta ġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għat-trasport, għall-assigurazzjoni, għall-immaniġġar, għall-kostijiet tat-tagħbija, għad-dazju doganali, għall-kostijiet tal-kreditu u t-tariffi bankarji.

3.2.4.   Marġnijiet tad-dumping

(106)

Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta’ kull tip ta’ prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, f’konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(107)

Abbażi ta’ dan, il-marġnijiet tad-dumping medji ponderati provviżorji espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Il-marġni tad-dumping provviżorju

Penglai Jinfu Stainless Steel Products Co., Ltd

77,1  %

Ningbo Major Draft Beer Equipment Co., Ltd

65,3  %

(108)

Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw li ma humiex inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni kkalkolat il-marġni tad-dumping medju ponderat, f’konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, dan il-marġni ġie stabbilit abbażi tal-marġnijiet tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, filwaqt li ġew injorati l-marġnijiet tal-produtturi esportaturi b’marġnijiet ta’ dumping żero u de minimis, kif ukoll il-marġnijiet stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(109)

Abbażi ta’ dan, il-marġni tad-dumping provviżorju tal-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma humiex inklużi fil-kampjun huwa ta’ 72,1 %.

(110)

Għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fiċ-Ċina, il-Kummissjoni stabbiliet il-marġni tad-dumping abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi.

(111)

Il-Kummissjoni qieset li l-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ kien baxx peress li l-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jirrappreżentaw biss madwar 32 % tal-kwantitajiet totali stmati tal-importazzjoni miċ-Ċina fil-PI. Għalhekk, għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fiċ-Ċina, il-Kummissjoni qieset li huwa xieraq li jiġi stabbilit il-marġni tad-dumping abbażi tat-tip ta’ prodott rappreżentattiv bl-ogħla marġni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Għalhekk, il-marġni tad-dumping għall-pajjiż kollu applikabbli għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha li ma kkooperawx ġie stabbilit fil-livell ta’ 91,0 %.

(112)

Il-marġnijiet tad-dumping provviżorji, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Il-marġni tad-dumping provviżorju

Penglai Jinfu Stainless Steel Products Co., Ltd

77,1  %

Ningbo Major Draft Beer Equipment Co., Ltd

65,3  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

72,1  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

91,0  %

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(113)

Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-prodott simili kien immanifatturat minn tmien produtturi fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Huma jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(114)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienet stabbilita għal madwar 1 926 200 kartell. Il-Kummissjoni stabbiliet din iċ-ċifra abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli dwar l-industrija tal-Unjoni, bħat-tweġibiet għall-kwestjonarju makroekonomiku pprovdut mill-ilmentatur. Kif indikat fil-premessa (7), it-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw madwar 73 % tal-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni tal-prodott simili.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(115)

Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 2

Il-konsum tal-Unjoni (unitajiet)

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Il-konsum totali tal-Unjoni

3 477 583

2 554 726

1 861 260

1 192 884

Indiċi

100

73

54

34

Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni u l-istatistika doganali (ara t-Taqsima 4.3.1.)

(116)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni ta’ kartelli abbażi tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni, flimkien mal-importazzjonijiet totali miċ-Ċina. Il-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-importazzjonijiet miċ-Ċina hija spjegata fid-dettall fit-Taqsima 4.3.1. hawn taħt. L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn lejn l-Unjoni ma ġewx ikkunsidrati peress li tqiesu negliġibbli (ara l-premessa (119)).

(117)

Il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni nkiseb mit-tweġiba għall-kwestjonarju pprovdut mill-ilmentatur, u vverifikat mal-informazzjoni pprovduta mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju.

(118)

Il-prodott ikkonċernat jiġi importat fl-Unjoni taħt żewġ kodiċijiet NM (ex 7310 10 00 u ex 7310 29 90), skont il-kapaċità tal-kartell. Il-kartelli bil-kapaċità ta’ >= 50 litru iżda ta’ <= 300 litru jaqgħu taħt il-kodiċi NM 7310 10 00, filwaqt li dawk bil-kapaċità ta’ < 50 litru jaqgħu taħt il-kodiċi NM 7310 29 90. Dawn iż-żewġ kodiċijiet NM jinkludu wkoll firxa wiesgħa ta’ prodotti oħrajn minbarra l-prodott li qiegħed jiġi investigat (eż. laned, kaxex tal-landa, apparat għat-tmigħ tal-bhejjem, bramel, apparat tat-tifi tan-nar, kanisters, kontenituri u tankijiet għal diversi użi, fliexken tal-ilma, btieti tal-azzar, eċċ.), u għalhekk, ma kienx possibbli li jiġu stabbiliti l-importazzjonijiet abbażi tal-kodiċijiet NM biss.

(119)

Fir-rigward tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn, l-Ilment sostna li s-suq tal-Unjoni huwa fornut b’kartelli b’mod predominanti mill-produtturi u mill-esportaturi tal-Unjoni miċ-Ċina. L-eżami mill-Kummissjoni tad-data dwar il-fornituri, ipprovduta minn tliet utenti ewlenin (ara aktar ’il quddiem fil-premessa (130)) indika li ma hemm l-ebda fornitur ieħor fis-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet fl-Unjoni minn pajjiżi terzi oħrajn, jekk ikun hemm, huma negliġibbli u ma jkollhom l-ebda impatt apprezzabbli fuq il-konsum tal-Unjoni.

(120)

Il-konsum tal-Unjoni naqas b’66 % waqt il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Wara t-tnaqqis inizjali ta’ 27 % fl-2019, kien hemm tnaqqis aktar qawwi segwit fl-2020 u fil-PI (2021). Dan it-tnaqqis ikkoinċida mas-snin meta l-Unjoni kienet l-aktar milquta mill-pandemija tal-COVID-19 u jista’ jiġi attribwit għall-hekk imsejħa “lockdowns” korrispondenti, jiġifieri miżuri introdotti mill-gvernijiet madwar l-Unjoni sabiex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19.

(121)

Il-miżuri tal-COVID-19 affettwaw b’mod partikolari l-lukandi, ir-ristoranti u l-kafetteriji (“is-settur tal-HORECA”). Is-settur tal-HORECA jixtri l-birra u xorb ieħor mill-utenti, li ħafna drabi huma birreriji tal-birra. Il-birra tiġi kkonsenjata lilhom f’kartelli li jkunu mwaħħla ma’ installazzjonijiet tad-draught li minnhom imbagħad titferra’ fit-tazzi u tiġi servuta lill-klijenti tas-settur tal-HORECA.

(122)

Matul l-2020 u l-PI, il-maġġoranza l-kbira tas-settur tal-HORECA fl-Unjoni kienet obbligata li jew tqassar il-ħinijiet tax-xogħol tagħha, u/jew tillimita l-kapaċità tagħha jew li tibqa’ kompletament magħluqa għal perjodi ta’ żmien estiżi, skont il-miżuri tal-gvern introdotti sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19. Tnaqqis bħal dan fl-attività tas-settur tal-HORECA u, konsegwentement, tnaqqis fid-domanda għal birra draught, kellu konsegwenza loġika tat-tnaqqis fid-domanda mill-utenti għall-kartelli li fihom ifornu l-birra lill-klijenti tas-settur tal-HORECA tagħhom.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4.3.1.   Il-metodoloġija użata għall-kwantifikazzjoni tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(123)

Fl-ilment, l-Ilmentatur ippreżenta metodoloġija tiegħu stess sabiex jistabbilixxi l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat. Din il-metodoloġija bbażat fuq l-għarfien tas-suq tal-Ilmentatur u stmat żieda notevoli fl-importazzjonijiet fl-Unjoni, 188 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, murija fit-Tabella 3 hawn taħt.

Tabella 3

Bejgħ tal-kartelli Ċiniżi fl-Unjoni – Stima tal-ilment (unitajiet)

 

2018

2019

2020

PI

Permezz ta’ offerti

107 148

482 315

898 664

630 438

Permezz tad-distributuri

182 000

198 000

118 000

202 000

Total

289 148

680 315

1 016 664

832 438

Indiċi

100

235

352

288

Sors: It-Taqsima 201 tal-ilment

(124)

Kif spjegat fil-paragrafi 193 sa 203 tal-ilment, il-metodoloġija ta’ hawn fuq kienet tikkonsisti fi tliet elementi ewlenin. L-ewwel nett, l-Ilmentatur żied il-kwantitajiet ta’ kartelli mitluba fl-offerti kollha (fl-ilment imsejħa “offerti”) organizzati minn ħames utenti ewlenin, jiġifieri, il-gruppi tal-birreriji l-kbar preżenti fis-suq tal-Unjoni, prinċipalment: AB InBev, Asahi CEE, Carlsberg, Heineken, u Molson Coors (“l-utenti ewlenin”). It-tieni, l-Ilmentatur naqqas il-bejgħ tiegħu stess li għamel minn dawk l-offerti, filwaqt li kien qiegħed jopera bis-suppożizzjoni li l-bqija tal-lott totali mitlub f’kull sejħa għall-offerti ntrebaħ u ġie fornut mill-produtturi miċ-Ċina. Fl-aħħar nett, l-Ilmentatur żied il-kwantitajiet importati minn importaturi/rivendituri, stmati abbażi tal-għarfien tagħhom dwar is-suq.

(125)

L-investigazzjoni wriet li l-kwantitajiet ta’ kartelli li l-utenti ewlenin effettivament xtraw wara sejħa għall-offerti rari jikkorrispondu għall-kwantitajiet inizjalment mitlubin permezz ta’ dik l-offerta. Filwaqt li l-proporzjonijiet ivarjaw minn sejħa għall-offerti għal oħra u bejn l-utenti ewlenin, bħala medja, l-utenti ewlenin xtraw anqas minn 60 % tal-kwantitajiet oriġinarjament mitlubin permezz tal-offerti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan huwa dovut għall-mod partikolari li bih jiffunzjona dan is-suq, b’mod partikolari marbut mal-modalitajiet u mas-segwitu tal-offerti mill-utenti, kif spjegat hawn taħt fit-Taqsima 5.1, fejn, b’mod partikolari, l-utenti ma kienu taħt l-ebda obbligu kuntrattwali li jixtru l-kwantitajiet effettivament offruti.

