|
28.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 191/181 |
DIRETTIVA (UE) 2023/1544 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-12 ta’ Lulju 2023
li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar id-deżinjazzjoni ta' stabbilimenti deżinjati u l-ħatra ta' rappreżentanti legali għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 53 u 62 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Is-servizzi bbażati fuq network jistgħu jiġu pprovduti minn kullimkien u ma jirrikjedux infrastruttura fiżika, bini jew persunal fil-pajjiż fejn jiġi offrut is-servizz rilevanti, jew fis-suq intern innifsu. Konsegwentement, jista' jkun diffiċli li jiġu applikati u infurzati obbligi stipulati fil-liġi nazzjonali u tal-Unjoni li japplikaw għall-fornituri ta' servizzi kkonċernati, b'mod partikolari l-obbligu li jikkonformaw ma' ordni jew deċiżjoni ta' awtorità ġudizzjarja. Dan huwa l-każ b'mod partikolari fir-rigward tal-liġi kriminali, fejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiffaċċjaw diffikultajiet sabiex jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom, jiżguraw konformità magħhom u jinfurzawhom, b'mod partikolari meta servizzi rilevanti jiġu pprovduti minn post barra mit-territorju tagħhom. F'dan l-isfond, l-Istati Membri ħadu għadd ta' miżuri differenti ħafna sabiex japplikaw u jinfurzaw b'mod aktar effettiv il-leġiżlazzjoni tagħhom. Dan jinkludi miżuri biex il-fornituri ta' servizzi jintalbu jiksbu evidenza elettronika li tkun ta' rilevanza għall-proċedimenti kriminali. Għal dak il-għan, ċerti Stati Membri adottaw, jew qed jikkunsidraw li jadottaw, leġiżlazzjoni li timponi rappreżentanza legali obbligatorja fit-territorju tagħhom stess, għal għadd ta' fornituri ta' servizzi li joffru servizzi f'dak it-territorju. Tali rekwiżiti joħolqu ostakoli għall-forniment liberu tas-servizzi fis-suq intern. |
|
(2) |
Hemm riskju li, fin-nuqqas ta' approċċ għall-Unjoni kollha, l-Istati Membri se jippruvaw jegħlbu n-nuqqasijiet eżistenti relatati mal-ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali billi jimponu obbligi nazzjonali differenti. Tali obbligi nazzjonali differenti joħolqu aktar ostakoli għall-forniment liberu tas-servizzi fis-suq intern. |
|
(3) |
In-nuqqas ta' approċċ għall-Unjoni kollha jirriżulta f'inċertezza legali li taffettwa kemm lill-fornituri ta' servizzi kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali. Obbligi differenti u possibbilment kunfliġġenti japplikaw għall-fornituri ta' servizzi li jkunu stabbiliti jew li joffru servizzi fi Stati Membri differenti, u dan jirriżulta li l-fornituri ta' servizzi ta' dan it-tip ikunu soġġetti għal penali differenti f'każ ta' ksur. Tali diverġenzi fil-qafas għal proċedimenti kriminali x'aktarx li jkomplu jespandu minħabba l-importanza li qed tiżdied tas-servizzi tal-komunikazzjoni u tas-soċjetà tal-informazzjoni fil-ħajja ta' kuljum u fis-soċjetajiet tagħna. Tali diverġenzi ma jirrappreżentawx biss ostakolu għall-funzjonament xieraq tas-suq intern, iżda jimplikaw ukoll problemi għall-istabbiliment u l-funzjonament korrett tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni. |
|
(4) |
Sabiex jiġu evitati diverġenzi fil-qafas legali u sabiex jiġi żgurat li l-impriżi attivi fis-suq intern ikunu soġġetti għall-istess obbligi jew għal obbligi simili, l-Unjoni adottat għadd ta' atti legali f'oqsma relatati bħall-protezzjoni tad-data, jiġifieri r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Sabiex jiżdied il-livell ta' protezzjoni għas-suġġetti tad-data, ir-Regolament (UE) 2016/679 jipprevedi d-deżinjazzjoni ta' rappreżentant legali fl-Unjoni minn kontrolluri jew proċessuri li ma jkunux stabbiliti fl-Unjoni iżda li joffru prodotti jew servizzi lil suġġetti tad-data fl-Unjoni jew jimmonitorjaw l-imġiba tas-suġġetti tad-data jekk l-imġiba tagħhom isseħħ fl-Unjoni, sakemm il-proċess ma jkunx okkażjonali, ma jinkludix proċessar, fuq skala kbira, ta' kategoriji speċjali ta' data personali jew l-ipproċessar ta' data personali marbuta ma' kundanni penali u reati kriminali, u ma jkunx probabbli li jirriżulta f'riskju għad-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi, filwaqt li jitqiesu n-natura, il-kuntest, il-kamp ta' applikazzjoni u l-għanijiet tal-ipproċessar jew jekk il-kontrollur jew il-proċessur ikun awtorità jew korp pubbliku. |
|
(5) |
Bl-istabbiliment ta' regoli armonizzati dwar id-deżinjazzjoni ta' stabbilimenti deżinjati u l-ħatra ta' rappreżentanti legali ta' ċerti fornituri ta' servizzi fl-Unjoni biex jirċievu deċiżjonijiet u ordnijiet maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif ukoll biex jikkonformaw magħhom u jinfurzawhom, għall-finijiet ta' ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali, l-ostakoli eżistenti għall-forniment liberu tas-servizzi jenħtieġ li jitneħħew, u l-impożizzjoni ta' approċċi nazzjonali diverġenti f'dak ir-rigward, fil-futur, jenħtieġ li tiġi evitata. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi għall-fornituri ta' servizzi. Skont jekk il-fornituri ta' servizzi jkunux stabbiliti fl-Unjoni jew le, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi jiddeżinjaw stabbiliment deżinjat jew jaħtru rappreżentant legali. Dawk ir-regoli armonizzati dwar id-deżinjazzjoni ta' stabbilimenti deżinjati u l-ħatra ta' rappreżentanti legali jenħtieġ li ma jaffettwawx l-obbligi fuq il-fornituri ta' servizzi skont leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi ffaċilitat infurzar aktar effettiv tal-liġi kriminali fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni. |
