22.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 234/200


DEĊIŻJONI Nru 37-2023 TAL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI RIGWARD L-AĊĊESS PUBBLIKU GĦAL DOKUMENTI TAL-QEA

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI (QEA),

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 15(3) tiegħu;

Wara li kkunsidrat il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42 tagħha;

Wara li kkunsidrat ir-Regoli ta’ Proċedura tagħha (1), partikolarment l-Artikolu 35 tagħhom;

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (2), u partikolarment l-Artikolu 258(1), li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, it-tieni sentenza, u l-Artikolu 259(1) tiegħu;

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (3);

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti (4);

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 41/2021 tal-Qorti tal-Awdituri dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (IKUE) (5);

Wara li kkunsidrat il-Politika tal-QEA dwar il-Klassifikazzjoni tal-Informazzjoni (6);

Billi:

(1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jħaddan il-kunċett tal-aċċess miftuħ, u jgħid illi t-Trattat jimmarka fażi ġdida fil-proċess li joħloq unjoni dejjem aktar mill-qrib bejn il-popli tal-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod miftuħ u qrib kemm jista’ jkun iċ-ċittadin;

(2)

L-Artikolu 15(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddikjara mill-ġdid il-kunċett tal-aċċess miftuħ u jipprovdi li, sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ;

(3)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tat-TFUE jiddikjara li [kull] ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandha jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom;

(4)

F’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tat-TFUE, [kull] istituzzjoni, korp jew organu għandu jassigura t-trasparenza tal-ħidma tiegħu u jelabora fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu d-dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-aċċess għad-dokumenti tiegħu;

(5)

Il-ftuħ itejjeb il-leġittimità tal-amministrazzjoni, l-effettività u l-kontabilità, b’hekk jissaħħu l-prinċipji tad-demokrazija u [tiġi promossa] l-prattika ta’ amministrazzjoni tajba dwar l-aċċess pubbliku għal dawn id-dokumenti;

(6)

Ċerti interessi pubbliċi u privati għandhom jiġu protetti b’mod ta’ eċċezzjoni għall-prinċipju tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti, b’mod partikolari l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-awditjar li jikkonċernaw in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni dwar l-awditjar;

IDDEĊIDIET:

Artikolu 1

Skop

L-iskop ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet, il-limiti u l-proċeduri li taħthom il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha tagħti aċċess pubbliku għal dokumenti li hija żżomm.

Artikolu 2

Benefiċjarji u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Fil-qafas u fil-limiti tad-dispożizzjonijiet imniżżla f’din id-Deċiżjoni u tal-istandards internazzjonali li jirregolaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni dwar l-awditjar, kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni, u kwalunkwe persuna oħra fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li għandha l-uffiċċju ta’ reġistrazzjoni tagħha ġewwa Stat Membru, għandha dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-QEA.

2.   Suġġetta għall-istess prinċipji, kundizzjonijiet u limiti, il-QEA tista’ tagħti aċċess għal dokumenti lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li ma tirrisjedix jew li ma għandiex l-uffiċċju ta’ reġistrazzjoni tagħha ġewwa Stat Membru.

3.   Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għal drittijiet ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-QEA li jistgħu joħorġu minn strumenti tad-dritt internazzjonali jew minn atti li jimplimentawhom.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

(1)

“dokument” tfisser kwalunkwe kontenut, ikun xi jkun il-mezz tiegħu (miktub fuq karta jew maħżun f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni awdjo, viżwali jew awdjoviżwali), imfassal jew riċevut u miżmum mill-QEA dwar kwistjoni relatata mal-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tagħha;

(2)

“terza parti” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jew kwalunkwe entità barra l-QEA, inklużi l-Istati Membri, pajjiżi mhux tal-UE, u istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE jew mhux tal-UE.

Artiklou 4

Eċċezzjonijiet

1.   Il-QEA għandha tirrifjuta l-aċċess għal dokument meta l-għoti ta’ informazzjoni jdgħajjef il-protezzjoni ta’:

(a)

l-interess pubbliku, inklużi:

is-sigurtà pubblika;

kwistjonijiet militari u ta’ difiża;

ir-relazzjonijiet internazzjonali;

il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Membru.

(b)

il-privatezza u l-integrità tal-individwi u tad-data personali tagħhom, partikolarment f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE rigward il-protezzjoni tad-data personali.

2.   F’konformità mar-regoli dwar il-kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikoli 258(1) u 259(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/1046, u fid-dispożizzjonijiet korrispondenti fi strumenti oħrajn tad-dritt tal-UE, il-QEA għandha tirrifjuta l-aċċess għall-osservazzjonijiet preliminari tal-awditjar tagħha. Hija tista’ wkoll tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti użati fil-preparazzjoni ta’ dawn l-osservazzjonijiet.