(126)

Għalhekk, il-Kummissjoni fittxet li tivverifika jekk tali stima tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni mill-Ilment kinitx akkurata u, f’każ li din ma kinitx, tistma l-kwantitajiet tal-importazzjonijiet b’mod aktar preċiż. Għal dak il-għan, hija talbet data tal-vjeġġi kollha taħt iż-żewġ kodiċijiet NM mill-awtoritajiet doganali ta’ sitt Stati Membri tal-UE (“SM”) bl-akbar importazzjonijiet taż-żewġ kodiċijiet NM ta’ hawn fuq matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, jew miċ-Ċina jew mid-dinja kollha: il-Belġju, iċ-Ċekja, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Polonja. il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, u n-Netherlands kienu fost il-ħames pajjiżi bl-akbar importazzjonijiet fiż-żewġ kategoriji, filwaqt li l-Polonja kienet fost il-ħames Stati Membri bl-akbar volum ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina, u ċ-Ċekja bl-akbar volum meta wieħed iħares lejn l-importazzjonijiet mill-bqija tad-dinja. Dawn is-sitt Stati Membri flimkien kienu jirrappreżentaw 73 % tal-importazzjonijiet tal-UE miċ-Ċina u 66 % tal-importazzjonijiet madwar id-dinja matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(127)

Il-Kummissjoni analizzat id-data li rċeviet u, abbażi tad-deskrizzjoni ta’ kull vjeġġ, hija kkalkolat ċifra aktar baxxa u ogħla ta’ dak li jista’ jiġi kkunsidrat b’mod raġonevoli bħala importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fis-sitt Stati Membri. B’mod partikolari, il-vjeġġi li ġew deskritti bħala “kartelli (tal-birra)” ġew aggregati biex jiffurmaw iċ-ċifra aktar baxxa, filwaqt li dawk li kellhom deskrizzjoni konsistenti mal-karatteristiċi tal-kartelli, ġew aggregati biex jiffurmaw l-ogħla waħda. F’dak il-kuntest, vjeġġi li ġew deskritti bħala xi ħaġa oħra, bħal apparat għat-tmigħ tal-bhejjem, bramel, tankijiet tal-gass, bojlers, laned, kaxxi tal-landa, eċċ., jew kienu inkompatibbli mal-karatteristiċi tal-kartelli, ma tqisux. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-awtoritajiet doganali ma jirreġistrawx l-unitajiet (numru ta’ kartelli) f’kull vjeġġ, iżda biss il-piż ta’ tali vjeġġ. F’dawk il-każijiet, il-Kummissjoni tibbaża fuq ir-rata ta’ konverżjoni ta’ kartell 1 = 10 kg (50) sabiex tikkalkola n-numru ta’ kartelli. Iċ-ċifri ogħla u aktar baxxi li jirriżultaw għal kull sena mbagħad ġew aġġustati bil-fattur ta’ 0,73, jiġifieri l-perċentwal li s-sitt Stati Membri jirrappreżentaw fl-importazzjonijiet totali tal-Unjoni taż-żewġ kodiċijiet NM miċ-Ċina, biex tiġi kkalkolata ċifra sħiħa tal-kwantitajiet tal-importazzjoni ta’ kartelli miċ-Ċina lejn l-Unjoni. Ir-riżultati ta’ dik l-analiżi huma murija fit-Tabella 4 hawn taħt.

Tabella 4

Importazzjonijiet fl-Unjoni bbażati fuq data doganali dettaljata

Kartelli (unitajiet)

2018

2019

2020

PI

Importazzjonijiet tal-kartelli – ċifra aktar baxxa

217 744

254 996

139 684

136 638

Indiċi

100

117

64

63

Importazzjonijiet tal-kartelli – l-ogħla ċifra

602 010  (51)

430 208

381 958

370 107

Indiċi

100

77

68

66

Sors: data dettaljata tat-tranżazzjonijiet mill-awtoritajiet doganali tal-Belġju, iċ-Ċekja, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands, u l-Polonja, aġġustata bil-fattur ta’ 0,73

(128)

Iċ-ċifri ta’ hawn fuq ikkonfermaw li l-metodoloġija użata fl-ilment ma kinitx l-aktar xierqa sabiex jiġu kkwantifikati l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni.

(129)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkuntattjat lill-erba’ produtturi esportaturi li kkooperaw li kien fadal u li ma kinux inklużi fil-kampjun, biex titlobhom id-data tal-bejgħ tagħhom għall-perjodu kollu taħt kunsiderazzjoni. Kollha kemm huma pprovdew id-data mhux verifikata mitluba li kienet aggregata mal-kwantitajiet tal-bejgħ verifikati ddikjarati miż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju, u dan irriżulta fil-kwantitajiet tal-importazzjoni miġburin fil-qosor fit-Tabella 5 hawn taħt.

Tabella 5

Kwantità totali tal-esportazzjonijiet iddikjarata mill-produtturi esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun u mhux inklużi fil-kampjun

Kartelli (unitajiet)

2018

2019

2020

2021

Kwantità totali tal-esportazzjonijiet iddikjarata mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u mhux inklużi fil-kampjun

[600 000 – 675 000 ]

[350 000 – 425 000 ]

[200 000 – 275 000 ]

[100 000 – 175 000 ]

Indiċi

100

58

36

20

Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u d-data mhux verifikata pprovduta mill-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun fiċ-Ċina

(130)

Fid-dawl tad-diskrepanzi tad-data disponibbli, fit-2 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni ppubblikat Nota għall-Fajl li tindika l-kwantitajiet ta’ importazzjoni miġburin skont it-Tabelli 4 u 5 kif ukoll il-metodoloġiji differenti sottostanti tagħhom, u stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw. Il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll lill-utenti ewlenin minkejja n-nuqqas ta’ kooperazzjoni inizjali tagħhom, fejn talbithom id-data dwar il-fornituri tagħhom u l-volumi tax-xiri biex tipprova u biex tivvalida ċ-ċifri li waslu mill-produtturi esportaturi fit-Tabella 5. Tlieta minn ħames utenti ewlenin biss ipprovdew id-data mitluba (ara aktar ’il quddiem fil-premessa (136)). L-uniċi kummenti dwar in-nota ġew sottomessi mill-Ilmentatur fit-12 ta’ Settembru 2022.

(131)

L-ewwel affermazzjoni mressqa mill-Ilmentatur kienet li l-istima tal-importazzjonijiet fit-Tabella 4 ibbażata fuq l-analiżi tad-data doganali għad għandha sehem nieqes mill-importazzjonijiet Ċiniżi. Huwa rrefera pereżempju għall-fatt li l-istatistika dwar l-importazzjoni fi Stati Membri oħrajn importanti għall-konsum tal-birra u l-kartelli, bħar-Rumanija u Spanja, kienet nieqsa, u b’hekk tissottovaluta t-totali.

(132)

It-tieni, l-Ilmentatur sostna li ċ-ċifri rrapportati mill-produtturi esportaturi li kkooperaw fit-Tabella 5 ma jirriflettux bis-sħiħ il-volumi importati fl-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni minħabba kooperazzjoni limitata tal-produtturi esportaturi. Fis-sottomissjoni tiegħu, l-Ilmentatur sostna li r-rata tal-kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi kienet biss ta’ 28 %.

(133)

It-tielet, l-Ilmentatur sostna li l-informazzjoni dwar il-konsum miksuba mit-tliet utenti ewlenin uriet biss stampa parzjali tal-konsum tal-Unjoni ta’ kartelli minħabba l-fatt li l-birreriji ta’ daqs żgħir u medju ma jitqisux u minħabba l-kooperazzjoni limitata mill-utenti.

(134)

Il-Kummissjoni qieset bir-reqqa dawn il-kummenti kollha mill-Ilmentatur. Fir-rigward tal-ewwel talba, filwaqt li l-aġġustament tal-istatistika dwar l-importazzjoni tas-sitt Stati Membri bil-fattur ta’ 0,73 kif spjegat fil-premessa (127) intuża biex jiġu ddeterminati l-importazzjonijiet li kien fadal mill-Istati Membri l-oħra, f’dan l-istadju ma jistax jiġi eskluż li l-kwantitajiet attwali tal-importazzjoni fi Stati Membri oħrajn bħar-Rumanija u Spanja huma sottovalutati.

(135)

Fir-rigward tat-tieni talba, kif spjegat fil-premessa (111), l-investigazzjoni wriet b’mod provviżorju li l-livell ta’ kooperazzjoni huwa baxx u l-produtturi esportaturi li kkooperaw jirrappreżentaw 32 % tal-importazzjonijiet ta’ kartelli miċ-Ċina fil-PI. Għalhekk, f’dan l-istadju tal-investigazzjoni, ma jistax jiġi eskluż li hemm produtturi esportaturi jew esportaturi oħrajn fiċ-Ċina li jbigħu lill-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, minbarra l-esportaturi li kkooperaw.

(136)

Fir-rigward tat-tielet pretensjoni u l-kooperazzjoni baxxa ħafna mill-utenti, il-Kummissjoni nnotat li, mill-ħames utenti ewlenin, li jirrappreżentaw madwar 50 % tas-suq tal-utenti, tliet utenti biss (AB InBev, Asahi, u Molson Coors) ipprovdew id-data mitluba. Barra minn hekk, wieħed biss minn dawn it-tliet utenti (AB InBev) xtara kartelli mingħand fornituri Ċiniżi. Barra minn hekk, kif speċifikat ukoll hawn taħt fit-taqsima 5.1, il-50 % li kien fadal tas-suq tal-utenti, magħmul prinċipalment minn birreriji iżgħar, ma kkooperax fl-investigazzjoni.

(137)

Fid-dawl ta’ dawn il-kummenti u l-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-kwantitajiet mixtrija rrapportati mill-uniku utent li kkoopera li jġib kartelli miċ-Ċina kienu ferm anqas mill-bejgħ tal-Unjoni rrapportat mill-produtturi esportaturi korrispondenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li kien hemm produtturi esportaturi oħrajn li ma kkooperawx mal-investigazzjoni, u li ċ-ċifri ppreżentati mill-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun ma ġewx ivverifikati peress li dawk il-produtturi ma kinux inklużi fil-kampjun.

(138)

Kollox ma’ kollox, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha u b’mod partikolari data kontradittorja miksuba mill-utenti u l-kooperazzjoni baxxa ħafna mill-produtturi esportaturi u mill-utenti, li d-data tagħhom dwar ix-xiri tkun strumentali biex jiġu kkontrollati b’mod doppju l-kwantitajiet irrapportati mill-produtturi esportaturi li kkooperaw, il-Kummissjoni qieset b’mod provviżorju li l-aktar metodoloġija xierqa biex jiġu kkwantifikati l-importazzjonijiet kellha tkun ibbażata fuq l-istatistika uffiċjali dwar l-importazzjonijiet fit-Tabella 4. Barra minn hekk, minħabba l-kummenti sottomessi mill-industrija li anke l-ogħla ċifra tad-data bbażata fuq l-istatistika probabbilment tkun sottovalutata, il-Kummissjoni qieset b’mod provviżorju li l-ogħla ċ-ċifri miksubin mill-istatistika kienu l-aktar xierqa biex jiġi kkalkolat il-livell tal-importazzjonijiet f’dan l-istadju provviżorju.

(139)

Sabiex tikseb assigurazzjoni addizzjonali tal-adegwatezza ta’ din il-metodoloġija, il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat l-istatistika dwar l-importazzjonijiet tal-kartelli fil-livell tal-kodiċi TARIC, disponibbli mill-bidu ta’ din l-investigazzjoni fil-bażi tad-data tas-Sorveljanza, biex tara kemm huwa kbir is-sehem tal-importazzjonijiet tal-kartelli fl-importazzjonijiet totali ta’ prodotti taħt iż-żewġ kodiċijiet NM rilevanti. Is-sehem medju tal-importazzjonijiet tal-prodotti fil-livell tal-kodiċi TARIC (jiġifieri, l-importazzjonijiet tal-kartelli) fl-importazzjonijiet tal-prodotti kollha fil-livell tal-kodiċijiet NM rilevanti għall-perjodu mit-13 ta’ Mejju 2022 sas-6 ta’ Diċembru 2022 kien konsistenti mas-sehem medju tal-importazzjonijiet tal-kartelli fil-kodiċijiet NM li l-Kummissjoni stabbiliet għall-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(140)

Sabiex tikkontrolla ulterjorment l-adegwatezza ta’ din il-metodoloġija, il-Kummissjoni beħsiebha tikkuntattja lill-importaturi ewlenin identifikati fl-ilment sabiex tkompli tirfina l-valutazzjoni tagħha tal-kwantitajiet tal-importazzjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Il-Kummissjoni se tfittex ukoll li tiġbor aktar informazzjoni dwar il-birreriji ż-żgħar wara l-istadju provviżorju.

(141)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni beħsiebha tiġbor data ta’ wara l-bidu mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw sabiex tirrikonċiljaha mal-istatistika uffiċjali dwar l-importazzjoni aktar preċiża disponibbli għall-perjodu ta’ wara l-bidu. Il-Kummissjoni beħsiebha tivverifika wkoll id-data dwar l-importazzjoni tal-produtturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u titlob mill-awtoritajiet doganali tar-Rumanija u ta’ Spanja d-data doganali dettaljata dwar il-kodiċijiet NM rilevanti biex tkompli tiġi rfinuta d-data dwar l-importazzjoni attwali.