|
(6) |
L-istabbilimenti deżinjati u r-rappreżentanti legali previsti f'din id-Direttiva jenħtieġ li jservu bħala destinatarji għal deċiżjonijiet u ordnijiet għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika abbażi tar-Regolament (UE) 2023/1543 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u tal-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (7), inkluż meta dawk id-deċiżjonijiet u l-ordnijiet jiġu trażmessi fil-forma ta' ċertifikat. Ir-rikors għall-istabbiliment deżinjat jew għar-rappreżentant legali jenħtieġ li jkun f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fl-istrumenti u fil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-proċedimenti ġudizzjarji, inkluż meta l-istrumenti jippermettu n-notifika diretta ta' ordnijiet f'sitwazzjonijiet transfruntiera fuq l-istabbiliment deżinjat jew ir-rappreżentant legali tal-fornitur ta' servizzi, jew ikunu bbażati fuq kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-istabbiliment deżinjat jew jirrisjedi r-rappreżentant legali jenħtieġ li jaġixxu f'konformità mar-rwol stabbilit għalihom fl-istrument rispettiv fejn l-involviment ikun previst. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jindirizzaw ukoll deċiżjonijiet u ordnijiet għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika abbażi tal-liġi nazzjonali lil persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi bħala rappreżentant legali jew bħala stabbiliment deżinjat ta' fornitur ta' servizzi fit-territorju tagħhom. |
|
(7) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi li joffru servizzi fl-Unjoni fit-18 ta’ Frar 2026 ikollhom l-obbligu li jiddeżinjaw tal-anqas stabbiliment deżinjat wieħed jew li jaħtru tal-anqas rappreżentant legali wieħed sat-18 ta’ Awwissu 2026 u li l-fornituri ta' servizzi li jibdew joffru servizzi fl-Unjoni wara dik id-data jiddeżinjaw tal-anqas stabbiliment deżinjat wieħed jew jaħtru tal-anqas rappreżentant legali wieħed fi żmien sitt xhur mid-data li jibdew joffru s-servizzi fl-Unjoni. Mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data, tali stabbiliment deżinjat jew rappreżentant legali jista' jiġi kondiviż bejn diversi fornituri ta' servizzi, b'mod partikolari minn fornituri ta' servizzi li huma intrapriżi żgħar jew ta' daqs medju. |
|
(8) |
L-obbligu li jiġi ddeżinjat stabbiliment deżinjat jew li jinħatar rappreżentant legali jenħtieġ li japplika għall-fornituri ta' servizzi li joffru servizzi fl-Unjoni, jiġifieri fi Stat Membru wieħed jew aktar. Sitwazzjonijiet fejn il-fornitur ta' servizzi jkun stabbilit fit-territorju ta' Stat Membru u joffri servizzi esklużivament fit-territorju ta' dak l-Istat Membru ma jenħtieġx li jkunu koperti minn din id-Direttiva. |
|
(9) |
Għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali, l-Istati Membri jenħtieġ li jkun jistgħu jkomplu jindirizzaw lill-fornituri ta' servizzi stabbiliti fit-territorju tagħhom għal sitwazzjonijiet purament domestiċi f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali rispettiva tagħhom. Minkejja l-possibbiltajiet attwalment previsti fil-liġi domestika biex jiġu indirizzati l-fornituri ta' servizzi fit-territorju tagħhom stess, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jevitawx il-prinċipji li fuqhom huma bbażati din id-Direttiva jew ir-Regolament (UE) 2023/1543. |
|
(10) |
Li jiġi ddeterminat jekk fornitur ta' servizzi joffrix servizzi fl-Unjoni jirrikjedi valutazzjoni dwar jekk il-fornitur ta' servizzi jippermettix lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar jużaw is-servizzi tiegħu. Madankollu, is-sempliċi aċċessibbiltà ta' interfaċċa online fl-Unjoni, bħal pereżempju l-aċċessibbiltà ta' sit web jew ta' indirizz tal-posta elettronika jew ta' dettalji oħra ta' kuntatt ta' fornitur ta' servizzi jew ta' intermedjarju, meħuda f'iżolament, jenħtieġ li jitqiesu insuffiċjenti biex jiddeterminaw li fornitur ta' servizzi joffri servizzi fl-Unjoni skont it-tifsira ta' din id-Direttiva. |
|
(11) |
