26.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/33


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/171

tat-28 ta’ Ottubru 2022

li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-kromu eżavalenti bħala aġent kontra l-korrużjoni fil-pompi tas-sħana mħaddma bl-assorbiment tal-gass

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), il-punt (a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għal ċerti applikazzjonijiet eżentati li huma elenkati fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Il-kromu eżavalenti huwa sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE.

(4)

Fit-23 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni magħmula f’konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/65/UE biex tiġi elenkata eżenzjoni fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva, għall-użu tal-kromu eżavalenti bħala aġent kontra l-korrużjoni fil-likwidu tat-tħaddim taċ-ċirkwit issiġillat tal-azzar bil-karbonju tal-pompi tas-sħana mħaddma bl-assorbiment tal-gass (“l-eżenzjoni mitluba”).

(5)

Il-pompi tas-sħana mħaddma bl-assorbiment tal-gass jeħtieġu l-elettriku għall-funzjonijiet awżiljarji bħall-ippumpjar ta’ likwidu tat-tħaddim madwar is-sistema. Il-pompi tas-sħana mħaddma bl-assorbiment tal-gass deskritti fl-eżenzjoni mitluba jaqgħu taħt il-kategorija 1 “apparat domestiku kbir” tal-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE.

(6)

L-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għall-eżenzjoni, li kienet tinkludi studju ta’ valutazzjoni teknika u xjentifika (2), ikkonkludiet li s-sostituzzjoni tal-kromu eżavalenti fis-soluzzjoni tar-refriġerant bħalissa ma hijiex prattikabbli mil-lat xjentifiku u tekniku, u teknoloġiji oħra tat-tisħin li jeliminaw l-użu tal-kromu eżavalenti fil-forma ta’ kromat tas-sodju ma jistgħux joffru funzjonalità u prestazzjoni ekwivalenti. Il-pompi tas-sħana mħaddma bl-assorbiment tal-gass jistgħu tabilħaqq jipprovdu effiċjenza enerġetika ogħla mit-teknoloġiji tal-bojlers li jużaw il-kondensazzjoni, jistgħu jgħinu biex jissostitwixxu dawk is-sistemi u jistgħu jwasslu għal iffrankar ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju. Għalhekk, dik l-evalwazzjoni ikkonkludiet li mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet rilevanti speċifikati fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2011/65/UE hija ssodisfata, jiġifieri li l-impatti negattivi totali fuq l-ambjent, fuq is-saħħa u fuq is-sikurezza tal-konsumatur ta’ sostituzzjoni tal-kromu eżavalenti fl-użi koperti mill-applikazzjoni għal eżenzjoni x’aktarx li jisbqu l-benefiċċji tiegħu għall-ambjent, għas-saħħa u għas-sikurezza tal-konsumatur. L-evalwazzjoni kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati kif meħtieġ mill-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-kummenti li waslu matul dawk il-konsultazzjonijiet saru disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta.

(7)

Konċentrazzjoni massima ta’ 0,7 % ta’ kromu eżavalenti skont il-piż fis-soluzzjoni tar-refriġerant titqies bħala suffiċjenti għall-eżenzjoni mitluba.

(8)

It-tqegħid fis-suq għal użu u l-użu ta’ sustanzi elenkati fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) huma soġġetti għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni skont dak ir-Regolament. Dak l-Anness jelenka għadd ta’ komposti tal-kromu eżavalenti, inkluż il-kromat tas-sodju. Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u d-Direttiva 2011/65/UE japplikaw mingħajr preġudizzju għal xulxin. L-użu ta’ kompost tal-kromu eżavalenti elenkat fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u t-tqegħid tiegħu fis-suq għal użu huwa soġġett għal awtorizzazzjoni skont dak ir-Regolament. L-għoti ta’ eżenzjoni skont id-Direttiva 2011/65/UE ma jaffettwax dak ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, u lanqas l-għoti ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ma jaffettwa l-ħtieġa li tinkiseb eżenzjoni skont id-Direttiva 2011/65/UE. Ma nstabet l-ebda raġuni li skontha l-għoti tal-eżenzjoni mitluba skont id-Direttiva 2011/65/UE jdgħajjef il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa mogħtija mir-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(9)

Għalhekk, jixraq li tingħata l-eżenzjoni mitluba billi jiddaħħlu l-applikazzjonijiet koperti minnha fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE b’rabta mat-tagħmir elettriku u elettroniku tal-kategorija 1.

(10)

Huwa previst li l-isforzi tar-riċerka biex jinstabu possibbiltajiet għat-tnaqqis tal-kontenut ta’ kromu eżavalenti u/jew għas-sostituzzjoni jew l-eliminazzjoni tal-użu tal-kromu eżavalenti se jkunu jeħtieġu aktar minn ħames snin. Għalhekk, huwa xieraq li l-eżenzjoni mitluba tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2026, f’konformità mal-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu tad-Direttiva 2011/65/UE.

(11)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-31 ta' Awwissu 2023, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Settembru 2023.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw kif trid issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

(2)  Study to assess requests for renewal of 12 exemptions to Annex IV of Directive 2011/65/EU - Rieżami tat-talba għal emenda tal-eżenzjoni III-9: ir-rapport finali.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, tiddaħħal l-entrata 9(a)-III li ġejja:

“9(a)-III

Sa 0,7 % ta’ kromu eżavalenti skont il-piż, użat bħala aġent kontra l-korrużjoni fil-fluwidu tat-tħaddim taċ-ċirkwit issiġillat tal-azzar bil-karbonju tal-pompi tas-sħana mħaddma bl-assorbiment tal-gass għat-tisħin tal-ispazju u tal-ilma

Tapplika għall-kategorija 1 u tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026.”.