4.3.2.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(142)

Kif spjegat fit-Taqsima 4.3.1 hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet abbażi tal-istatistika doganali uffiċjali mill-Istati Membri. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ġie stabbilit bħala proporzjon tal-importazzjonijiet totali rapportati miċ-Ċina fil-konsum totali tal-Unjoni (kif stabbilit fit-Taqsima 4.2. hawn fuq).

(143)

L-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

Tabella 6

Volum tal-importazzjoni (unitajiet) u sehem mis-suq

 

2018

2019

2020

PI

Volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat (unitajiet)

602 010

430 208

381 958

370 107

Indiċi

100

71

63

61

Is-sehem mis-suq (%)

17

17

21

31

Indiċi

100

97

119

179

Sors: L-istatistika doganali mill-Istati Membri aġġustata kif spjegat fit-Taqsima 4.3.1.

(144)

Kif turi t-tabella ta’ hawn fuq, il-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina naqas b’39 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Tali tnaqqis fil-volum tal-importazzjonijiet segwa x-xejra ta’ tnaqqis ġenerali fil-konsum tal-kartelli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni (ara t-Tabella 2 hawn fuq), għalkemm fuq livell aktar baxx, u fi kwalunkwe każ ħafna anqas mix-xejra ta’ tnaqqis tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni (ara t-Tabella 9 hawn taħt).

(145)

Dan it-tnaqqis irid jiġi kuntestwalizzat fis-sitwazzjoni prevalenti tas-suq fl-2020 u fil-PI, jiġifieri tnaqqis sinifikanti fid-domanda għall-kartelli matul il-pandemija tal-COVID-19. F’suq li qed jiċkien bħal dan, l-importazzjonijiet ta’ kartelli naqsu b’marġni ferm iżgħar mill-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet miċ-Ċina, minħabba l-prezzijiet aktar baxxi tagħhom, żdied b’mod kostanti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni (b’79 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni). Matul il-PI, is-sehem mis-suq Ċiniż kien pjuttost sostanzjali b’31 %.

4.3.3.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati: twaqqigħ tal-prezz u soppressjoni tal-prezz

(146)

Fid-dawl tad-diffikultajiet biex jiġu stabbiliti l-prezzijiet għal kull unità abbażi tal-istatistika uffiċjali, il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet abbażi tad-data pprovduta mill-produtturi esportaturi li kkooperaw. It-twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet ġie stabbilit abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u mill-produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun.

(147)

Il-prezz medju tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppa kif ġej:

Tabella 7

Il-prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/unità)

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Iċ-Ċina

43,13

37,34

38,40

43,62

Indiċi

100

87

89

101

Sors: Produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw

(148)

Il-prezzijiet tal-importazzjoni miċ-Ċina naqsu, rispettivament, bi 13 % u bi 11 % fl-2019 u fl-2020 u reġgħu bdew jiżdiedu fl-2020 u l-PI laħaq il-livell tal-2018.

(149)

Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu ta’ investigazzjoni billi qabblet:

il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta’ prodott tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun miġburin mingħand klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati fuq livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, u

l-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta’ prodott tal-importazzjonijiet mit-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi ta’ kost, assigurazzjoni u merkanzija (CIF), b’aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali u għall-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni.

(150)

It-tqabbil tal-prezzijiet sar fuq il-bażi ta’ tip b’tip, aġġustati kif xieraq meta kien meħtieġ u wara t-tnaqqis tar-ribassi u tal-iskonti. Kważi l-bejgħ kollu kemm hu kemm mill-produtturi esportaturi kif ukoll mill-industrija tal-Unjoni sar direttament lill-utenti finali (jiġifieri, birreriji), u għalhekk il-mezzi tal-bejgħ u l-livell tal-kummerċ kienu l-istess fuq iż-żewġ naħat. Ir-riżultat tat-tqabbil kien espress bħala perċentwal tal-fatturat teoretiku tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Dan wera marġni medju ponderat tat-twaqqigħ tal-prezz ta’ bejn 11,9 % u 14 % permezz tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni.

(151)

Minbarra t-twaqqigħ tal-prezz, kien hemm ukoll soppressjoni sinifikanti tal-prezzijiet fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku. Minħabba l-pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet ikkawżata mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezz baxx mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet matul il-PI f’konformità mal-iżvilupp tal-kostijiet tal-produzzjoni u sabiex jinkiseb livell raġonevoli ta’ profitt.

(152)

Kif muri fit-Tabella 11 hawn taħt, il-prezz medju tal-bejgħ tal-UE naqas bi kważi 10 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Fl-istess ħin, il-kost tal-produzzjoni żdied b’16 % matul l-istess perjodu, u għalhekk il-prezz tal-bejgħ kien ferm anqas mill-kost tal-produzzjoni. Speċjalment fl-2020 u matul il-PI, il-kost tal-produzzjoni żdied b’mod sostanzjali, filwaqt li l-prezz kellu jinżamm stabbli minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet mill-esportazzjonijiet Ċiniżi. Għall-kuntrarju, il-livelli tal-prezzijiet u l-profitti li jirriżultaw fis-swieq tal-esportazzjoni mhux affettwati mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping jew fejn ġew imposti miżuri biex jiġi restawrat il-kummerċ ġust kienu bħala medja 22 % ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni (+ 29 % fil-PI) (ara l-premessa (196)).

(153)

Din is-sitwazzjoni kellha impatt ċar fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, kif muri fit-Tabella 14 hawn taħt. Wara li bdiet bi 12 % fl-2018, il-profittabbiltà naqset drastikament għall-bqija tal-perjodu, speċjalment fl-2020 u matul il-PI.

(154)

L-iżvilupp ta’ dawn it-tliet indikaturi juri b’mod ċar li l-industrija kienet soġġetta għal pressjoni qawwija fuq l-ipprezzar mill-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping, li ġegħelha tbigħ bi prezzijiet baxxi ħafna taħt il-kost tal-produzzjoni. Id-dettalji tal-partikolaritajiet tas-sitwazzjoni tas-suq, b’mod partikolari fir-rigward tal-pressjoni fuq il-prezzijiet imġarrbin mill-industrija tal-Unjoni fil-proċess tal-bejgħ, huma spjegati hawn taħt fit-Taqsima 5.1. Dan ikkawża trażżin ċar tal-prezzijiet għall-industrija tal-Unjoni.

4.4.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Kummenti ġenerali

(155)

F’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien jinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li kellhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(156)

Kif imsemmi fil-premessa (7), intuża l-kampjunar għad-determinazzjoni tad-dannu possibbli li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

(157)

Sabiex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi tad-data li tinsab fit-tweġiba għall-makrokwestjonarju pprovdut mill-Ilmentatur. Id-data kienet relatata mal-produtturi kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni vvalutat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi ta’ data inkluża fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Id-data kienet relatata mal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Iż-żewġ settijiet ta’ data nstabu li kienu rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(158)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping tal-passat.

(159)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji ta’ unità, il-kost ta’ unità, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti, u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

4.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.4.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(160)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 8

Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Il-volum tal-produzzjoni (unitajiet)

5 132 261

3 698 684

1 939 361

1 926 200

Indiċi

100

72

38

38

Il-kapaċità tal-produzzjoni (unità tal-kejl)

6 542 683

6 628 049

6 786 585

6 786 585

Indiċi

100

101

104

104

L-użu tal-kapaċità

78

56

29

28

Indiċi

100

71

36

36

Sors: Makrokwestjonarju pprovdut mill-ilmentatur

(161)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum tal-produzzjoni naqas bi 62 %. Il-produzzjoni segwiet mill-qrib il-varjazzjoni fil-konsum: l-ewwel tnaqqis fid-domanda fl-2019 (bi 23 %) u tnaqqis fid-domanda ulterjuri u aktar evidenti fl-2020 u fl-2021 (it-tifqigħa tal-COVID-19).

(162)

Il-kapaċità ta’ produzzjoni żdiedet ftit b’4 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan huwa dovut għal titjib fl-effiċjenza fil-proċeduri u fl-allokazzjoni tal-persunal operati mill-industrija tal-Unjoni fil-linji ta’ produzzjoni tagħha matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(163)

Iż-żewġ xejriet imsemmija hawn fuq (it-tnaqqis fil-produzzjoni, iż-żieda fil-kapaċità) wasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-użu tal-kapaċità (- 64 %). Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, ir-rata tal-użu tal-kapaċità laħqet livell baxx ħafna (28 %).

4.4.2.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

(164)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 9

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Il-volum tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni (Unitajiet)

2 875 573

2 124 518

1 479 302

822 777

Indiċi

100

74

51

29

Is-sehem mis-suq (%)

83

83

79

69

Indiċi

100

101

96

83

Sors: Makrokwestjonarju pprovdut mill-ilmentatur

(165)

Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni naqas b’mod kostanti (b’71 %) matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, f’xejra aktar wieqfa mill-iżvilupp tal-konsum.

(166)

Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas minn 83 % fl-2018 għal 69 % fil-PI, tnaqqis ta’ 14-il punt perċentwali, minħabba l-pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi, kif spjegat fit-taqsima 4.4.3.1 hawn taħt, li rebħu b’mod kostanti sehem mis-suq matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

4.4.2.3.   Tkabbir

(167)

Id-domanda u l-produzzjoni tal-kartelli segwew xejra ta’ tnaqqis matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Fil-kuntest tat-tnaqqis fil-konsum, l-industrija tal-Unjoni tilfet volumi sinifikanti ta’ bejgħ u sehem mis-suq u rnexxielha żżomm ammont imnaqqas ta’ bejgħ biss għad-detriment tal-prezzijiet tal-bejgħ tagħha, kif spjegat hawn taħt fit-Taqsima 4.4.3.1.

4.4.2.4.   Impjiegi u produttività

(168)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 10

L-impjiegi u l-produttività

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Numru ta’ impjegati

960

822

538

481

Indiċi

100

86

56

50

Il-produttività (unitajiet/impjegat)

5 349

4 497

3 606

4 008

Indiċi

100

84

67

75

Sors: Makrokwestjonarju pprovdut mill-ilmentatur

(169)

L-impjiegi fis-settur segwew l-istess xejra bħall-produzzjoni u l-konsum fis-suq tal-Unjoni u naqsu b’mod drammatiku b’50 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Minħabba dan ta’ hawn fuq, f’sitwazzjoni li fiha l-produzzjoni naqset bi 62 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-produttività naqset. Minkejja t-tnaqqis fl-impjiegi, dan naqas bi 33 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u rkupra biss parzjalment matul il-PI bis-saħħa ta’ xi titjib fl-effiċjenza.

4.4.2.5.   Kobor tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping fil-passat

(170)

Il-marġnijiet kollha tad-dumping kienu ogħla b’mod sinifikanti mil-livell de minimis. L-impatt tal-kobor tal-marġnijiet reali tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien sostanzjali, meta jitqiesu l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat.

(171)

Din hija l-ewwel investigazzjoni anti-dumping dwar il-prodott ikkonċernat. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda data disponibbli biex jiġu vvalutati l-effetti ta’ dumping possibbli fil-passat.