Li jiġi determinat jekk fornitur ta' servizzi joffrix servizzi fl-Unjoni jirrikjedi, minbarra valutazzjoni dwar jekk il-fornitur ta' servizzi jippermettix lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar jużaw is-servizzi tiegħu, li jiġi stabbilit jekk hemmx konnessjoni mal-Unjoni. Tali konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni jenħtieġ li titqies li teżisti meta l-fornitur ta' servizzi jkollu stabbiliment fl-Unjoni. Fin-nuqqas ta' tali stabbiliment, il-kriterju ta' konnessjoni sostanzjali jenħtieġ li jiġi bbażat fuq kriterji fattwali speċifiċi bħall-eżistenza ta' għadd sinifikanti ta' utenti fi Stat Membru wieħed jew aktar, jew l-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar. L-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar jenħtieġ li jiġi determinat abbażi taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi fatturi bħall-użu ta' lingwa jew ta' munita li ġeneralment tintuża f'dak l-Istat Membru, jew il-possibbiltà li jiġu ordnati prodotti jew servizzi. L-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru jista' jirriżulta wkoll mid-disponibbiltà ta' applikazzjoni ("app") fl-app store nazzjonali rilevanti, mill-forniment ta' riklamar lokali jew riklamar fil-lingwa użata ġeneralment f'dak l-Istat Membru, jew mill-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-klijenti, pereżempju bil-forniment ta' servizz għall-klijenti f'lingwa li ġeneralment tintuża f'dak l-Istat Membru. Konnessjoni sostanzjali jenħtieġ ukoll li titqies li teżisti meta fornitur ta' servizzi jiddirezzjona l-attivitajiet tiegħu lejn Stat Membru wieħed jew aktar kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Min-naħa l-oħra, il-forniment ta' servizz għall-fini tas-sempliċi konformità mal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni stipulata fir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) ma jistax, mingħajr raġunijiet addizzjonali, jitqies li jiddirezzjona jew jimmira l-attivitajiet lejn territorju partikolari fl-Unjoni. L-istess kunsiderazzjonijiet jenħtieġ li japplikaw meta jiġi ddeterminat jekk fornitur ta' servizzi joffrix servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru. |
|
(12) |
Strumenti differenti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Titolu V, il-Kapitolu 4, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea japplikaw għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri meta tkun qed tinġabar l-evidenza fil-proċedimenti kriminali. B'konsegwenza tal-ġeometrija varjabbli li teżisti fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni, teżisti l-ħtieġa li jiġi żgurat li din id-Direttiva ma tiffaċilitax il-ħolqien ta' aktar diskrepanzi jew ostakoli għall-forniment ta' servizzi fis-suq intern billi l-fornituri ta' servizzi li joffru servizzi fit-territorju tal-Istati Membri jitħallew jiddeżinjaw stabbilimenti deżinjati jew jaħtru rappreżentanti legali fl-Istati Membri li ma jkunux qed jieħdu parti fl-istrumenti legali rilevanti. Għaldaqstant, tal-anqas stabbiliment deżinjat jew rappreżentant legali wieħed jenħtieġ li jiġi ddeżinjat jew maħtur fi Stat Membru li jipparteċipa fl-istrumenti legali rilevanti tal-Unjoni sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-effettività tad-deżinjazzjoni jew tal-ħatra prevista f’din id-Direttiva tiddgħajjef u sabiex jintużaw is-sinerġiji meta jkun hemm stabbiliment deżinjat jew rappreżentant legali biex jirċievi, jikkonforma ma’ u jenforża d-deċiżjonijiet u l-ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż skont ir-Regolament (UE) 2023/1543, id-Direttiva 2014/41/UE u l-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-deżinjazzjoni ta’ stabbiliment deżinjat jew il-ħatra ta’ rappreżentant legali, li tista' tintuża wkoll biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi legali nazzjonali, toffri wkoll il-possibbiltà li wieħed jibbenefika mis-sinerġiji tad-disponibbiltà ta' punt ċar ta' aċċess biex jiġu indirizzati l-fornituri ta' servizzi għall-fini ta' ġbir ta' evidenza fi proċedimenti kriminali. |
|
(13) |
Il-fornituri ta' servizzi jenħtieġ li jkunu liberi jagħżlu f'liema Stat Membru jiddeżinjaw l-istabbiliment deżinjat tagħhom jew, meta applikabbli, jaħtru r-rappreżentant legali tagħhom, u jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jirrestrinġu dik il-libertà tal-għażla, pereżempju billi jimponu obbligu li jiddeżinjaw l-istabbiliment deżinjat jew li jaħtru rappreżentant legali fit-territorju tagħhom. Madankollu, id-Direttiva jenħtieġ li tipprevedi wkoll ċerti restrizzjonijiet fir-rigward ta' dik il-libertà tal-għażla tal-fornituri ta' servizzi, b'mod partikolari fir-rigward tal-fatt li l-istabbiliment deżinjat jenħtieġ li jkun stabbilit, jew meta applikabbli, ir-rappreżentant legali jenħtieġ li jkun jirrisjedi, fi Stat Membru fejn il-fornitur ta' servizzi jipprovdi servizzi jew ikun stabbilit, kif ukoll tipprovdi għall-obbligu li jiġi ddeżinjat stabbiliment deżinjat jew jinħatar rappreżentant legali f'wieħed mill-Istati Membri li jipparteċipaw fi strument legali msemmi f'din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-ħatra waħedha ta' rappreżentant legali ma titqiesx li tikkostitwixxi l-istabbiliment tal-fornitur ta' servizzi. |
|
(14) |