3.   Il-QEA għandha tirrifjuta l-aċċess għal dokument meta l-għoti ta’ informazzjoni jdgħajjef il-protezzjoni ta’:

l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika;

il-proprjetà intellettwali;

il-proċedimenti, kemm dawk quddiem il-qrati, dawk ta’ arbitraġġ kif ukoll dawk għas-soluzzjoni tat-tilwim, u l-parir legali;

l-ispezzjonijiet, l-investigazzjonijiet u l-awditi.

4.   L-aċċess għad-dokumenti li ġejjin għandu jiġi rrifjutat jekk id-divulgazzjoni tagħhom iddgħajjef serjament it-teħid ta’ deċiżjonijiet min-naħa tal-QEA:

(a)

dokumenti mfassla mill-QEA għal użu intern jew riċevuti minnha, li jkunu relatati ma’ kwistjoni li tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni dwarha;

(b)

dokumenti li jkun fihom opinjonijiet għal użu intern bħala parti minn deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-QEA, anke wara li tkun ittieħdet deċiżjoni.

5.   Minkejja l-eċċezzjonijiet li jinsabu fil-paragrafi 2, 3 u 4, il-QEA għandha tiddeċiedi li tippermetti l-aċċess għal dokument, totalment jew parzjalment, meta jkun hemm interess pubbliku li jipprevali fid-divulgazzjoni tiegħu.

6.   L-interess pubbliku li jipprevali użat biex jiġġustifika d-divulgazzjoni jrid ikun sew objettiv u sew ġenerali fin-natura tiegħu. Il-persuna li tallega l-eżistenza ta’ interess pubbliku li jipprevali għandha tiddikjara liema ċirkustanzi speċifiċi jiġġustifikaw id-divulgazzjoni tad-dokumenti kkonċernati.

7.   Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub ikunu koperti minn kwalunkwe eċċezzjoni f’dan l-Artikolu, il-partijiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu rilaxxati. L-aċċess parzjali jista’ jinvolvi, pereżempju, il-minimizzazzjoni tad-data (l-anonimizzazzjoni jew il-psewdonimizzazzjoni tal-kontenut), it-tiswid jew it-tħassir ta’ xi kontenut jew it-tneħħija ta’ paġna waħda jew aktar tad-dokument.

8.   L-eċċezzjonijiet f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess pubbliku għall-arkivji storiċi tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 354/83 (7), kif emendat ulterjorment.

9.   Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5.

Artikolu 5

Dokumenti ta’ partijiet terzi

1.   Meta applikazzjoni għall-aċċess għal dokumenti tkun tikkonċerna dokument miżmum mill-QEA iżda li hija ma tkunx l-awtriċi tiegħu, il-QEA għandha tikkonferma li rċeviet l-applikazzjoni u tagħti l-isem tal-persuna, l-istituzzjoni jew il-korp li lilhom għandha tiġi indirizzata l-applikazzjoni.

2.   Meta dokument ikun inħoloq b’mod konġunt ma’ parti terza oħra, il-QEA għandha tikkonsulta lill-parti terza qabel ma tieħu deċiżjoni.

Artikolu 6

Dokumenti tal-QEA “sensittivi” u “klassifikati tal-UE”

1.   Dokumenti tal-QEA “sensittivi” jew “klassifikati tal-UE” huma dokumenti klassifikati bħala tali f’konformità mal-Politika tal-QEA dwar il-Klassifikazzjoni tal-Informazzjoni jew mad-Deċiżjoni Nru 41/2021, rispettivament.

2.   L-applikazzjonijiet għall-aċċess għal tali dokumenti għandhom jiġu ttrattati esklużivament mill-membri tal-persunal tal-QEA li għandhom dritt li jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ dawn id-dokumenti. L-istess persuni għandhom ukoll jivvalutaw jekk tistax issir referenza għal dokumenti tal-QEA “sensittivi” jew “klassifikati tal-UE” meta jkunu qed iwieġbu applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti.

3.   L-aċċess għal dokumenti tal-QEA “sensittivi” jew “klassifikati tal-UE” jista’ jingħata biss wara li ssir deklassifikazzjoni. Jekk il-QEA tiddeċiedi li tirrifjuta li tagħti aċċess għal tali dokumenti, hija għandha tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-interessi protetti fl-Artikolu 4.

Artikolu 7

Applikazzjonijiet

1.   L-applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti jridu jsiru bil-miktub, preferibbilment permezz tal-formola ta’ kuntatt (8) disponibbli fuq is-sit web tal-QEA, f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti jistgħu jintbagħtu bil-posta.