4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.4.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(172)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ ta’ unità tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 11

Il-prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Il-prezz medju tal-bejgħ ta’ unità fl-Unjoni fis-suq totali (EUR/unità)

56

55

51

51

Indiċi

100

98

90

91

Il-kost ta’ unità tal-produzzjoni (EUR/unità)

55

59

63

64

Indiċi

100

107

114

116

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(173)

Il-prezzijiet tal-bejgħ naqsu bi 2 % bejn l-2018 u l-2019 qabel ma naqsu b’mod qawwi fl-2020 bi 8 % u baqgħu bejn wieħed u ieħor fl-istess livell fil-PI. B’mod ġenerali, il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqsu b’9 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(174)

Matul l-istess perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-kostijiet ta’ unità tal-produzzjoni żdiedu b’16 %. Dan kien relatat l-aktar maż-żieda fil-kostijiet fissi, li segwiet it-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni. Sabiex jiġi miġġieled dan, matul is-snin affettwati mil-lockdowns tal-COVID-19, l-industrija tal-Unjoni rnexxielha tnaqqas il-kostijiet fissi tagħha b’aktar minn 20 %. Minkejja dan, l-impatt tal-inċidenza proporzjonalment ogħla ta’ kostijiet fissi f’perjodu ta’ użu baxx tal-kapaċità kien sinifikanti, peress li l-piż ta’ tali kostijiet mill-kostijiet ġenerali tal-produzzjoni żdied minn 13 % fl-2018 għal 23 % fil-PI. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-industrija tal-Unjoni naqqset l-impjiegi tagħha skont it-Tabella 10 u l-kostijiet tax-xogħol li rriżultaw mis-sensji matul il-perjodu tal-COVID-19 kif muri fit-Taqsima 4.4.3.2.

(175)

Il-prezzijiet tal-bejgħ u l-kost tal-produzzjoni segwew xejra diverġenti. Kif spjegat hawn fuq fit-Taqsima 4.3.3 u hawn taħt fit-Taqsima 5.1, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tagħha għal livelli sostenibbli biex tkopri ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni u l-użu baxx tal-kapaċità peress li n-negozjar tal-prezzijiet fis-suq kien affettwat b’mod sinifikanti minn importazzjonijiet bi prezz baxx u oġġett ta’ dumping miċ-Ċina.

4.4.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(176)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 12

Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

48 510

45 157

50 218

52 988

Indiċi

100

93

104

109

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(177)

Il-kost lavorattiv medju għal kull impjegat naqas fl-2019, segwit minn żieda fl-2020 u fil-PI. Madankollu, kif muri fit-Tabella 10, fl-istess ħin l-impjiegi naqsu b’54 %.

4.4.3.3.   Inventarji

(178)

Il-livelli tal-istokks tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 13

Inventarji

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Stokks tal-għeluq (Unitajiet)

308 350

210 370

157 417

128 525

Indiċi

100

68

51

42

Stokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni (%)

6

6

8

7

Indiċi

100

95

135

111

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(179)

L-istokks naqsu bi 58 % tul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan kien marbut mat-tnaqqis fil-produzzjoni u l-bejgħ. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-istokks bħala perċentwal tal-produzzjoni b’mod ġenerali żdiedu bi 11 %, peress li l-industrija kellha żżomm xi volum ta’ attività u għalhekk ma setgħetx tnaqqas il-produzzjoni f’konformità mat-tnaqqis fil-bejgħ. Fi kwalunkwe każ, minħabba li l-maġġoranza tal-produzzjoni kien ibbażata fuq l-ordnijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tal-klijenti, l-inventarji ma jikkostitwixxux indikatur importanti tad-dannu.

4.4.3.4.   Profittabbiltà, fluss tal-flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(180)

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 14

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Il-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

12

5

-18

-9

Indiċi

100

42

- 144

-73

Il-fluss tal-flus (EUR)

26 413 388

17 979 438

-4 762 380

-2 257 500

Indiċi

100

68

-18

-9

L-investimenti (EUR)

11 655 450

5 408 642

2 536 354

1 220 214

Indiċi

100

46

22

10

Ir-redditu fuq l-investimenti (%)

65

14

-35

-19

Indiċi

100

21

-54

-29

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(181)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ.

(182)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-profitti naqsu bi 58 % fl-2019, qabel ma naqsu b’mod qawwi u saru telf b’żewġ ċifri fl-2020. Dan irkupra parzjalment fl-2021 iżda xorta baqa’ negattiv. B’mod ġenerali, l-investimenti naqsu b’173 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Fil-kuntest tat-tnaqqis f’daqqa fid-domanda relatat mal-pandemija tal-COVID-19, iż-żieda fil-kompetizzjoni tal-esportazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx, kif spjegat hawn taħt fit-Taqsima 5.1, ġiegħlet lill-industrija tal-Unjoni tnaqqas il-prezzijiet tagħha f’perjodu ta’ żieda fil-kost tal-produzzjoni, kif spjegat fit-Taqsima 4.4.3.1, u wasslet għal telf sinifikanti.

(183)

Il-fluss tal-flus nett huwa l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom stess. Ix-xejra fil-fluss tal-flus nett żviluppat b’mod simili għall-profittabbiltà: tnaqqis drastiku fl-2019-2020 segwit minn irkupru parzjali fil-PI, iżda li xorta waħda baqa’ negattiv.

(184)

Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f’perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Dan żviluppa b’mod simili għall-profittabbiltà: tnaqqis drastiku ta’ 129 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni għall-valuri negattivi.

(185)

Minħabba t-tnaqqis fil-profittabbiltà, fil-fluss tal-flus u fir-redditu fuq l-investiment, il-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun li jżidu l-kapital ġiet affettwata b’mod sever.

4.4.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(186)

Il-makroindikaturi ewlenin urew xejra negattiva matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni: Il-volum tal-bejgħ tal-Unjoni naqas b’71 %, il-produzzjoni naqset bi 62 %, l-impjiegi b’50 %.

(187)

Tista’ titfassal stampa simili fir-rigward tal-mikroindikaturi. Il-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni (minn + 12 % għal - 9 %), il-prezzijiet tal-bejgħ (- 9 %), kif ukoll il-fluss tal-flus (- 109 %) kollha ddeterjoraw b’mod sinifikanti.

(188)

Fi sfond ta’ tnaqqis fil-konsum minħabba l-COVID-19, filwaqt li l-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdied b’16 %, il-prezzijiet tal-importazzjoni miċ-Ċina kienu ilhom mill-2018 konsistentement u b’mod sinifikanti taħt il-prezzijiet u l-kostijiet tal-industrija tal-Unjoni.

(189)

Il-volumi tal-importazzjonijiet tal-esportaturi Ċiniżi naqsu b’39 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Madankollu, fl-istess ħin it-tnaqqis fil-konsum kien ferm aktar qawwi (b’66 %). B’riżultat ta’ dan, l-esportazzjonijiet Ċiniżi żiedu s-sehem mis-suq tagħhom b’79 %, minn 17 % fl-2018 għal 31 % fil-PI, u l-prezzijiet tagħhom waqqgħu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kollu taħt kunsiderazzjoni. Il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz kien bħala medja ta’ 13,1 % matul il-PI, kif stabbilit hawn fuq fit-taqsima 4.3.3.

(190)

L-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping bi prezz baxx ikkawżaw ukoll soppressjoni sinifikanti tal-prezzijiet għall-industrija tal-Unjoni fid-dawl tal-marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz li varjaw minn 52,9 % għal 58,8 %. L-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tagħha f’konformità maż-żieda fil-kost tal-produzzjoni u għalhekk kienet sfurzata f’sitwazzjoni profittabbli ħafna biex tippreserva, mill-anqas parzjalment, il-kwantità tal-bejgħ tagħha.

(191)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet f’dan l-istadju li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

5.   KAWŻALITÀ

(192)

F’konformità mal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ikkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi magħrufa oħrajn setgħux fl-istess ħin ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Dawn il-fatturi kienu l-pandemija tal-COVID-19 li affettwat il-konsum tal-Unjoni u l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kwalunkwe dannu possibbli kkawżat minn fatturi oħrajn għajr l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ma kienx attribwit għall-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping.

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping

(193)

Il-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina naqas b’39 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, minn 602 010 unitajiet fl-2018 għal 370 107 unitajiet fl-2021; madankollu, matul l-istess perjodu, is-sehem mis-suq tagħhom kiseb 14-il punt perċentwali u b’hekk laħaq 31 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni, u dan ikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni li, fl-istess perjodu, kellha l-volum tal-bejgħ tagħha jaqa’ b’71 %.

(194)

Barra minn hekk, dawn l-importazzjonijiet saru bi prezzijiet ferm aktar baxxi minn dawk tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kollu taħt kunsiderazzjoni. L-industrija tal-Unjoni ma kellha l-ebda għażla ħlief li ssegwi l-prezzijiet baxxi stabbiliti mill-produtturi Ċiniżi biex tippreserva volum minimu ta’ bejgħ f’perjodu ta’ tnaqqis fil-konsum u żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni, kif spjegat hawn fuq fit-taqsima 4.4.3.1. Dan min-naħa tiegħu rriżulta fi tnaqqis profond fil-profittabbiltà għall-produtturi kollha tal-Unjoni inklużi fil-kampjun mill-profitti (ta’ + 12 % fl-2018) għal telf kbir (– 9 % fl-2021), u d-deterjorament konsegwenti ta’ indikaturi finanzjarji oħrajn bħar-redditu fuq l-investiment u l-fluss tal-flus. Din is-soppressjoni tal-prezzijiet, kif spjegat fit-Taqsima 4.3.3, kienet b’mod ċar minħabba l-imġiba tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li joffru kartelli oġġett ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni.

(195)

F’suq ferm iżgħar, il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni żdied minn 2,8 miljun kartell fl-2018 għal 800 000 fil-PI. Mingħajr ma naqqset il-prezzijiet tagħha, l-industrija tal-Unjoni kienet tkun f’riskju li titlef saħansitra dan l-ammont limitat ta’ bejgħ li kien jirriżulta, għal xi wħud mill-produtturi tal-Unjoni, f’waqfa sħiħa tal-produzzjoni tagħhom.

(196)

L-esportazzjonijiet tal-Unjoni, dettaljati fit-taqsima 5.2.2, juru kif tkun sitwazzjoni normali f’termini ta’ livelli ta’ prezzijiet u ta’ profitti li jirriżultaw fi swieq tal-esportazzjoni mhux affettwati minn importazzjonijiet oġġett ta’ dumping jew fejn ikunu ġew imposti miżuri biex jiġi rrestawrat il-kummerċ ġust, eż. l-Istati Uniti tal-Amerka, is-suq ewlieni tal-esportazzjoni għall-produtturi tal-Unjoni, fejn il-kartelli li joriġinaw miċ-Ċina huma soġġetti għal miżuri anti-dumping mill-2019. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-prezzijiet (inklużi l-kostijiet relatati mat-trasport u d-dazji tal-importazzjoni) tal-industrija tal-Unjoni, bħala medja kienu 22 % ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ tagħha fis-suq tal-Unjoni (+ 29 % fil-PI) u b’mod kostanti ogħla mill-kost tal-produzzjoni tagħha, ħlief għall-2020, is-sena l-aktar affettwata b’mod sinifikanti mill-pandemija tal-COVID-19. Dawn il-prezzijiet huma rappreżentattivi ta’ suq li fih il-kummerċ ġust ġie rrestawrat permezz ta’ miżuri anti-dumping kontra l-importazzjonijiet Ċiniżi u għalhekk huma indikatur raġonevoli għal liema prezzijiet setgħu kienu fis-suq tal-Unjoni mingħajr is-soppressjoni tal-prezzijiet deskritta hawn taħt fil-premessi (197) sa (209).

(197)

Is-suq tal-Unjoni huwa prinċipalment maqsum bejn żewġ kategoriji ewlenin ta’ utenti kemm għall-produtturi tal-Unjoni kif ukoll għall-produtturi esportaturi Ċiniżi, jiġifieri, il-birreriji indipendenti żgħar u ta’ daqs medju (li jammontaw għal madwar 40 % tal-bejgħ) u l-konglomerati ewlenin tal-birra (li jammontaw għal aktar minn 50 %).