Il-fornituri ta' servizzi li jkunu l-aktar rilevanti għall-ġbir ta' evidenza fi proċedimenti kriminali huma l-fornituri ta' servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u fornituri speċifiċi tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jiffaċilitaw l-interazzjoni bejn l-utenti. Għaldaqstant, iż-żewġ gruppi jenħtieġ li jkunu koperti b'din id-Direttiva. Is-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi huma definiti fid-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u jinkludu servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali bħal vuċi fuq IP, messaġġerija istantanja u servizzi ta' email. Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun applikabbli wkoll għal fornituri ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) li ma jikkwalifikawx bħala fornituri ta' servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda joffru lill-utenti tagħhom il-kapaċità li jikkomunikaw ma' xulxin jew joffru lill-utenti tagħhom servizzi li jistgħu jintużaw biex jaħżnu jew jipproċessaw id-data mod ieħor f'isimhom. Dan ikun f'konformità mat-termini użati fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità (ETS Nru 185), li saret f'Budapest fit-23 ta' Novembru 2001, imsejħa wkoll il-Konvenzjoni ta' Budapest. L-ipproċessar tad-data jenħtieġ li jinftiehem f'sens tekniku, li jfisser il-ħolqien jew il-manipulazzjoni ta' data, jiġifieri operazzjonijiet tekniċi biex jipproduċu jew ibiddlu d-data permezz tal-qawwa tal-ipproċessar tal-kompjuters. Il-kategoriji tal-fornituri ta' servizzi koperti minn din id-Direttiva jenħtieġ li jinkludu, pereżempju, il-postijiet tas-suq online li jipprovdu lill-konsumaturi u lin-negozji bil-kapaċità li jikkomunikaw ma' xulxin u servizzi oħrajn ta' hosting, inkluż fejn is-servizz jingħata permezz tal-cloud computing, kif ukoll pjattaformi tal-gaming online u pjattaformi tal-logħob tal-azzard online. Meta fornitur ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni ma jipprovdix lill-utenti tiegħu l-kapaċità li jikkomunikaw ma' xulxin, iżda mal-fornitur ta' servizzi biss, jew ma jipprovdix il-kapaċità li d-data tinħażen jew tiġi pproċessata mod ieħor, jew meta l-ħażna tad-data ma tkunx komponent determinanti, jiġifieri, parti essenzjali, mis-servizz ipprovdut lill-utenti, bħas-servizzi legali, ta' inġinerija arkitettonika u kontabilistiċi pprovduti online mill-bogħod, jenħtieġ li dan ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni ta' "fornitur ta' servizzi" stipulata f'din id-Direttiva, anki jekk is-servizzi ipprovduti minn dak il-fornitur ta' servizzi jkunu servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fit-tifsira tad-Direttiva (UE) 2015/1535. |
|
(15) |
Il-fornituri ta' servizzi ta' infrastruttura tal-internet relatati mal-assenjazzjoni ta' ismijiet u numri, bħar-reġistri u r-reġistraturi ta' ismijiet ta' dominji u l-fornituri ta' servizzi ta' privatezza u proxy jew ir-reġistri reġjonali tal-internet għall-indirizzi tal-protokoll tal-internet ("IP"), huma ta' rilevanza partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mal-identifikazzjoni ta' atturi wara siti web malizzjużi jew kompromessi. Huma jkollhom fil-pussess tagħhom data li tista' tagħmel possibbli l-identifikazzjoni ta' individwu jew entità wara sit web użat f'attività kriminali, jew il-vittma ta' attività kriminali. |
|
(16) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi li jkunu stabbiliti jew li joffru servizzi fit-territorju tagħhom jipprovdu lill-istabbilimenti deżinjati u lir-rappreżentanti legali tagħhom bis-setgħat u r-riżorsi neċessarji biex jikkonformaw mad-deċiżjonijiet u l-ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jirċievu mingħand kwalunkwe Stat Membru. L-Istati Membri jenħtieġ li jivverifikaw ukoll li l-istabbilimenti deżinjati jew ir-rappreżentanti legali li jirrisjedu fit-territorju tagħhom ikunu rċevew mill-fornituri ta' servizzi s-setgħat u r-riżorsi neċessarji biex jikkonformaw mad-deċiżjonijiet u mal-ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, li jirċievu minn kwalunkwe Stat Membru, u li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti meta jirċievu tali deċiżjonijiet u ordnijiet, f'konformità mal-qafas legali applikabbli. L-assenza ta' tali miżuri jew nuqqasijiet f'dawk il-miżuri jenħtieġ li ma jservux ta' raġuni li tiġġustifika n-nuqqas ta' konformità ma' deċiżjonijiet jew ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Barra minn hekk, il-fornituri ta' servizzi jenħtieġ li ma jkunux jistgħu jiġġustifikaw in-nuqqas ta' konformità tagħhom mal-obbligi li joħorġu mill-qafas legali applikabbli mal-wasla ta’ deċiżjonijiet jew ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva abbażi ta' proċeduri interni neqsin jew ineffettivi, peress li huma responsabbli biex jipprovdu r-riżorsi u s-setgħat neċessarji biex jiggarantixxu l-konformità ma’ tali deċiżjonijiet u ordnijiet. Jenħtieġ ukoll li l-istabbilimenti deżinjati jew ir-rappreżentanti legali ma jkunux jistgħu jiġġustifikaw tali nuqqas ta' konformità billi jiddikjaraw, pereżempju, li ma għandhomx is-setgħa li jwasslu d-data. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li kemm l-istabbiliment deżinjat kif ukoll ir-rappreżentant legali u l-fornitur ta' servizzi jistgħu jinżammu responsabbli in solidum għal nuqqas ta' konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-qafas legali applikabbli mal-wasla ta’ deċiżjonijiet u ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, sabiex kull wieħed minnhom jista' jkun soġġett għal penali għan-nuqqas ta' konformità minn kwalunkwe wieħed minnhom. B'mod partikolari, jenħtieġ li ma jkunx possibbli għall-fornitur ta' servizzi jew għall-istabbiliment deżinjat, jew għar-rappreżentant legali meta applikabbli, li juża n-nuqqas ta' proċeduri interni xierqa bejn il-fornitur ta' servizzi u l-istabbiliment deżinjat jew ir-rappreżentant legali bħala ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta' konformità ma' dawk l-obbligi. Jenħtieġ li responsabbiltà in solidum ma tapplikax għal azzjonijiet jew ommissjonijiet li jikkostitwixxu reat kriminali fl-Istat Membru li japplika l-penali, la tal-fornitur ta' servizzi u lanqas tal-istabbiliment deżinjat, jew tar-rappreżentant legali meta applikabbli. |
