2.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/39


DEĊIŻJONI Nru 253

tal-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji dwar ir-regoli interni li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet tas-suġġett tad-data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet imwettqa mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji [2023/1585]

IL-BORD TA’ TMEXXIJA TAL-AĠENZIJA EWROPEA GĦALL-FERROVIJI

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (2);

Wara li kkonsulta mal-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data,

Billi:

(1)

L-Aġenzija għandha s-setgħa li twettaq inkjesti amministrattivi, proċeduri pre-dixxiplinari, dixxiplinari u ta’ sospensjoni, skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (“Regolamenti tal-Persunal”) (3), u bid-Deċiżjoni tal-Aġenzija tat-8 ta’ Lulju 2022 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni dwar it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċeduri dixxiplinari. Jekk meħtieġ, tgħarraf ukoll bil-każijiet lill-OLAF.

(2)

Il-membri tal-persunal tal-Aġenzija għandhom l-obbligu li jirrapportaw attivitajiet potenzjalment illegali, inklużi l-frodi u l-korruzzjoni, li huma ta’ detriment għall-interessi tal-Unjoni. Il-membri tal-persunal huma obbligati wkoll li jirrapportaw imġiba relatata mal-kwittanza ta’ dmirijiet professjonali li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas serju ta’ konformità mal-obbligi tal-uffiċjali tal-Unjoni. Dan huwa rregolat mid-Deċiżjoni tal-Aġenzija tal-15 ta’ Novembru 2018 dwar ir-regoli interni fir-rigward tal-iżvelar ta’ informazzjoni protetta.

(3)

L-Aġenzija stabbiliet politika biex jiġu evitati u indirizzati b’mod effettiv il-każijiet reali jew potenzjali ta’ fastidju psikoloġiku jew sesswali fuq il-post tax-xogħol, kif previst fid-Deċiżjoni tagħha ERA-ED-690/2013 li tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni skont ir-Regolamenti tal-Persunal. Id-Deċiżjoni tistabbilixxi proċedura informali li biha l-allegata vittma tal-fastidju tista’ tikkuntattja lill-konsulenti “kunfidenzjali” tal-Aġenzija.

(4)

L-Aġenzija tista’ twettaq ukoll investigazzjonijiet dwar ksur potenzjali tar-regoli ta’ sigurtà għall-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea (“IKUE”), abbażi tal-Politika tagħha dwar l-Informazzjoni u l-IT li tadotta regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni tal-IKUE.

(5)

L-Aġenzija hija soġġetta għal awditi kemm interni kif ukoll esterni li jikkonċernaw l-attivitajiet tagħha.

(6)

Fil-kuntest ta’ tali inkjesti amministrattivi, awditi u investigazzjonijiet, l-Aġenzija tikkoopera ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni.

(7)

L-Aġenzija tista’ tikkoopera ma’ awtoritajiet nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, jew fuq talba tagħhom jew fuq inizjattiva proprja.

(8)

L-Aġenzija tista’ tikkoopera wkoll mal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE, jew fuq talba tagħhom jew fuq inizjattiva proprja.

(9)

L-Aġenzija hija involuta f’każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta jew tirreferi kwistjoni lill-Qorti, tiddefendi deċiżjoni li tkun ħadet u li ġiet ikkontestata quddiem il-Qorti, jew tintervjeni f’każijiet rilevanti għall-kompiti tagħha. F’dan il-kuntest, l-Aġenzija jista’ jkollha bżonn iżżomm il-kunfidenzjalità tad-data personali li tinsab fid-dokumenti miksuba mill-partijiet jew mill-intervenjenti.

(10)

Biex twettaq il-kompiti tagħha, l-Aġenzija tiġbor u tipproċessa informazzjoni u diversi kategoriji ta’ data personali, inkluża data ta’ identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi, informazzjoni ta’ kuntatt, rwoli u kompiti professjonali, informazzjoni dwar il-kondotta u l-prestazzjoni privata u professjonali, u data finanzjarja. L-Aġenzija taġixxi bħala kontrollur tad-data.

(11)

Skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 (“ir-Regolament”), l-Aġenzija hija għalhekk obbligata li tipprovdi informazzjoni lis-suġġetti tad-data dwar dawk l-attivitajiet ta’ pproċessar u li tirrispetta d-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data.