(198)

Birreriji indipendenti żgħar u ta’ daqs medju jixtru l-aktar il-kartelli skont il-ħtiġijiet tagħhom f’perjodu medju u qasir. Il-birreriji jikkuntattjaw diversi produtturi tal-kartelli u jitolbu kwotazzjoni għall-kwantità mitluba u ħin ta’ konsenja. Dan huwa segment importanti ħafna għall-industrija tal-Unjoni, fejn il-prossimità ġeografika u ż-żmien tal-konsenja jistgħu jikkostitwixxu vantaġġ. Dan is-segment tal-utenti ma kkooperax fl-investigazzjoni. Madankollu, l-industrija tal-Unjoni pprovdiet evidenza li diversi ordnijiet intilfu għall-offerti Ċiniżi bi prezz baxx għal dan is-segment. Dan ġiegħel lill-produtturi tal-Unjoni jnaqqsu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tagħhom biex jibqgħu kompetittivi.

(199)

In-nofs l-ieħor tas-suq huwa kkaratterizzat mill-preżenza tal-ħames utenti ewlenin, li jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni (minn dawn il-ħamsa t-tnejn ewlenin, AB InBev u Heineken, jitqiesu li għandhom sehem globali kkombinat fis-suq tal-birra ta’ aktar minn 50 %/60 %) u mill-anqas 55 % tal-bejgħ taż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun. L-industrija tal-Unjoni wriet li dawk l-utenti organizzaw ix-xiri tal-kartelli tagħhom għas-sena ta’ wara permezz ta’ proċess ta’ rkant permezz ta’ offerti privati. Fil-każ tal-bejgħ lil birreriji indipendenti, anke l-proċess tas-sejħa għall-offerti ġiegħel lill-kompetituri jimminimizzaw il-prezzijiet tagħhom u l-preżenza tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li joffru bi prezzijiet baxxi ħafna ġiegħlet lill-industrija tal-Unjoni tqabbel dawk il-prezzijiet baxxi u żammithom milli jgħaddu ż-żidiet fil-kostijiet tagħhom lill-klijenti tagħhom.

(200)

Fir-rigward tal-proċess tal-offerti, l-investigazzjoni wriet li dan twettaq mill-utenti ewlenin b’mod stramb. Il-kundizzjonijiet tas-sejħa għall-offerti kienu speċifiċi f’termini ta’ prezzijiet u kwantitajiet massimi mfittxija. Ma kien hemm l-ebda obbligu kuntrattwali għax-xerrej li jixtri l-kwantità ta’ kartelli offruti, filwaqt li kien hemm obbligu kuntrattwali għall-fornitur li jforni l-kwantità offruta bi prezz offrut. Fil-fatt, il-kwantitajiet effettivament mixtrija rari kienu jikkorrispondu għall-kwantitajiet imfittxija inizjalment fis-sejħa partikolari. Fl-istess ħin, ir-rebbieħa tas-sejħa għall-offerti (jiġifieri l-fornituri tal-kartelli) kienu obbligati jirrispettaw il-kwantitajiet ta’ konsenja offruti bi prezz partikolari, u ma setgħux iqisu l-bidliet fil-kostijiet tal-produzzjoni.

(201)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-utenti li kkooperaw organizzaw medja ta’ seba’ offerti fis-sena. Il-kwantitajiet li finalment jinxtraw fuq il-bażi ta’ dawn l-offerti jvarjaw minn offerta għal oħra u jikkorrispondu, bħala medja, għal anqas minn 60 % tal-kwantitajiet offruti. Barra minn hekk, il-prezz miftiehem matul il-proċedura tas-sejħa għall-offerti ntuża mill-utenti bħala punt tat-tluq għal kwalunkwe negozjar sussegwenti tal-prezzijiet għall-bejgħ immedjat.

(202)

Il-proċess tas-sejħa għall-offerti, li ħadem bi dwal ħomor, sofor u ħodor sabiex jagħti pariri lil kwalunkwe parteċipant (inklużi produtturi tal-Unjoni u esportaturi Ċiniżi) dwar kemm kienet għolja jew baxxa l-offerta tiegħu meta mqabbla mal-parteċipanti l-oħrajn, intuża bħala għodda sabiex jiġu mminimizzati l-prezzijiet. Il-preżenza tal-esportaturi Ċiniżi, b’offerti ta’ prezz baxx ħafna, ġiegħlet lill-industrija tal-Unjoni tnaqqas il-prezzijiet tagħha għal livelli mhux sostenibbli. Il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni għall-bejgħ permezz ta’ offerti kienu bħala medja 10 % anqas mill-bejgħ l-ieħor fl-2020 u l-PI, filwaqt li l-kuntratt iffirmat fi tmiem il-proċedura ta’ sejħa għall-offerti kien jikkonċerna biss volumi ta’ xiri potenzjali mingħajr ebda ċertezza li wieħed jirċievi ordni. Dan huwa kkonfermat mil-livelli sinifikanti ta’ twaqqigħ tal-prezz u ta’ bejgħ taħt il-prezz stabbiliti fl-investigazzjoni.

(203)

Barra minn hekk, AB InBev fis-sottomissjoni tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2022, irrefera għall-“ipprezzar reċenti mill-fornituri tal-kartelli tal-[Unjoni] ewlenin li [kien] kompetittiv kontra l-ipprezzar tal-fornituri Ċiniżi” fil-PI u fl-2022. Dan jikkonferma ulterjorment li l-produtturi tal-Unjoni naqqsu l-prezzijiet tagħhom meta mqabblin mas-snin preċedenti tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni biex jibqgħu kompetittivi mal-prezzijiet Ċiniżi.

(204)

Karatteristika relatata oħra tal-proċess tas-sejħa għall-offerti kienet li kien hemm ammont sostanzjali ta’ bejgħ konkluż eventwalment barra mis-sejħiet għall-offerti attwali minn dawn in-negozjati sussegwenti dwar il-prezzijiet li jibbażaw fuq din is-“sistema tad-dwal”. Dan jidher mill-kwantitajiet mibjugħin mill-industrija tal-Unjoni permezz ta’ offerti, li kienu baxxi ħafna matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan il-livell naqas minn aktar minn 30 % tal-bejgħ totali tagħhom fil-perjodu 2019-2020, għal anqas minn 16 % fil-PI. Fil-prattika, l-utenti sfruttaw dan il-proċess ta’ offerti partikolari u l-offerti Ċiniżi bi prezz baxx u oġġett ta’ dumping biex jgħollu l-prezzijiet tal-industrija tal-UE għal-livell Ċiniż, u eventwalment qablu dwar dawn il-prezzijiet barra mill-qafas tas-sejħa għall-offerti.

(205)

Id-data pprovduta mill-utenti li kkooperaw turi li l-produtturi esportaturi Ċiniżi rebħu medja ta’ 30 % tal-kwantitajiet offruti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Madankollu, din hija stima konservattiva peress li l-evidenza fil-fajl turi li wieħed mill-akbar utenti li ma kkooperawx (Heineken) kien jammonta għal mill-anqas 30 % tal-kwantitajiet esportati miż-żewġ produtturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun matul il-PI.

(206)

Fi kwalunkwe każ, kif spjegat hawn fuq, jekk il-bejgħ ġiex konkluż formalment taħt offerta jew le ma għamel l-ebda differenza fir-rigward tal-effetti u l-kawżalità tal-prezzijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-UE u s-sitwazzjoni dannuża.

(207)

Kif spjegat hawn fuq fit-taqsima 4.3.3, il-prezzijiet Ċiniżi naqsu fl-2019 u fl-2020, meta mqabbla mal-2018, u reġgħu żdiedu matul il-PI, iżda reġgħu laħqu biss il-livelli tal-2018. Matul l-istess perjodu, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni naqsu b’9 % filwaqt li l-kost tal-produzzjoni tagħha żdied b’16 %.

(208)

Il-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet ta’ kartelli miċ-Ċina fiż-żewġ segmenti tas-suq kienet tinvolvi li, sabiex iżżomm għall-inqas parzjalment is-sehem tas-suq tagħha, l-industrija tal-Unjoni kellha tnaqqas il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha minkejja ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni. B’riżultat ta’ dan, il-profitabbiltà naqset minn 12 % għal -9 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u l-indikaturi finanzjarji kollha marru għall-agħar.

(209)

Għalhekk ġie konkluż li – fid-dawl tal-konkomittanza fiż-żmien – id-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kkoinċida mal-preżenza sinifikanti tal-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezzijiet baxxi ħafna. F’kuntest ta’ suq li qiegħed jiċkien u ta’ kost tal-produzzjoni li qiegħed jiżdied, il-prezzijiet Ċiniżi waqqgħu b’mod konsistenti l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u rażżnu l-livelli tal-prezzijiet tas-suq tal-UE, u b’hekk stabbilew rabta kawżali ġenwina u sostanzjali bejn it-tnejn.

5.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

5.2.1.   Il-pandemija tal-COVID-19 u t-tnaqqis fil-konsum

(210)

L-importazzjonijiet ta’ kartelli miċ-Ċina bi prezzijiet baxxi ħafna ġew irreġistrati mill-2018 ’il quddiem. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi kien bħala medja 24 % anqas mill-prezz medju tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Dan ikkoinċida ma’ tnaqqis kostanti fil-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni minkejja ż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni. Il-fatt li t-tnaqqis fil-konsum ġie aggravat ulterjorment mill-pandemija tal-COVID-19 ma naqqasx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u d-dannu lill-industrija tal-Unjoni. Matul il-perjodu, il-konsum naqas b’66 % u l-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas b’71 % filwaqt li l-esportazzjonijiet Ċiniżi naqsu biss b’39 %, u dan żied is-sehem mis-suq tagħhom minn 17 % għal 31 %. Kif diskuss fil-premessa (196) abbażi tal-prezzijiet tas-suq li jistgħu jinkisbu fis-suq tal-Istati Uniti, mingħajr l-importazzjonijiet Ċiniżi u l-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata, l-industrija tal-Unjoni kienet tkun kapaċi żżid il-prezzijiet tagħha għal livell aktar sostenibbli u tkopri ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni.

(211)

It-tnaqqis sostanzjali fil-konsum u l-użu tal-kapaċità kellhom impatt sinifikanti fuq il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, kif spjegat hawn fuq fit-taqsima 4.4.3.1, anki meta l-industrija tal-Unjoni rnexxielha tnaqqas sostanzjalment il-kostijiet fissi tagħha, is-sehem tagħha fuq il-kostijiet totali żdied għal 23 %. Fl-istess ħin, l-industrija rnexxielha wkoll tnaqqas kostijiet strutturali oħrajn bħall-impjiegi matul il-perjodu tal-COVID-19. Din il-ġestjoni tal-kostijiet fissi u strutturali oħrajn matul dan il-perjodu ppermettiet minimizzazzjoni tal-impatt ta’ dawn il-kostijiet fuq il-prestazzjoni tagħha, kif spjegat ukoll hawn fuq, iżda tista’ tiġi kkumpensata parzjalment biss minħabba s-soppressjoni sinifikanti tal-prezzijiet ikkawżata mill-importazzjonijiet Ċiniżi.

5.2.2.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(212)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-volum tal-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppa kif ġej:

Tabella 15

Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Il-volum tal-esportazzjoni (unitajiet)

2 364 368

1 827 572

547 427

1 124 371

Indiċi

100

77

23

48

Prezz medju EXW (EUR/unità)

66,04

62,18

58,86

63,05

Indiċi

100

94

89

95

Prezz medju tal-ħatt (52) (EUR/unità)

68,34

64,87

60,83

66,28

Indiċi

100

95

89

97

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(213)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni naqsu bi 52 %.