|
(17) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li kull fornitur ta' servizzi li jkun stabbilit jew li joffri servizzi fit-territorju tagħhom jinnotifika bil-miktub lill-awtorità ċentrali, kif deżinjat skont din id-Direttiva, tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-istabbiliment deżinjat tiegħu jew fejn jirrisjedi r-rappreżentant legali tiegħu, bid-dettalji ta' kuntatt għal dak l-istabbiliment deżinjat jew rappreżentant legali, u bi kwalunkwe tibdil fihom. In-notifika jenħtieġ li tipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-lingwi li fihom l-istabbiliment deżinjat jew ir-rappreżentant legali jista' jiġi indirizzat, li jenħtieġ li tinkludi waħda jew aktar minn waħda mil-lingwi uffiċjali kif stabbilit fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-istabbiliment deżinjat jew ikun jirrisjedi r-rappreżentant legali, iżda li tista' tinkludi lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni, bħal-lingwa ta' fejn ikunu jinsabu l-kwartieri ġenerali tiegħu. Meta fornitur ta' servizzi jiddeżinja diversi stabbilimenti jew jaħtar diversi rappreżentanti legali f'konformità ma' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li tali fornitur ta' servizzi jindika, għal kull stabbiliment deżinjat jew rappreżentant legali maħtur, il-kamp ta' applikazzjoni territorjali preċiż tad-deżinjazzjoni jew ħatra tiegħu. It-territorju tal-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fl-istrumenti fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jenħtieġ li jkun kopert. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom jindirizzaw id-deċiżjonijiet u l-ordnijiet kollha tagħhom skont din id-Direttiva lill-istabbiliment deżinjat jew lir-rappreżentant legali indikat tal-fornitur ta' servizzi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni nnotifikata lilhom f'konformità ma' din id-Direttiva tkun disponibbli għall-pubbliku fuq paġna web apposta tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f'materji kriminali biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u r-rikors għall-istabbiliment deżinjat jew ir-rappreżentant legali minn awtoritajiet minn Stat Membru ieħor. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li tali informazzjoni tiġi aġġornata regolarment. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-informazzjoni tinxtered ulterjorment biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dik l-informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, bħal permezz ta' siti tal-intranet jew forums u pjattaformi apposta. |
|
(18) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur ta' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u jenħtieġ li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu implimentati. Jenħtieġ li l-penali previsti jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri jenħtieġ li, sad-data stabbilita f'din id-Direttiva, jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli u dwar dawk il-miżuri u jenħtieġ li jinnotifikawha, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom. L-Istati Membri jenħtieġ li jinfurmaw ukoll lill-Kummissjoni fuq bażi annwali dwar il-fornituri ta' servizzi li ma jkunux konformi, l-azzjoni ta' infurzar rilevanti li tkun ittieħdet kontrihom u l-penali imposti. Jenħtieġ li s-sanzjonijiet, taħt l-ebda ċirkostanza, ma jirriżultaw fi projbizzjoni, kemm jekk tkun temporanja kif ukoll permanenti, tal-forniment ta' servizzi. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkoordinaw l-azzjonijiet ta' infurzar tagħhom meta fornitur ta' servizzi joffri servizzi f'diversi Stati Membri. Jenħtieġ li l-awtoritajiet ċentrali jikkoordinaw bejniethom biex jiżguraw approċċ koerenti u proporzjonat. Jekk ikun neċessarju, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiffaċilita tali koordinazzjoni, u jenħtieġ li, fi kwalunkwe każ, tiġi infurmata bil-każijiet ta' ksur. Id-Direttiva ma tirregolax l-arranġamenti kuntrattwali għat-trasferiment jew għat-tressiq ta' konsegwenzi finanzjarji bejn il-fornituri ta' servizzi, l-istabbilimenti deżinjati u r-rappreżentanti legali ta' penali imposti fuqhom. |
|
(19) |
Meta jiġu ddeterminati l-penali xierqa applikabbli għal ksur minn fornituri ta' servizzi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jqisu ċ-ċirkostanzi kollha rilevanti, bħall-kapaċità finanzjarja tal-fornitur tas-servizzi, in-natura, il-gravità u d-dewmien tal-ksur, jekk ikunx twettaq intenzjonalment jew minħabba negliġenza u jekk il-fornitur ta' servizzi nżammx responsabbli għal ksur preċedenti simili. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-mikrointrapriżi. |