2.   L-applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti jridu jkunu preċiżi biżżejjed u għandu jkollhom, b’mod partikolari, elementi li jippermettu l-identifikazzjoni tad-dokument(i) mitlub(a) u ta’ isem l-applikant u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu.

3.   L-applikanti ma għandhomx ikunu obbligati jagħtu raġunijiet għall-applikazzjoni tagħhom.

4.   Meta applikazzjoni ma tkunx suffiċjentement preċiża, jew jekk id-dokumenti mitluba ma jkunux jistgħu jiġu identifikati, il-QEA għandha titlob lill-applikant jikkjarifika l-applikazzjoni, u għandha tassisti lill-applikant huwa u jagħmel dan.

5.   Il-limiti ta’ żmien previsiti mill-Artikolu 8 ma għandhomx jibdew jgħoddu qabel mal-QEA tirċievi l-kjarifiki mitluba.

6.   Meta applikazzjoni tkun relatata ma’ dokument twil ħafna jew ma’ għadd kbir ħafna ta’ dokumenti, il-QEA tista’ tikkonsulta mal-applikant informalment, bl-iskop li tinstab soluzzjoni xierqa.

Artikolu 8

Ipproċessar tal-applikazzjonijiet inizjali

1.   L-applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti għandu jieħu ħsiebhom it-tim ECA-Info.

2.   L-applikanti għandhom jirċievu konferma tar-riċevuta mingħajr dewmien.

3.   Skont is-suġġett tal-applikazzjoni, it-tim ECA-Info għandu jikkonsulta mad-dipartiment ikkonċernat, u, fejn applikabbli, mal-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data u/jew mal-Uffiċjal għas-Sigurtà tal-Informazzjoni, bil-ħsieb li jiddeċiedi kif se jittratta l-applikazzjoni. L-awtorità li għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar ir-risposta li għandha tingħata lil applikazzjoni inizjali għall-aċċess għal dokument għandu jkun is-Segretarju Ġenerali, li jista’ jiddelega din is-setgħa.

4.   Fi żmien massimu ta’ xahar mir-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni, il-QEA għandha jew tagħti aċċess għad-dokument mitlub, kif deskritt fl-Artikolu 11, jew twieġeb bil-miktub, u tindika r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali, u tinforma lill-applikant bid-dritt tiegħu/tagħha li jitlob/titlob lill-QEA tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha mill-ġdid kif deskritt fl-Artikolu 9.

5.   F’każ ta’ applikazzjoni li tkun relatata ma’ dokument twil ħafna jew ma’ għadd kbir ħafna ta’ dokumenti, jew li tirrikjedi konsultazzjonijiet interni jew il-konsultazzjoni ta’ partijiet terzi, il-limitu ta’ żmien indikat fil-paragrafu 4 jista’ jiġi estiż b’xahar, dment li l-applikant jiġi mgħarraf bil-quddiem u li jiġu mogħtija r-raġunijiet.

6.   F’każ li l-membri tal-persunal tal-QEA jirċievu personalment applikazzjoni għall-aċċess għal dokumenti, huma għandhom jgħadduha lit-tim ECA-Info mingħajr dewmien.

Artikolu 9

Applikazzjonijiet konfermatorji

1.   F’każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista’, fi żmien xahar mindu jirċievi r-risposta tal-QEA, jagħmel applikazzjoni konfermatorja lill-President tal-QEA, fejn jitlob lill-QEA tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha mill-ġdid.

2.   In-nuqqas min-naħa tal-QEA li tagħti risposta fil-limiti ta’ żmien preskritti fl-Artikolu 8 għandu jagħti wkoll id-dritt lill-applikant sabiex jitlob ir-rikunsiderazzjoni.

3.   L-applikazzjonijiet konfermatorji għandhom ikunu suġġetti għall-istess rekwiżiti kif stabbiliti fl-Artikolu 7 għall-applikazzjonijiet inizjali.

Artikolu 10

Ipproċessar tal-applikazzjonijiet konfermatorji

1.   Malli jirċievi l-applikazzjoni konfermatorja, il-President tal-QEA għandu jikkonsulta mas-Servizz Legali u, skont is-suġġett tal-applikazzjoni, id-dipartiment ikkonċernat u, fejn applikabbli, mal-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data u/jew mal-Uffiċjal għas-Sigurtà tal-Informazzjoni.

2.   Fi żmien massimu ta’ xahar mir-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni konfermatorja, il-QEA għandha jew tagħti aċċess għad-dokument mitlub, kif deskritt fl-Artikolu 11, jew twieġeb bil-miktub, u tindika r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali.