(214)

Bejn l-2018 u l-2020, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni wriet xejriet kemxejn simili bħall-iżvilupp tal-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Kemm il-volum tal-bejgħ fl-Unjoni kif ukoll dak għall-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas matul din l-ewwel parti tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni li kienet l-aktar affettwata mill-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, il-volum tal-bejgħ għall-esportazzjoni, f’termini relattivi, naqas anqas mill-bejgħ lejn is-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni bdiet tirkupra b’mod ċar hekk kif tneħħew ir-restrizzjonijiet tal-COVID-19 bil-volumi ta’ bejgħ għall-esportazzjoni aktar milli rdoppjaw bejn l-2020 u l-2021. Barra minn hekk, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-prezzijiet tal-bejgħ tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienu ogħla b’mod sinifikanti mill-prezz tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni u ogħla b’mod kostanti mill-kost tal-produzzjoni tagħha, ħlief għall-2020, is-sena l-aktar affettwata b’mod sinifikanti mill-pandemija tal-COVID-19, li tkopri wkoll nofs il-PI. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tnaqqis temporanju fil-prestazzjoni tal-esportazzjoni ma kkontribwiex għad-dannu peress li l-livell tal-prezzijiet tal-esportazzjoni kien biżżejjed biex jippermetti lill-industrija tal-Unjoni tkun profittabbli fuq il-maġġoranza tal-bejgħ tal-esportazzjoni tagħha.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(215)

Il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi kienu ferm aktar baxxi mill-prezzijiet u l-kostijiet tal-industrija tal-Unjoni mill-bidu tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni fl-2018. L-investigazzjoni wriet marġni medju ponderat ta’ twaqqigħ tal-prezz ta’ 13,1 %. Din il-preżenza fis-suq bi prezzijiet baxxi ħafna kienet għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni li kienet obbligata tnaqqas il-prezzijiet tal-bejgħ matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni sabiex iżżomm mill-anqas ammont limitat ta’ bejgħ fis-suq matul u wara l-pandemija tal-COVID-19. Dan wassal għall-iżvilupp negattiv fis-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(216)

Il-Kummissjoni ddistingwiet u eżaminat l-effetti tal-fatturi kollha magħrufa fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping. L-effett tal-pandemija tal-COVID-19 u t-tnaqqis relatat fl-Unjoni u l-konsum globali ta’ kartelli xeħtu piż negattiv fuq l-iżviluppi tal-industrija tal-Unjoni iżda tqiesu bħala fattur temporanju b’impatt limitat. Is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet diġà marret għall-agħar qabel il-pandemija tal-COVID-19 u kompliet tagħmel dan sa tmiem il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(217)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni u li l-fatturi l-oħrajn, ikkunsidrati individwalment jew b’mod kollettiv, ma naqqsux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali.

6.   LIVELL TAL-MIŻURI

(218)

Sabiex tiddetermina l-livell tal-miżuri, il-Kummissjoni eżaminat jekk dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed sabiex jitneħħa d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping għall-industrija tal-Unjoni.

6.1.   Il-marġni tad-dannu

(219)

Id-dannu jitneħħa jekk l-industrija tal-Unjoni tkun tista’ tikseb profitt fil-mira billi tbigħ bi prezz fil-mira fis-sens tal-Artikolu 7(2c) u l-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku.

(220)

F’konformità mal-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku, għall-istabbiliment tal-profitt fil-mira, il-Kummissjoni qieset il-fatturi li ġejjin: il-livell ta’ profittabbiltà qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-livell ta’ profittabbiltà meħtieġ sabiex ikopri l-kostijiet u l-investimenti kollha, ir-riċerka u żvilupp (R&Ż) u l-innovazzjoni, u l-livell ta’ profittabbiltà li wieħed għandu jistenna f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Tali marġni ta’ profitt jenħtieġ li ma jkunx anqas minn 6 %.

(221)

Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju, ipproponew li l-profitt fil-mira jenħtieġ li jiġi stabbilit għal bejn 12 % u 20 % peress li, fil-fehma tagħhom, dan huwa l-livell meħtieġ sabiex jiġu ffinanzjati l-investimenti meħtieġa fil-proċessi u fil-prodotti u sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul tal-industrija tal-Unjoni. L-industrija wriet ukoll li fis-snin li fihom kien hemm kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, il-profittabbiltà medja tagħhom kienet ta’ 15 %.

(222)

Fid-dawl ta’ din l-evidenza, il-Kummissjoni ddeċidiet b’mod provviżorju li tuża l-marġni ta’ profitt ta’ 12 %, li jinsab fil-livell baxx tal-firxa taċ-ċifri kif spjegat fil-premessa preċedenti, u b’hekk adottat approċċ konservattiv ħafna.

(223)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-marġni ta’ profitt ġie stabbilit b’mod provviżorju għal 12 % f’konformità mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 7(2c).

(224)

Fir-rigward tal-livell ta’ investimenti, riċerka u żvilupp (R&Ż) u innovazzjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni vverifikat l-informazzjoni pprovduta u kkonkludiet li d-differenza bejn l-ispejjeż għall-investimenti, għar-R&Ż u għall-innovazzjoni (“IRI”) f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni kif ipprovduti mill-Industrija tal-UE u vverifikati mill-Kummissjoni kienet diġà inkluża fil-profitt fil-mira ta’ 12 %.

(225)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkalkolat prezz mhux dannuż għal kull unità għall-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni billi applikat il-marġini ta’ profitt fil-mira msemmi hawn fuq (ara l-premessa (223)) għall-kost tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni fuq bażi ta’ tip b’tip.

(226)

Il-Kummissjoni mbagħad iddeterminat il-livell ta’ marġni tad-dannu abbażi ta’ tqabbil tal-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun fil-pajjiżi kkonċernati, kif stabbilit għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, bil-prezz mhux dannuż medju ponderat tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fis-suq ħieles tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet espressa bħala perċentwal tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjonijiet.

(227)

Il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu għal “kumpaniji oħrajn li kkooperaw” u għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” huwa ddefinit bl-istess mod bħall-marġni tad-dumping għal dawn il-kumpaniji.

Pajjiż

Kumpanija

Marġni tad-dumping

Marġni tad-dannu

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Penglai Jinfu Stainless Steel Products Co., Ltd

77,1  %

58,8  %

Ningbo Major Draft Beer Equipment Co., Ltd

65,3  %

52,9  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

72,1  %

56,3  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

91,0  %

112,0  %

6.2.   Konklużjoni dwar il-livell ta’ miżuri

(228)

Wara l-valutazzjoni ta’ hawn fuq, id-dazji anti-dumping provviżorji jenħtieġ li jiġu stabbiliti kif ġej f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping provviżorju

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Penglai Jinfu Stainless Steel Products Co., Ltd

58,8  %

Ningbo Major Draft Beer Equipment Co., Ltd

52,9  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

56,3  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

91,0  %

7.   INTERESS TAL-UNJONI

(229)

Wara li ddeċidiet li tapplika l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk setgħetx tikkonkludi b’mod ċar li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tadotta miżuri f’dan il-każ, minkejja d-determinazzjoni ta’ dumping dannuż, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tad-diversi interessi kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni.

7.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(230)

Hemm tmien kumpaniji li jipproduċu l-kartelli fl-Unjoni. Huma jimpjegaw aktar minn 400 ħaddiem direttament (kienu aktar minn 800 fl-2018), li jinsabu fl-Awstrija, fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fl-Italja u fi Spanja.

(231)

L-impożizzjoni ta’ miżuri tippermetti lill-industrija tal-Unjoni żżomm is-sehem mis-suq mitluf, iżżid l-użu tal-kapaċità, iżżid il-prezzijiet għal livelli sostenibbli u ttejjeb il-profittabbiltà għal livelli mistennija taħt kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni.

(232)

In-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri x’aktarx iwassal għal aktar deterjorament tal-profittabbiltà, li kienet diġà negattiva. In-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri jista’ jwassal għall-għeluq ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni u għal sensji u b’hekk jipperikola l-vijabbiltà tal-industrija tal-Unjoni.

(233)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji tkun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

7.2.   L-interess tal-importaturi u tan-negozjanti mhux relatati

(234)

Importatur mhux relatat wieħed, li jirrappreżenta 1,6 % fil-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi, issottometta formola ta’ kampjunar u wieġeb għall-kwestjonarju. Il-profitt medju tal-importatur li kkoopera matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kien ta’ 16 %.

(235)

Dan l-importatur kien kontra l-impożizzjoni tal-miżuri. Huwa sostna li, fid-dawl taż-żieda fil-prezz tal-azzar inossidabbli u tat-tbaħħir, l-impożizzjoni ta’ miżuri jkollha impatt negattiv ulterjuri fuq il-profittabbiltà tiegħu, li jirriżulta f’likwidazzjoni tal-kumpanija. Il-kumpanija saħqet ukoll li għamlet investimenti sinifikanti fir-R&Ż mir-riżorsi proprji tagħha matul dawn l-aħħar snin sabiex tiżviluppa proprjetà intellettwali ġdida, kif ukoll investimenti sabiex tiżviluppa soluzzjonijiet ġodda fil-produzzjoni tal-kartelli li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-utenti tal-Unjoni u li l-impożizzjoni ta’ miżuri tista’ ttemm dan il-proġett.

(236)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li x’aktarx l-importatur jista’ jgħaddi parti mid-dazju anti-dumping lill-utenti finali. Il-livell tajjeb ta’ profitt tal-importatur jimmitiga wkoll l-impatt tad-dazju fuq il-vijabbiltà tal-importatur. Kollox ma’ kollox, il-kooperazzjoni limitata ħafna ta’ importatur wieħed biss f’din l-investigazzjoni tissuġġerixxi li l-miżuri ma humiex se jkollhom impatt negattiv ħafna fuq l-importaturi b’mod ġenerali u għalhekk mhux se jisbqu l-effett pożittiv tal-miżuri fuq il-produtturi tal-Unjoni.

(237)

In-negozjanti/il-fornituri tas-servizzi li huma involuti fin-negozju tal-personalizzazzjoni u tal-adattament tal-kartelli se jkunu jistgħu jkomplu dan in-negozju, jikkompetu fuq il-merti u mhux mal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping.

7.3.   Interess tal-utenti

(238)

Fil-bidu, żewġ utenti, Appie u Carlsberg, ippreżentaw ruħhom iżda pprovdew biss informazzjoni limitata fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju. Utent ieħor, AB InBev, irreġistrat bħala parti interessata u pprovda kummenti iżda ma pprovdiex tweġiba għall-kwestjonarju. Dawn l-utenti jirrappreżentaw birreriji jew konglomerati tal-birra.

(239)

Fi stadju aktar tard, kif spjegat hawn fuq fit-Taqsima 4.3.1, il-Kummissjoni reġgħet ikkuntattjat lill-utenti ewlenin u talbet data dwar il-fornituri u l-volumi tax-xiri tagħhom. Tliet utenti (AB InBev, Asahi, u Molson Coors) ipprovdew xi data, iżda ma pprovdewx in-narrattiva ewlenija tal-kwestjonarju.

(240)

Fis-sottomissjoni inizjali tagħha AB InBev opponiet l-impożizzjoni ta’ miżuri filwaqt li sostniet li:

id-dazji jirriżultaw f’żieda fil-kost tal-kartelli li se taffettwa b’mod negattiv lis-settur tal-HORECA, li diġà ġie affettwat b’mod sinifikanti mill-pandemija tal-COVID-19;

l-industrija tal-Unjoni ma għandhiex biżżejjed kapaċità sabiex tforni d-domanda sħiħa tal-kartelli tal-Unjoni.

(241)

Fir-rigward tal-ewwel affermazzjoni, l-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni wriet li s-settur tal-HORECA ma jixtrix kartelli mill-produtturi tal-birra, huwa sempliċiment jixtri l-kontenut tagħhom (jiġifieri l-birra). Il-pubs u l-bars iħallsu depożitu għall-kartelli li jiġi rrimborżat meta dawn jispiċċaw vojta u jiġu rritornati lura lill-produtturi tal-birra. Għalhekk, l-impatt tal-kost tal-kartelli fuq il-profittabbiltà tas-settur tal-HORECA huwa mistenni li jkun limitat.