|
(20) |
Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta' awtoritajiet nazzjonali fi proċedimenti ċivili jew amministrattivi, inkluż fejn tali proċedimenti jistgħu jwasslu għal penali. |
|
(21) |
Sabiex jiġi żgurat li din id-Direttiva tiġi applikata b'mod konsistenti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi addizzjonali għall-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jiddeżinjaw awtorità ċentrali waħda jew aktar li tista' tipprovdi lil awtoritajiet ċentrali fi Stati Membri oħrajn b'informazzjoni u assistenza fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fejn jitqiesu l-azzjonijiet ta' infurzar fl-ambitu ta' din id-Direttiva. Dak il-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni jenħtieġ li jiżgura li l-Istati Membri rilevanti jkunu infurmati bl-intenzjoni ta' Stat Membru li jieħu azzjoni ta' infurzar. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet ċentrali jkunu jistgħu jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti u b'assistenza f'dawk iċ-ċirkostanzi u jikkooperaw ma' xulxin meta rilevanti. Il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet ċentrali fil-każ ta' azzjoni ta' infurzar tista' tinvolvi l-koordinazzjoni ta' azzjoni ta' infurzar bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri differenti. Tali kooperazzjoni jenħtieġ li jkollha l-għan li tevita kunflitti pożittivi jew negattivi ta' kompetenza. Għall-koordinazzjoni ta' azzjoni ta' infurzar, l-awtoritajiet ċentrali jenħtieġ li jinvolvu wkoll lill-Kummissjoni meta rilevanti. L-obbligu ta' dawk l-awtoritajiet li jikkooperaw jenħtieġ li ma jippreġudikax id-dritt ta' Stat Membru individwali li jimponi penali fuq il-fornituri ta' servizzi li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva. Id-deżinjazzjoni u l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar l-awtoritajiet ċentrali tiffaċilita n-notifika mill-fornituri ta' servizzi tad-dettalji tad-deżinjazzjoni u ta' kuntatt tal-istabbiliment deżinjat jew tar-rappreżentant legali tagħhom lill-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-istabbiliment deżinjat jew ikun jirrisjedi r-rappreżentant legali tagħhom. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-awtorità ċentrali deżinjata jew l-awtoritajiet ċentrali deżinjati tagħhom, u jenħtieġ li l-Kummissjoni tibgħat lista ta' awtoritajiet ċentrali deżinjati lill-Istati Membri u tagħmilha disponibbli għall-pubbliku. |
|
(22) |
Minħabba li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jitneħħew l-ostakoli għall-forniment liberu ta' servizzi fil-qafas ta' ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' pjuttost, minħabba n-natura bla fruntieri ta' tali servizzi, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv. |
|
(23) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u ta opinjoni fis-6 ta' Novembru 2019 (13). |
|
(24) |
Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni ta' din id-Direttiva li jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji ta' effiċjenza, effettività, rilevanza, koerenza u valur miżjud tal-UE, u jenħtieġ li dik l-evalwazzjoni tipprovdi l-bażi għal valutazzjonijiet tal-impatt ta' miżuri oħra possibbli. L-evalwazzjoni jenħtieġ li titlesta sat-18 ta’ Awwissu 2029, sabiex tkun tista' tinġabar data suffiċjenti dwar l-implimentazzjoni prattika tagħha. L-informazzjoni jenħtieġ li tinġabar b'mod regolari sabiex isservi ta' bażi għall-evalwazzjoni ta' din id-Direttiva, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tistipula r-regoli dwar id-deżinjazzjoni ta' stabbilimenti deżinjati u l-ħatra ta' rappreżentanti legali ta' ċerti fornituri ta' servizzi li joffru servizzi fl-Unjoni, sabiex jirċievu d-deċiżjonijiet u l-ordnijiet maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif ukoll jikkonformaw magħhom u jinfurzawhom, għall-finijiet ta' ġbir tal-evidenza elettronika fil-proċedimenti kriminali.
2. Din id-Direttiva tapplika għal deċiżjonijiet u ordnijiet għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika abbażi tar-Regolament (UE) 2023/1543, id-Direttiva 2014/41/UE u tal-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni. Din id-Direttiva tapplika bl-istess mod għal deċiżjonijiet u ordnijiet għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika abbażi tal-liġi nazzjonali indirizzati minn Stat Membru lil persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi bħala rappreżentant legali jew stabbiliment deżinjat ta' fornitur ta' servizzi fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.
3. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali biex jiġu indirizzati fornituri ta' servizzi stabbiliti fit-territorju tagħhom direttament, għall-finijiet ta' ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali.
4. L-Istati Membri ma għandhomx jimponu fuq il-fornituri ta' servizzi obbligi addizzjonali għal dawk li jirriżultaw minn din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tad-deżinjazzjoni ta' stabbilimenti deżinjati jew tal-ħatra ta' rappreżentanti legali, għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.