(12)

L-Aġenzija tista’ tkun meħtieġa tirrikonċilja dawk id-drittijiet mal-objettivi tal-inkjesti amministrattivi, l-awditi, l-investigazzjonijiet u l-proċeduri tal-qorti. Jista’ jkun meħtieġ ukoll li jinstab bilanċ bejn id-drittijiet ta’ suġġett tad-data u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ suġġetti oħra tad-data. Għal dak il-għan, l-Artikolu 25 tar-Regolament jagħti lill-Aġenzija l-possibbiltà li tillimita, taħt kundizzjonijiet stretti, l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, 35 u 36 tar-Regolament, kif ukoll l-Artikolu 4 tiegħu safejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 20. Sakemm ma jkunx hemm restrizzjonijiet previsti f’att legali adottat abbażi tat-Trattati, huwa neċessarju li jiġu adottati regoli interni li skonthom l-Aġenzija hija intitolata li tillimita dawk id-drittijiet.

(13)

L-Aġenzija jista’, pereżempju, ikollha bżonn li tillimita l-informazzjoni li tipprovdi lil suġġett tad-data dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħu matul il-fażi ta’ valutazzjoni preliminari ta’ inkjesta amministrattiva jew matul l-inkjesta nnifisha, qabel il-possibbiltà ta’ ċaħda tal-każ jew fl-istadju pre-dixxiplinari. F’ċerti ċirkostanzi, l-għoti ta’ tali informazzjoni jista’ jaffettwa serjament il-kapaċità tal-Aġenzija biex twettaq l-inkjesta b’mod effettiv, kull meta, pereżempju, ikun hemm riskju li l-persuna kkonċernata tista’ teqred l-evidenza jew tinterferixxi ma’ xhieda potenzjali qabel ma jiġu intervistati. L-Aġenzija jista’ jkollha bżonn ukoll tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tax-xhieda kif ukoll dawk ta’ persuni oħra involuti.

(14)

Jista’ jkun meħtieġ li tiġi protetta l-anonimità ta’ xhud jew informatur li jkun talab li ma jiġix identifikat. F’każ bħal dan, l-Aġenzija tista’ tiddeċiedi li tillimita l-aċċess għall-identità, għad-dikjarazzjonijiet u għal data personali oħra ta’ tali persuni, sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tagħhom.

(15)

Jista’ jkun meħtieġ li tiġi protetta informazzjoni kunfidenzjali li tikkonċerna membru tal-persunal li jkun ikkuntattja lill-konsulenti kunfidenzjali tal-Aġenzija fil-kuntest ta’ proċedura ta’ fastidju. F’każijiet bħal dawn, l-Aġenzija tista’ tiddeċiedi li tillimita l-aċċess għall-identità, għad-dikjarazzjonijiet u għal data personali oħra tal-allegata vittma, tal-persuna allegatament responsabbli mill-fastidju u ta’ persuni oħra involuti sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta’ dawk kollha kkonċernati.

(16)

Jenħtieġ li l-Aġenzija tapplika r-restrizzjonijiet biss meta dawn ikunu jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, meta jkunu strettament meħtieġa u jkunu miżura proporzjonata f’soċjetà demokratika. L-Aġenzija jenħtieġ tagħti raġunijiet li jispjegaw il-ġustifikazzjoni għal dawk ir-restrizzjonijiet.

(17)

Fl-applikazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbiltà, jenħtieġ li l-Aġenzija żżomm rekord tal-applikazzjoni tagħha tar-restrizzjonijiet.

(18)

Meta tiġi pproċessata data personali skambjata ma’ organizzazzjonijiet oħra fil-kuntest tal-kompiti tagħha, jenħtieġ li l-Aġenzija u dawk l-organizzazzjonijiet jikkonsultaw lil xulxin dwar ir-raġunijiet potenzjali għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet u n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ dawk ir-restrizzjonijiet, sakemm dan ma jipperikolax l-attivitajiet tal-Aġenzija.

(19)

L-Artikolu 25(6) tar-Regolament jobbliga lill-kontrollur li jinforma lis-suġġetti tad-data bir-raġunijiet prinċipali li fuqhom tkun ibbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni u bid-dritt tagħhom li jippreżentaw ilment mal-EDPS.