(242)

Fir-rigward tat-tieni affermazzjoni, l-industrija tal-Unjoni tidher li għandha kapaċità ta’ riżerva suffiċjenti. Fl-eqqel tiegħu, fl-2018, il-konsum tal-Unjoni kien ta’ madwar 3,2 miljun kartell filwaqt li l-industrija tal-Unjoni għandha kapaċità ta’ produzzjoni totali ta’ kważi 6,8 miljun kartell. Anke meta jitqies il-bejgħ għall-esportazzjoni, l-industrija tal-Unjoni għad għandha kważi żewġ miljun kartell ta’ kapaċità ta’ riżerva.

(243)

Minħabba l-ħajja twila (tipikament 30 sena) u n-natura ta’ mili mill-ġdid tagħhom, l-impatt tal-kost tal-kartelli fuq l-industrija tax-xorb huwa minimu.

(244)

Għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod provviżorju li l-impatti negattivi tal-miżuri fuq l-utenti huma mistennija li jkunu limitati u ma jisbqux l-effett pożittiv tal-miżuri fuq il-produtturi tal-Unjoni.

7.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(245)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti li tissuġġerixxi li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti miżuri fuq l-importazzjonijiet ta’ kartelli tal-azzar inossidabbli li jistgħu jimtlew mill-ġdid u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina f’dan l-istadju tal-investigazzjoni.

8.   MIŻURI PROVVIŻORJI ANTI-DUMPING

(246)

Abbażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, tal-livell tal-miżuri u tal-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri provviżorji sabiex jiġi evitat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping.

(247)

Jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-kartelli tal-azzar inossidabbli li jistgħu jimtlew mill-ġdid u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina f’konformità mar-regola tad-dazju inferjuri fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni qabblet il-marġnijiet tad-dannu u l-marġnijiet tad-dumping. L-ammont tad-dazji ġie stabbilit fil-livell l-aktar baxx tal-marġni tad-dumping u l-marġni tad-dannu.

(248)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping provviżorji, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping provviżorju

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Penglai Jinfu Stainless Steel Products Co., Ltd

58,8  %

Ningbo Major Draft Beer Equipment Co., Ltd

52,9  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

56,3  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

91,0  %

(249)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju huma esklużivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u mmanifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Jenħtieġ li ma jkunu soġġetti għall-ebda waħda mir-rati tad-dazju anti-dumping individwali.

(250)

Sabiex ikun żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, id-dazju anti-dumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda anke għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(251)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jeħtiġilhom jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(252)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, ma hijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anki jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jridu jwettqu l-kontrolli tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, ikunu jirrikjedu dokumenti addizzjonali (id-dokumenti tat-trasport bil-baħar, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata aktar baxxa tad-dazju tkun iġġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(253)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’ċirkostanzi bħal dawn u diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa tat-tneħħija ta’ rata/rati tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(254)

L-istatistika tal-kartelli tal-azzar inossidabbli li jistgħu jimtlew mill-ġdid spiss tiġi espressa f’numru ta’ unitajiet. Madankollu, ma hemm l-ebda unità supplimentari bħal din għal kartelli tal-azzar inossidabbli li jistgħu jimtlew mill-ġdid speċifikata fin-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (53). Għalhekk hemm bżonn li fid-dikjarazzjoni għal rilaxx għal ċirkolazzjoni libera ma jingħatax biss il-piż f’kg jew f’tunnellati iżda għandu jingħata wkoll l-għadd ta’ unitajiet għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Jenħtieġ li jiġu indikati l-unitajiet għall-kodiċijiet TARIC 7310100010 u 7310299010, dment li din l-indikazzjoni tkun kompatibbli mal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

9.   REĠISTRAZZJONI

(255)

Kif imsemmi fil-premessa (3), il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda importazzjoni tal-prodott ikkonċernat soġġett għal reġistrazzjoni.

10.   INFORMAZZJONI FL-ISTADJU PROVVIŻORJU

(256)

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati dwar l-impożizzjoni pjanata ta’ dazji provviżorji. Din l-informazzjoni ġiet magħmula disponibbli wkoll għall-pubbliku ġenerali fuq is-sit web tad-DĠ TRADE. Il-partijiet interessati ngħataw tlett ijiem ta’ xogħol sabiex jipprovdu kummenti dwar l-akkuratezza tal-kalkoli ddivulgati b’mod speċifiku lilhom.

(257)

Ningbo Major u Penglai Jinfu ppreżentaw kummenti b’mod konġunt dwar id-divulgazzjoni preliminari, fejn talbu lill-Kummissjoni żżomm lura milli tapplika l-miżuri provviżorji. Huma enfasizzaw li l-prezzijiet fil-mira ta’ xi tipi ta’ prodotti ma kinux jirriflettu l-prezzijiet fil-mira mistennija skont l-għarfien tagħhom. Huma sostnew ukoll li xi tipi ta’ prodotti ma kinux parti mill-kalkolu tal-marġni tad-dannu u li intestatura ta’ tabella ta’ divulgazzjoni ma kinitx annotata kif suppost.

(258)

Il-Kummissjoni eżaminat il-kummenti fid-dettall u qieset li l-ebda wieħed minnhom ma kien jikkonċerna l-akkuratezza tal-kalkoli, għalhekk se tikkunsidrahom, flimkien mas-sottomissjonijiet l-oħra kollha wara l-pubblikazzjoni tal-miżuri provviżorji.

(259)

Fir-rigward tal-unitajiet użati fit-tabella ta’ divulgazzjoni, kif osservaw tajjeb il-produtturi esportaturi, dawn huma tabilħaqq unitajiet aktar milli tunnellati. Barra minn hekk, xi tipi ta’ prodotti ma kinux inklużi fil-kalkolu tal-marġni tad-dannu, minħabba li l-industrija tal-Unjoni ma pproduċietx it-tipi ta’ prodotti korrispondenti u għalhekk ma kinux rilevanti għall-kalkolu tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz.

11.   DISPOŻIZZJONI FINALI

(260)

Fl-interessi ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni se tistieden lill-partijiet interessati jressqu kummenti bil-miktub u/jew jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-proċeduri kummerċjali fi żmien skadenza fissa.

(261)

Is-sejbiet li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ dazji provviżorji huma provviżorji u jistgħu jiġu emendati fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Qed jiġi impost dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ kartelli, reċipjenti, ċilindri, tankijiet, btieti u kontenituri simili, li jistgħu jimtlew mill-ġdid, u li huma magħmula mill-azzar inossidabbli, magħrufa b’mod komuni bħala “kartelli tal-azzar inossidabbli li jistgħu jimtlew mill-ġdid”, b’korpi bejn wieħed u ieħor f’forma ċilindrika, bi ħxuna tal-ħajt ta’ 0,5 mm jew aktar, tat-tip użat għal materjal għajr gass likwifikat, żejt grezz, u prodotti tal-petroleum, b’kapaċità ta’ 4,5 litri jew aktar, irrispettivament mit-tip ta’ finitura, gauge, jew grad tal-azzar inossidabbli, kemm jekk għandhom komponenti addizzjonali (estratturi, għenuq, chimes jew kwalunkwe komponent ieħor) kif ukoll jekk le, kemm jekk miżbugħin jew miksija b’materjali oħrajn kif ukoll jekk le, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7310 10 00 u ex 7310 29 90 (kodiċijiet TARIC 7310100010 u 7310299010) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, għajr għenuq, spears, akkoppjaturi jew viti, kullari, valvi u komponenti oħrajn importati b’mod separat.

2.   Ir-rati tad-dazju anti-dumping provviżorju applikabbli għall-prezz nett, liberu fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandhom ikunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping provviżorju

Kodiċi addizzjonali TARIC

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Penglai Jinfu Stainless Steel Products Co., Ltd

58,8  %

A024

 

Ningbo Major Draft Beer Equipment Co., Ltd

52,9  %

A030

 

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

56,3  %

 

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

91,0  %

C999

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jiena niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija kompluta u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

4.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għall-għoti ta’ depożitu ta’ garanzija ekwivalenti għall-ammont tad-dazju provviżorju.

5.   Meta tiġi ppreżentata dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fir-rigward tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1, l-għadd ta’ unitajiet tal-prodotti importati għandu jiddaħħal fil-qasam rilevanti ta’ dik id-dikjarazzjoni, sakemm din l-indikazzjoni tkun kompatibbli mal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

6.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

1.   Il-partijiet interessati għandhom jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar dan ir-regolament bil-miktub lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum kalendarju mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-partijiet interessati li jixtiequ jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni għandhom jagħmlu dan fi żmien 5 ijiem kalendarji mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-partijiet interessati li jkunu jixtiequ jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-proċedimenti kummerċjali għandhom jagħmlu dan fi żmien 5 ijiem kalendarji mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-Uffiċjal tas-Smigħ għandu jeżamina t-talbiet li jiġu ppreżentati wara din l-iskadenza u jista’ jiddeċiedi jekk jaċċettax dawn it-talbiet jekk ikun xieraq.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 għandu japplika għal perjodu ta’ sitt xhur.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)   ĠU C 195, 13.5.2022, p. 24.

(3)  https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2602

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/191 tas-16 ta’ Frar 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 36, 17.2.2022, p. 1); Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/95 tal-24 ta’ Jannar 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti fittings ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ ċerti fittings ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar ikkonsenjati mit-Tajwan, mill-Indoneżja, mis-Sri Lanka u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi kif ukoll jekk le, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 16, 25.1.2022, p. 36); Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2239 tal-15 ta’ Diċembru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti torrijiet tar-riħ tal-azzar fuq skala utilitarja li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 450, 16.12.2021, p. 59); Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/635 tas-16 ta’ April 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi wweldjati tal-ħadid jew tal-azzar bil-karbonju li joriġinaw mill-Belarussja, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mir-Russja wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 132, 19.4.2021, p. 145).

(5)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 il-premessa 208, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/95 il-premessa 59, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2239 il-premessi 67-74 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/635 il-premessi 149-150.

(6)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 il-premessa 192, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/95 il-premessa 46, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2239 il-premessi 67-74 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/635 il-premessi 115-118.

(7)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 il-premessi 193-194, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/95 il-premessa 47, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2239 il-premessi 67-74 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/635 il-premessi 119-122. Filwaqt li d-dritt għall-ħatra u għat-tneħħija ta’ persunal ewlieni tal-maniġment fl-SOEs mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat, kif previst fil-leġiżlazzjoni Ċiniża, jista’ jitqies li jirrifletti d-drittijiet ta’ sjieda korrispondenti, iċ-ċelloli tas-CCP fl-intrapriżi, kemm dawk tal-Istat kif ukoll dawk privati, jirrappreżentaw mezz importanti ieħor li permezz tiegħu l-Istat jista’ jinterferixxi fid-deċiżjonijiet kummerċjali. Skont il-liġi tal-kumpaniji taċ-Ċina, f’kull kumpanija għandha tiġi stabbilita organizzazzjoni tas-CCP (li jkollha mill-anqas tliet membri tas-CCP kif speċifikat fil-Kostituzzjoni tas-CCP) u l-kumpanija għandha tipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-attivitajiet tal-organizzazzjoni tal-partit. Fil-passat, dan ir-rekwiżit jidher li mhux dejjem ġie segwit jew infurzat b’mod strett. Madankollu, minn tal-anqas l-2016, is-CCP saħħaħ l-pretensjonijiet tiegħu ta’ kontroll fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali fl-SOEs bħala kwistjoni ta’ prinċipju politiku. Huwa rapportat ukoll li s-CCP jeżerċita pressjoni fuq il-kumpaniji privati sabiex ipoġġu l-“patrijottiżmu” l-ewwel u qabel kollox u sabiex isegwu d-dixxiplina tal-partit. Fl-2017, ġie rrapportat li kienu jeżistu ċelloli tal-partit f’70 % ta’ madwar 1,86 miljun kumpanija privata, li rriżulta fi pressjoni dejjem akbar sabiex l-organizzazzjonijiet tas-CCP ikollhom l-aħħar kelma fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali fil-kumpaniji rispettivi tagħhom. Dawn ir-regoli għandhom applikazzjoni ġenerali fl-ekonomija Ċiniża kollha, fost is-setturi kollha, inkluż għall-produtturi tal-prodott li qiegħed jiġi investigat u għall-fornituri tal-inputs tagħhom.