5. Din id-Direttiva tapplika għall-fornituri ta' servizzi kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), li joffru s-servizzi tagħhom fl-Unjoni. Din ma tapplikax għal fornituri ta' servizzi li jkunu stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru wieħed li joffru servizzi esklużivament fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
"fornitur ta' servizzi" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi kategorija waħda jew aktar mill-kategoriji ta' servizzi li ġejjin, bl-eċċezzjoni tas-servizzi finanzjarji kif imsemmi fl-Artikolu 2(2), il-punt (b), tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14):
|
|
(2) |
"l-offerta ta' servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru" tfisser:
|
|
(3) |
“joffri servizzi fl-Unjoni” tfisser:
|
|
(4) |
"stabbiliment" tfisser entità li effettivament twettaq attività ekonomika għal perjodu indefinit permezz ta' infrastruttura stabbli minn fejn jitwettaq in-negozju tal-forniment tas-servizzi jew minn fejn jiġi ġestit in-negozju; |
|
(5) |
"stabbiliment deżinjat" tfisser stabbiliment b'personalità ġuridika deżinjat bil-miktub minn fornitur ta' servizzi li jkun stabbilit fi Stat Membru li jipparteċipa fi strument legali msemmi fl-Artikolu 1(2), għall-finijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 3(1); |
|
(6) |
"rappreżentant legali" tfisser persuna fiżika jew ġuridika maħtura bil-miktub minn fornitur ta' servizzi mhux stabbilit fi Stat Membru li tipparteċipa fi strument legali msemmi fl-Artikolu 1(2), għall-finijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 3(1). |
Artikolu 3
Stabbilimenti deżinjati u rappreżentanti legali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi li joffru servizzi fl-Unjoni jiddeżinjaw jew jaħtru tal-anqas destinatarju wieħed biex jirċievi d-deċiżjonijiet u l-ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 1(2) ("deċiżjonijiet u ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 1(2)"), kif ukoll jikkonforma magħhom u jinfurzahom, maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-fini ta' ġbir ta' evidenza fi proċedimenti kriminali, kif ġej:
|
(a) |
għall-fornituri ta' servizzi li jkunu stabbiliti fl-Unjoni b'personalità ġuridika, l-Istati Membri fejn ikunu stabbiliti l-fornituri ta' servizzi għandhom jiżguraw li tali fornituri ta' servizzi jiddeżinjaw l-istabbiliment deżinjat jew l-istabbilimenti deżinjati responsabbli għall-attivitajiet deskritti fil-parti introduttorja ta' dan il-paragrafu; |
|
(b) |
għall-fornituri ta' servizzi li ma jkunux stabbiliti fl-Unjoni, b'personalità ġuridika, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali fornituri ta' servizzi li joffru servizzi fit-territorju tagħhom jaħtru r-rappreżentant legali jew ir-rappreżentanti legali responsabbli għall-attivitajiet deskritti fil-parti introduttorja ta' dan il-paragrafu fl-Istati Membri li jipparteċipaw fl-istrumenti msemmijin fl-Artikolu 1(2); |
|
(c) |
għall-fornituri ta' servizzi li jkunu stabbiliti fi Stati Membri li ma jipparteċipawx fl-istrumenti msemmijin fl-Artikolu 1(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali fornituri ta' servizzi li joffru servizzi fit-territorju tagħhom jaħtru r-rappreżentant legali jew ir-rappreżentanti legali responsabbli għall-attivitajiet deskritti fil-parti introduttorja ta' dan il-paragrafu fl-Istati Membri li jipparteċipaw f'tali strumenti. |
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-destinatarji msemmijin fil-paragrafu 1:
|
(a) |
jkunu stabbiliti jew jirrisjedu fi Stat Membru fejn il-fornituri ta' servizzi joffru s-servizzi tagħhom; u |
|
(b) |
jistgħu jkunu soġġetti għal proċeduri ta' infurzar. |
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet u l-ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 1(2) ikunu indirizzati lill-istabbiliment deżinjat jew lir-rappreżentant legali deżinjat jew maħtur għal dak l-għan f'konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi li jkunu stabbiliti jew li joffru servizzi fit-territorju tagħhom jipprovdu lill-istabbilimenti deżinjati jew lir-rappreżentanti legali tagħhom bis-setgħat u r-riżorsi neċessarji biex jikkonformaw mad-deċiżjonijiet u mal-ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 1(2) li jirċievu mingħand Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw ukoll li l-istabbilimenti deżinjati li jkunu stabbiliti jew ir-rappreżentanti legali li jirrisjedu fit-territorju tagħhom ikunu rċevew mill-fornituri ta' servizzi s-setgħat u r-riżorsi neċessarji biex jikkonformaw ma’ dawk id-deċiżjonijiet u l-ordnijiet li jirċievu mingħand Stat Membru u li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti meta jirċievu dawk id-deċiżjonijiet u l-ordnijiet, f'konformità mal-qafas legali applikabbli.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kemm l-istabbiliment deżinjat jew ir-rappreżentant legali kif ukoll il-fornitur tas-servizzi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli in solidum għal nuqqas ta' konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-qafas legali applikabbli mal-wasla ta’ deċiżjonijiet u ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 1(2), sabiex kull wieħed minnhom jista' jkun soġġett għal penali għal nuqqas ta' konformità minn kwalunkwe wieħed minnhom. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkunx possibbli għall-fornitur ta' servizzi jew għall-istabbiliment deżinjat, jew għar-rappreżentant legali meta applikabbli, li juża n-nuqqas ta' proċeduri interni xierqa bejn il-fornitur ta' servizzi u l-istabbiliment deżinjat jew ir-rappreżentant legali bħala ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta' konformità ma' dawk l-obbligi. Ir-responsabbiltà in solidum ma għandhiex tapplika għall-azzjonijiet jew għall-ommissjonijiet li jikkostitwixxu reat kriminali fl-Istat Membru li japplika l-penali, la tal-fornitur ta' servizzi u lanqas tal-istabbiliment deżinjat, jew tar-rappreżentant legali meta applikabbli.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi li joffru servizzi fl-Unjoni fit-18 ta’ Frar 2026 ikollhom l-obbligu li jiddeżinjaw stabbilimenti deżinjati jew jaħtru rappreżentanti legali sat-18 ta’ Awwissu 2026 u li l-fornituri ta' servizzi li jibdew joffru servizzi fl-Unjoni wara t-18 ta’ Frar 2026 ikollhom l-obbligu li jiddeżinjaw stabbilimenti deżinjati jew jaħtru rappreżentanti legali fi żmien sitt xhur mid-data meta jibdew joffru s-servizzi fl-Unjoni.