(20)

Skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament, l-Aġenzija hija intitolata li tiddifferixxi, tħalli barra jew tiċħad l-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ restrizzjoni għas-suġġett tad-data jekk b’xi mod dan jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni. L-Aġenzija jenħtieġ tivvaluta fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-komunikazzjoni tar-restrizzjoni tikkanċellax l-effett tagħha.

(21)

Jenħtieġ li l-Aġenzija tneħħi r-restrizzjoni hekk kif il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw u tivvaluta dawk il-kondizzjonijiet fuq bażi regolari.

(22)

Sabiex tiġi żgurata l-akbar protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tas-suġġetti tad-data u f’konformità mal-Artikolu 44(1) tar-Regolament, l-UPD għandu jkun ikkonsultat fi żmien xieraq bi kwalunkwe restrizzjoni li tista’ tiġi applikata u jivverifika l-konformità tagħha ma’ din id-Deċiżjoni.

(23)

L-Artikoli 16(5) u 17(4) tar-Regolament jipprevedu eċċezzjonijiet għad-dritt tas-suġġetti tad-data għall-informazzjoni u d-dritt ta’ aċċess. Jekk japplikaw dawn l-eċċezzjonijiet, l-Aġenzija ma għandhiex għalfejn tapplika restrizzjoni skont din id-Deċiżjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli relatati mal-kundizzjonijiet li skonthom l-Aġenzija tista’ tillimita l-applikazzjoni tal-Artikoli 4, 14 sa 22, 35 u 36, skont l-Artikolu 25 tar-Regolament.

2.   L-Aġenzija, bħala l-kontrollur, hija rrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 2

Restrizzjonijiet

1.   L-Aġenzija tista’ tillimita l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, 35 u 36, u l-Artikolu 4 tar-Regolament sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 20:

(a)

skont l-Artikolu 25(1)(b), (c), (f), (g) u (h) tar-Regolament, meta jitwettqu inkjesti amministrattivi, proċedimenti pre-dixxiplinari, dixxiplinari jew ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 86 u l-Anness IX għar-Regolamenti tal-Persunal u d-Deċiżjoni Nru 297 (4) tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija, u meta jiġu nnotifikati każijiet lill-OLAF;

(b)

skont l-Artikolu 25(1)(h) tar-Regolament, meta jiġi żgurat li l-membri tal-persunal tal-Aġenzija jistgħu jirrapportaw fatti b’mod kunfidenzjali fejn jemmnu li jkun hemm irregolaritajiet serji, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 183 (5) tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta u d-Deċiżjoni Nru 8 (6) dwar l-investigazzjonijiet interni;

(c)

skont l-Artikolu 25(1)(h) tar-Regolament, meta jiġi żgurat li l-membri tal-persunal tal-Aġenzija jkunu jistgħu jirrapportaw lill-konsulenti kunfidenzjali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ fastidju, kif definit mid-Deċiżjoni tal-Aġenzija ERA-ED-690-2013 (7);

(d)

skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament, meta twettaq awditi interni b’rabta ma’ attivitajiet jew dipartimenti tal-Aġenzija;

(e)

skont l-Artikolu 25(1)(c), (d), (g) u (h) tar-Regolament, meta tipprovdi jew tirċievi assistenza lil jew minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni jew tikkoopera magħhom fil-kuntest tal-attivitajiet skont il-punti (a) sa (d) ta’ dan il-paragrafu u skont ftehimiet rilevanti tal-livell ta’ servizz, memoranda ta’ qbil u ftehimiet ta’ kooperazzjoni;

(f)

skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament, meta tipprovdi jew tirċievi assistenza lil jew minn awtoritajiet nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jew tikkoopera ma’ dawn l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet, jew fuq talba tagħhom jew fuq inizjattiva proprja;

(g)

skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament, meta tipprovdi jew tirċievi assistenza u kooperazzjoni lil u minn awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE, jew fuq talba tagħhom jew fuq l-inizjattiva proprja;

(h)

skont l-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament, meta tiġi pproċessata data personali f’dokumenti miksuba mill-partijiet jew mill-intervenjenti fil-kuntest ta’ proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

2.   Kwalunkwe restrizzjoni għandha tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tkun meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika.