(8)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 il-premessi 195-201, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/95 il-premessi 48-52, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2239 il-premessi 67-74 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/635 il-premessi 123-129.

(9)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 il-premessa 202, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/95 il-premessa 53, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2239 il-premessi 67-74 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/635 il-premessi 130-133.

(10)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 il-premessa 203, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/95 il-premessa 54, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2239 il-premessi 67-74 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/635 il-premessi 134-135.

(11)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 il-premessa 204, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/95 il-premessa 55, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2239 il-premessi 67-74 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/635 il-premessi 136-145.

(12)   2Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni SWD(2017) 483 final/2, 20. 12. 2017, disponibbli fuq: https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156474.pdf.

(13)  Il-Kamra tal-Kummerċ tal-Unjoni Ewropea fiċ-Ċina, Overcapacity in China: an impediment to the Party’s reform agenda, disponibbli fuq: https://www.europeanchamber.com.cn/en/publications-overcapacity-in-china (aċċessat fis-16 ta’ Novembru 2022)

(14)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/635 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/508 tas-7 ta’ April 2020 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mill-Indoneżja, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan (ĠU L 110, 8.4.2020, p. 3).

(15)  Il-Forum Globali dwar il-kapaċità żejda tal-azzar, Rapport Ministerjali, l-20 ta’ Settembru 2018.

(16)  Ir-Rapport – Il-Kapitolu 14, p. 358: 51 % kumpaniji privati u 49 % SOEs f’termini ta’ produzzjoni u 44 % SOEs u 56 % kumpaniji privati f’termini ta’ kapaċità.

(17)  Disponibbli fuq: www.gov.cn/zhengce/content/2016-02/04/content_5039353.htm ; https://policycn.com/policy_ticker/higher-expectations-for-large-scale-steel-enterprise/?iframe=1&secret=c8uthafuthefra4e , u www.xinhuanet.com/english/2019-04/23/c_138001574.htm (aċċessat fit-28 ta’ Ottubru 2022).

(18)  Disponibbli fuq http://www.jjckb.cn/2019-04/23/c_137999653.htm (aċċessat fit-28 ta’ Ottubru 2022).

(19)  Kif kien il-każ tal-maġġoranza akkwistata ta’ China Baowu Steel Group f’Magang Steel f’Ġunju 2019, ara https://www.ft.com/content/a7c93fae-85bc-11e9-a028-86cea8523dc2 (aċċessat fit-28 ta’ Ottubru 2022).

(20)  Ara: https://www.miit.gov.cn/gzcy/yjzj/art/2020/art_af1bef04b9624997956b2bff6cdb7383.html (aċċessat fis-16 ta’ Novembru 2022).

(21)  Ara t-Taqsima IV, is-Sottotaqsima 3 tal-Pjan, disponibbli fuq: https://www.miit.gov.cn/zwgk/zcwj/wjfb/tz/art/2021/art_2960538d19e34c66a5eb8d01b74cbb20.html (aċċessat fis-16 ta’ Novembru 2022).

(22)  Ara l-14-il Pjan ta’ Ħames Snin dwar l-iżvilupp tal-Industrija tal-Azzar, Daħla.

(23)  Ara s-sit web tal-grupp, disponibbli fuq: http://www.baowugroup.com/about/board_of_directors (aċċessat fis-7 ta’ Settembru 2022).

(24)  Ara s-sit web tal-kumpanija, disponibbli fuq: https://www.baosteel.com/about/manager (aċċessat fis-7 ta’ Settembru 2022).

(25)  Shandong Gold Group iwassal, jitgħallem u jimplimenta l-ispirtu tal-20 Kungress Nazzjonali tal-Partit Komunista taċ-Ċina (it-test oriġinali biċ-Ċiniż), artiklu tal-istampa disponibbli fuq is-sit web ta’ China Gold News: https://www.gold.org.cn/ky1227/kydj/202210/t20221028_193328.html (aċċessat fis-17 ta’ Novembru 2022).

(26)  Ir-Rapport, il-Parti III, il-Kapitolu 14, p. 346 ff.

(27)  Ara l-14-il Pjan ta’ Ħames Snin tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali u l-Objettivi fit-Tul għall-2035, il-Parti III, l-Artikolu VIII, disponibbli fuq: https://cset.georgetown.edu/publication/china-14th-five-year-plan/ (aċċessat fit-28 ta’ Ottubru 2022).

(28)  Ara b’mod partikolari t-Taqsimiet I u II tal-Pjan.

(29)  Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima huma dettaljati ħafna u jistabbilixxu miri stretti għall-futur: “Għall-intrapriżi tal-ħadid u tal-azzar li qed jippjanaw li jirrilokaw jew jirrinnovaw f’postijiet differenti, il-gvernijiet tal-postijiet li jiċċaqilqu fihom u jew li jitilqu minnhom jenħtieġ li jsaħħu l-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni, u jittrasferixxu indikaturi rilevanti tal-konsum tal-enerġija u tal-konsum tal-faħam permezz tas-suq tal-kummerċ tad-drittijiet tal-użu tal-enerġija biex tinkiseb kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku u jiġi żgurat il-progress bla xkiel u ordnat tal-proġett. Jinbnew sitt bażijiet tipiċi ta’ produzzjoni tal-azzar f’Anyang, Jiyuan, Pingdingshan, Xinyang, Shangqiu, Zhoukou, eċċ., u jittejbu l-iskala, l-intensifikazzjoni, l-ispeċjalizzazzjoni u d-distinzjoni tal-industrija. Fosthom, sal-2025, il-kapaċità tal-produzzjoni tal-ħadid mhux maħdum fil-Belt ta’ Angyang se tiġi kkontrollata biex tibqa’ taħt l-14-il miljun tunnellata, u l-kapaċità tal-produzzjoni tal-azzar mhux maħdum se tiġi kkontrollata f’ammont ta’ 15-il miljun tunnellata, u se jiġi fformat ċentru tal-produzzjoni ta’ 8,5 miljun tunnellata ta’ azzar speċjali ta’ kwalità għolja f’Anyang Base ta’ Anyang Iron and Steel Group Co. Ltd.; se jiġi appoġġat Henan Jiyuan Iron and Steel (Group) Co., Ltd. biex jibni bażi ta’ produzzjoni għal żbarri u wajers tal-azzar eċċellenti u speċjali u ċentru ta’ pproċessar reġjonali; biex jiġu appoġġati Angang Group Xinyang Iron and Steel Co., Ltd., Minyuan Iron and Steel Group Co., Ltd., u Henan Angang Zhoukou Iron and Steel Co., Ltd. għall-bini ta’ kumplessi reġjonali tal-ħadid u tal-azzar.”

(30)  Ara l-punti 2, 8 u 16, rispettivament, tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tliet Snin tal-Provinċja ta’ Hebei dwar l-iżvilupp tar-raggruppamenti fil-katina tal-industrija tal-azzar għall-2020 sal-2022.

(31)   “Guiding Catalogue for Industry Restructuring” (il-Verżjoni tal-2019), approvat bid-Digriet tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u r-Riforma tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina Nru 29 tas-27 ta’ Awwissu 2019; disponibbli fuq: http://www.gov.cn/xinwen/2019-11/06/5449193/files/26c9d25f713f4ed5b8dc51ae40ef37af.pdf (aċċessat fit-28 ta’ Ottubru 2022).

(32)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/635, il-premessi 134-135 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/508, il-premessi 143-144.

(33)  World Bank Open Data – Upper Middle Income, https://data.worldbank.org/income-level/upper-middle-income.

(34)  bvdinfo.com

(35)  https://www.globaltradealert.org/data_extraction

(36)  Il-kodiċi NACE huwa n-nomenklatura Ewropea standard tal-attivitajiet ekonomiċi produttivi. Ġew riċerkati l-kodiċijiet li ġejjin: 2591 (tankijiet tal-azzar u kontenituri simili), 2592 (ippakkjar tal-metall ħafif), 2599 (prodotti tal-metall fabbrikat oħrajn), 2829 (makkinarju għal użu ġenerali), 2893 (makkinarju għall-ipproċessar tal-ikel, tax-xorb u tat-tabakk).

(37)  Bażi tad-data Orbis, ipprovduta minn Bureau Van Dijk (https://orbis.bvdinfo.com).

(38)  https://www.mococa.com

(39)  https://ilostat.ilo.org/

(40)  https://www.globalpetrolprices.com/Brazil/

(41)  Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33).

(42)  https://ilostat.ilo.org/data/data-catalogue/

(43)  Aġġustata kif xieraq għall-ħin statutorju mhux maħdum, bħall-vaganzi u l-vaganzi nazzjonali.

(44)  https://establishbrazil.com/articles/whats-real-cost-employee;

https://ccbc.org.br/en/publicacoes/artigos-ccbc-en/how-much-do-your-employees-in-brazil-really-cost/; https://bpc-partners.com/inss-brazilian-salaries-benefits/

(45)  https://www.globalpetrolprices.com/Brazil/

(46)  https://www.edp.com.br/tarifas-vigentes/

(47)  https://www.gov.br/mme/pt-br/assuntos/secretarias/energia-eletrica/publicacoes/informativo-gestao-setor-eletrico

(48)  Is-sigħat b’domanda massima u dawk kwieti u d-diversi kostijiet addizzjonali applikabbli matul il-perjodu.

(49)  https://www.gov.br/mme/pt-br/assuntos/secretarias/energia-eletrica/publicacoes/informativo-gestao-setor-eletrico/informativo-gestao-setor-eletrico-ano-2021.pdf/view

(50)  Billi l-unika unità ta’ kwantità disponibbli fil-bażijiet tad-data Comext u tas-Sorveljanza tal-Kummissjoni hija l-massa, il-konverżjoni ta’ kwantitajiet minn tunnellati/kilogrammi f’unitajiet (numru ta’ kartelli) saret matul l-investigazzjoni skont il-formula kartell wieħed=10 kg meta wieħed jibbaża fuq dawk il-bażijiet tad-data. Din kienet ir-rata ta’ konverżjoni użata fl-ilment u l-analiżi ulterjuri tal-Kummissjoni kkonfermat li 10 kg hija bejn wieħed u ieħor il-massa medja ta’ kartell fis-suq.

(51)  L-ogħla ċifra għas-sena 2 018 tvarja mill-valur li jinsab fin-Nota għall-Fajl mit-2 ta’ Settembru 2022. Dan huwa dovut għall-iżball klerikali identifikat fl-aggregazzjoni tad-data mill-awtoritajiet doganali li sussegwentement ġie kkoreġut.

(52)  Il-prezz EXW inklużi l-kostijiet relatati mat-trasport u d-dazji tal-importazzjoni applikabbli fis-suq tal-Istati Uniti.

(53)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1) kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1998 tal-20 ta’ Settembru 2022 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 282, 31.10.2022, p. 1).


ANNESS

Produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex inklużi fil-kampjun

Pajjiż

Isem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Kingyip - Guangzhou JingYe Machinery Co., Ltd.

A031

 

Ningbo Hefeng Container Manufacturer Co., Ltd.

A032

 

Qingdao HenKeg Craft Beer Technology Co., Ltd.

A033

 

Yantai Toptech Ltd.

A034