Artikolu 4
Notifiki u lingwi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull fornitur ta' servizzi li jkun stabbilit jew li joffri servizzi fit-territorju tagħhom jinnotifika bil-miktub lill-awtorità ċentrali, kif iddeżinjat skont l-Artikolu 6, tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-istabbiliment deżinjat tiegħu jew fejn jirrisjedi r-rappreżentant legali tiegħu, bid-dettalji ta' kuntatt għal dak l-istabbiliment jew ir-rappreżentant legali tiegħu, u bi kwalunkwe tibdil fihom.
2. In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, kif imsemmi fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 (15), li biha jew bihom ir-rappreżentant legali jew l-istabbiliment deżinjat jista' jiġi indirizzat. Dawk il-lingwi għandhom jinkludu lingwa waħda jew aktar mil-lingwi uffiċjali kif stipulat fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-istabbiliment deżinjat jew fejn ikun jirrisjedi r-rappreżentant legali.
3. Meta fornitur ta' servizzi jiddeżinja diversi stabbilimenti deżinjati jew jaħtar diversi rappreżentanti legali f'konformità mal-Artikolu 3(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali fornituri ta' servizzi jispeċifikaw, fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-kamp ta' applikazzjoni territorjali preċiż tad-deżinjazzjoni jew ħatra ta' dawk l-istabbilimenti deżinjati jew ir-rappreżentanti legali. In-notifika għandha tispeċifika l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri li bihom kull wieħed mill-istabbilimenti deżinjati jew mir-rappreżentanti legali jista' jiġi indirizzat.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni nnotifikata lilhom f'konformità ma' dan l-Artikolu tkun disponibbli għall-pubbliku fuq paġna web apposta tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f'materji kriminali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dik l-informazzjoni tiġi aġġornata regolarment. Dik l-informazzjoni tista' tiġi disseminata ulterjorment biex tiffaċilita l-aċċess mill-awtoritajiet kompetenti.
Artikolu 5
Penali
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikoli 3 u 4 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, sat-18 ta’ Frar 2026, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw ukoll lill-Kummissjoni fuq bażi annwali dwar il-fornituri ta' servizzi li ma jkunux konformi, l-azzjoni ta' infurzar rilevanti li tkun ittieħdet kontrihom u l-penali imposti.
Artikolu 6
Awtoritajiet ċentrali
1. F'konformità mas-sistemi legali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw awtorità ċentrali waħda jew aktar biex jiżguraw li din id-Direttiva tiġi applikata b'mod konsistenti u proporzjonat.
2. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-awtorità ċentrali, jew l-awtoritajiet ċentrali, li huma jiddeżinjaw skont il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lista ta' awtoritajiet ċentrali deżinjati lill-Istati Membri u tagħmilha disponibbli għall-pubbliku.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ċentrali tagħhom jikkoordinaw u jikkooperaw ma' xulxin u, meta rilevanti, mal-Kummissjoni, u li l-awtoritajiet ċentrali jipprovdu kwalunkwe informazzjoni u assistenza lil xulxin sabiex japplikaw din id-Direttiva b'mod konsistenti u proporzjonat. Tali koordinazzjoni, kooperazzjoni u għoti ta' informazzjoni u assistenza għandhom ikopru, b'mod partikolari, l-azzjonijiet ta' infurzar.
Artikolu 7
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-18 ta’ Frar 2026. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.
2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza.
3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 8
Evalwazzjoni
Sat-18 ta’ Awwissu 2029, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport ta' evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-evalwazzjoni għandha titwettaq f'konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni neċessarja għat-tħejjija ta' dak ir-rapport.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 10
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Lulju 2023.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
P. NAVARRO RÍOS
(1) ĠU C 367, 10.10.2018, p. 88.
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Ġunju 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2023.
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(4) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).
(5) Ir-Regolament (UE) 2023/1543 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar l-Ordnijiet ta' Produzzjoni Ewropej u l-Ordnijiet ta' Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali u għall-eżekuzzjoni ta' sentenzi ta' kustodja wara proċedimenti kriminali (ara paġna 118 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(6) Id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali (ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1).
(7) Il-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 197, 12.7.2000, p. 3) u l-Protokoll tagħha (ĠU C 326, 21.11.2001, p. 2).
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).
(9) Ir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 60 I, 2.3.2018, p. 1).
(10) Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).
(11) Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).
(12) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(13) ĠU C 32, 31.1.2020, p. 11.
(14) Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).
(15) Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).