3.   Għandu jsir test tan-neċessità u tal-proporzjonalità fuq bażi ta’ każ b’każ qabel ma jiġu applikati r-restrizzjonijiet. Ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu limitati għal dak li hu strettament meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv tagħhom.

4.   Għal skopijiet ta’ responsabbiltà, l-Aġenzija għandha tfassal rekord li jiddeskrivi r-raġunijiet għar-restrizzjonijiet applikati, liema raġunijiet fost dawk elenkati fil-paragrafu 1 japplikaw u l-eżitu tat-test tan-neċessità u tal-proporzjonalità. Dawk ir-rekords għandhom ikunu parti minn reġistru, li għandu jkun disponibbli fuq talba għall-EDPS. L-Aġenzija għandha tħejji rapporti perjodiċi dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament.

5.   Meta tkun qed tipproċessa data personali riċevuta minn organizzazzjonijiet oħra fil-kuntest tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija għandha tikkonsulta ma’ dawk l-organizzazzjonijiet dwar ir-raġunijiet potenzjali għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet u dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet ikkonċernati, sakemm dan ma jxekkilx l-attivitajiet tal-Aġenzija.

Artikolu 3

Riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data

1.   Il-valutazzjonijiet tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data b’rabta mal-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet u dettalji tal-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dawk ir-restrizzjonijiet għandhom jiġu rreġistrati fir-rekord tal-attivitajiet ta’ pproċessar miżmum mill-Aġenzija skont l-Artikolu 31 tar-Regolament. Għandha tiġi rreġistrata wkoll kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni ta’ data rigward dawk ir-restrizzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 39 tar-Regolament.

2.   Kull meta l-Aġenzija tivvaluta n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ restrizzjoni, għandha tqis ir-riskji potenzjali għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data.

Artikolu 4

Salvagwardji u perjodi ta’ ħżin

1.   L-Aġenzija għandha timplimenta salvagwardji għall-prevenzjoni tal-abbuż u tal-aċċess jew tat-trasferiment illegali tad-data personali fir-rigward ta’ liema japplikaw jew jistgħu jiġu applikati restrizzjonijiet. Dawn is-salvagwardji għandhom jinkludu miżuri tekniċi u organizzazzjonali u għandhom ikunu dettaljati kif meħtieġ fid-deċiżjonijiet interni, fil-proċeduri u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tal-Aġenzija. Is-salvagwardji għandhom jinkludu:

(a)

definizzjoni ċara tar-rwoli, tar-responsabbiltajiet u tal-passi proċedurali;

(b)

jekk ikun xieraq, ambjent elettroniku sigur li jipprevjeni l-aċċess illegali u aċċidentali jew it-trasferiment ta’ data elettronika lil persuni mhux awtorizzati;

(c)

jekk ikun xieraq, ħażna u pproċessar siguri ta’ dokumenti tal-karti;

(d)

monitoraġġ xieraq tar-restrizzjonijiet u rieżami perjodiku tal-applikazzjoni tagħhom.

2.   Ir-rieżamijiet imsemmija fil-punt (d) għandhom jitwettqu mill-inqas kull sitt xhur.

3.   Ir-restrizzjonijiet għandhom jitneħħew malli ma jkunux għadhom japplikaw iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom.

4.   Id-data personali għandha tinżamm f’konformità mar-regoli applikabbli dwar iż-żamma tal-Aġenzija, li għandhom jiġu definiti fir-rekords tal-protezzjoni tad-data miżmuma skont l-Artikolu 31 tar-Regolament. Fi tmiem il-perjodu taż-żamma, id-data personali għandha titħassar, tiġi anonimizzata jew trasferita fl-arkivji f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament.

Artikolu 5

Involviment tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

1.   L-UPD tal-Aġenzija għandu jkun infurmat mingħajr dewmien żejjed kull meta d-drittijiet tas-suġġett tad-data jkunu limitati f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Huwa għandu jingħata aċċess għar-rekords assoċjati u għal kwalunkwe dokument li jikkonċerna l-kuntest fattwali jew legali.

2.   L-UPD tal-Aġenzija jista’ jitlob rieżami tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni. L-Aġenzija għandha tinforma lill-UPD tagħha bil-miktub dwar l-eżitu tar-rieżami.