3.   F’każ ta’ rifjut totali jew parzjali, il-QEA għandha tinforma lill-applikant bir-rimedji li huma disponibbli għalih jew għaliha, jiġifieri li jistitwixxi proċedimenti fil-qorti kontra l-QEA u/jew iressaq ilment quddiem l-Ombudsman, taħt l-Artikoli 263 u 228 tat-TFUE, rispettivament.

4.   F’każijiet eċċezzjonali, pereżempju, meta l-applikazzjoni tkun relatata ma’ dokument twil ħafna jew ma’ għadd kbir ħafna ta’ dokumenti, jew tirrikjedi konsultazzjonijiet interni jew il-konsultazzjoni ta’ partijiet terzi, il-limitu ta’ żmien indikat fil-paragrafu 2 jista’ jiġi estiż b’xahar, dment li l-applikant jiġi mgħarraf bil-quddiem u li jiġu mogħtija r-raġunijiet.

5.   In-nuqqas min-naħa tal-QEA li tagħti risposta fil-limitu taż-żmien preskritt hawn fuq għandu jiġi kkunsidrat bħala risposta negattiva u jagħti d-dritt lill-applikant sabiex jirrikorri għar-rimedji li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 3.

Artikolu 11

Aċċess wara applikazzjoni

1.   Id-dokumenti għandhom jiġu mogħtija f’verżjoni u f’format li diġà jeżistu (preferibbilment elettronikament bl-użu ta’ mezzi approvati mill-QEA biex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-informazzjoni), b’kunsiderazzjoni għall-preferenza tal-applikant. Il-QEA mhijiex obbligata li toħloq dokument ġdid jew li tiġbor informazzjoni għall-applikant.

2.   Jekk id-dokumenti jkunu voluminużi jew diffiċli biex jiġu ttrattati, l-applikant jista’ jiġi mistieden jikkonsultahom fuq il-post f’data u f’ħin miftiehma mal-QEA.

3.   L-applikant jista’ jintalab iħallas il-kost involut biex isiru u jintbagħtu l-kopji, iżda dan ma għandux jeċċedi l-kostijiet li jkunu fil-fatt iġġarrbu. Konsultazzjoni fuq il-post, kopji ta’ inqas minn 20 paġna A4 u aċċess dirett f’forma elettronika għandhom ikunu bla ħlas.

4.   Jekk dokument ikun pubblikament aċċessibbli, il-QEA tista’ tissodisfa l-obbligazzjoni tagħha li tagħti l-aċċess billi tinforma lill-applikant dwar kif dan jista’ jiksbu.

Artikolu 12

Riproduzzjoni ta’ dokumenti

1.   Dokumenti rilaxxati skont din id-Deċiżjoni ma jistgħux jiġu riprodotti jew użati għal fini kummerċjali mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel u bil-miktub tal-QEA.

2.   Din id-Deċiżjoni ma għandha tippreġudika l-ebda regola dwar id-drittijiet tal-awtur li jistgħu jillimitaw id-dritt ta’ terza parti li tirripproduċi jew tisfrutta dokumenti rilaxxati, jew id-Deċiżjoni Nru 6-2019.

Artikolu 13

Portal dwar it-Trasparenza

1.   Biex id-drittijiet taċ-ċittadini skont din id-Deċiżjoni jkunu effettivi, is-sit web tal-QEA jinkludi portal dwar it-trasparenza.

2.   Id-dokumenti li ssir referenza għalihom fil-portal dwar it-trasparenza, kull fejn ikun possibbli, għandhom ikunu aċċessibbli direttament permezz ta’ iperlinks.

Artikolu 14

Dispożizzjonijiet finali

1.   Id-Deċiżjoni Nru 12-2005 tal-Qorti tal-Awdituri tal-10 ta’ Marzu 2005 hija mħassra.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Hija għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Lulju 2023.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Tony MURPHY

Il-President


(1)   ĠU L 103, 23.4.2010, p. 1.

(2)   ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(3)   ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(4)  https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/DECISION_ECA_6_2019/ECA-Decision_06-2019_EN.pdf.

(5)   ĠU L 256, 19.7.2021, p. 106.

(6)  https://www.eca.europa.eu/ContentPagesDocuments/Legal_framework/Information_Classification_Policy_EN.pdf.

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 354/83 tal-1 ta’ Frar 1983 dwar il-ftuħ għall-pubbliku tal-arkivji storiċi tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Energija Atomika (ĠU L 43, 15.2.1983, p. 1).

(8)  https://www.eca.europa.eu/mt/contact.