3.   L-Aġenzija għandha tiddokumenta l-involviment tal-UPD fl-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet, inkluż liema informazzjoni tiġi kondiviża miegħu.

Artikolu 6

Informazzjoni lis-suġġetti tad-data dwar ir-restrizzjonijiet tad-drittijiet tagħhom

1.   L-Aġenzija għandha tinkludi taqsima fl-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data ppubblikati fuq is-sit web tagħha fejn tipprovdi informazzjoni ġenerali lis-suġġetti tad-data dwar il-potenzjal għar-restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikolu 2(1). L-informazzjoni għandha tkopri liema drittijiet jistgħu jiġu limitati, ir-raġunijiet li fuqhom jistgħu jiġu applikati r-restrizzjonijiet u d-durata potenzjali tagħhom.

2.   L-Aġenzija għandha tinforma lis-suġġetti tad-data individwalment, bil-miktub u mingħajr dewmien żejjed dwar ir-restrizzjonijiet li jkunu għaddejjin jew futuri tad-drittijiet tagħhom. L-Aġenzija għandha tinforma lis-suġġett tad-data bir-raġunijiet prinċipali li fuqhom tkun ibbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni, bid-dritt tiegħu li jikkonsulta lill-UPD bil-għan li jikkontesta r-restrizzjoni u d-dritt tiegħu li jressaq ilment quddiem l-EDPS.

3.   L-Aġenzija tista’ tiddifferixxi, tħalli barra jew tiċħad il-provvista ta’ informazzjoni li tikkonċerna r-raġunijiet għal restrizzjoni u d-dritt li jitressaq ilment quddiem l-EDPS sakemm dan jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni. Il-valutazzjoni dwar jekk dan ikunx ġustifikat għandha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ. Hekk kif ma tibqax tikkanċella l-effett tar-restrizzjoni, l-Aġenzija għandha tipprovdi l-informazzjoni lis-suġġett tad-data.

Artikolu 7

Komunikazzjoni dwar ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data

1.   Meta l-Aġenzija tkun taħt obbligu li tikkomunika ksur tad-data skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament, tista’, f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, tillimita din il-komunikazzjoni b’mod sħiħ jew parzjali. Għandha tiddokumenta f’nota r-raġunijiet għar-restrizzjoni, ir-raġuni legali għaliha skont l-Artikolu 2 u valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tagħha. In-nota għandha tkun ikkomunikata lill-EDPS fil-ħin tan-notifika tal-ksur tad-data personali.

2.   Meta r-raġunijiet għar-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, l-Aġenzija għandha tikkomunika l-ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data kkonċernat u tinfurmah bir-raġunijiet prinċipali għar-restrizzjoni u bid-dritt tiegħu li jressaq ilment quddiem l-EDPS.

Artikolu 8

Kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

1.   F’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, l-Aġenzija tista’ tirrewstrinġi d-dritt għall-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi skont l-Artikolu 36 tar-Regolament. Dawn ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

2.   Minkejja l-Artikolu 6(3), fejn l-Aġenzija tirrestrinġi d-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għal kwalunkwe talba mis-suġġett tad-data, bir-raġunijiet prinċipali li fuqhom tkun ibbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni u bid-dritt tiegħu li jressaq ilment quddiem l-EDPS.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għall-Bord ta’ Tmexxija Is-17 ta’ Frar 2021.

Il-President

Clio LIÉGEOIS


(1)   ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)  . ĠU L 138 26.5.2016, p. 1, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament tal-Aġenzija”.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea u li jistabbilixxi miżuri speċjali temporanjament applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni Nru 297 tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ġenerali dwar it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinari tat-8 ta’ Lulju 2022.

(5)  Id-Deċiżjoni Nru 183 tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji dwar il-linji gwida dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta tal-15 ta’ Novembru 2018.

(6)  Id-Deċiżjoni Nru 8 tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi, tal-korruzzjoni u ta’ kwalunkwe attività illegali oħra ta’ detriment għall-interessi tal-Komunitajiet tas-17 ta’ Ottubru 2006.

(7)  Id-Deċiżjoni Nru 690/2013 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji dwar il-politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni ta’ fastidju psikoloġiku u ta’ fastidju sesswali.

(8)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).