1.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 312/197


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Lulju 2023

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Polonja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023 tal-Polonja

(2023/C 312/21)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, il-Faċilità tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u inklużiv u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli u li jtejbu t-tkabbir, b’mod partikolari riformi u investimenti biex jippromwovu t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex jagħmlu l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru taħt il-Faċilità ġiet aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(2)

Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2023, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2023 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-23 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2023, li huma ċċentrati madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fit-22 ta’ Novembru 2022, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2023, li fih hija ma identifikatx lill-Polonja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat minn żbilanċi. Għalhekk mhux ser ikun meħtieġ rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2023, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (4) fis-16 ta’ Mejju 2023 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fit-13 ta’ Marzu 2023.

(3)

Filwaqt li l-ekonomiji tal-Unjoni qed juru reżiljenza notevoli, il-kuntest ġeopolitiku għad għandu impatt negattiv. Hekk kif l-Unjoni qed tappoġġa b’mod sod lill-Ukrajna, l-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni hija ffukata fuq it-tnaqqis tal-impatt negattiv tax-xokkijiet tal-enerġija kemm fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli kif ukoll fuq id-ditti fuq terminu qasir, u fuq iż-żamma tal-isforzi biex jitwettqu t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, tiġi salvagwardjata l-istabbiltà makroekonomika u tiżdied ir-reżiljenza fuq terminu medju. Hija tiffoka ħafna wkoll fuq iż-żieda fil-kompetittività u l-produttività tal-Unjoni.

(4)

Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni bit-titolu “Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti” (“il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku”). L-għan tal-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku huwa biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-Unjoni u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Huwa jikkomplementa l-isforzi li għaddejjin bil-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-REPowerEU. Huwa għandu l-għan ukoll li jipprovdi ambjent li jappoġġa aktar iż-żieda fil-kapaċità tal-manifattura tal-Unjoni għat-teknoloġiji u l-prodotti b’emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-Unjoni, u biex jiġi żgurat aċċess għal materja prima kritika rilevanti, inkluż bid-diversifikazzjoni tal-akkwist, l-isfruttament kif xieraq tar-riżorsi ġeoloġiċi fl-Istati Membri u l-massimizzazzjoni tar-riċiklaġġ tal-materja prima. Il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku huwa bbażat fuq erba’ pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, aċċess imħaffef għall-finanzjament, it-titjib tal-ħiliet, u kummerċ miftuħ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti. Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni bit-titolu “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, strutturata fuq disa’ xpruni li jsaħħu lil xulxin bl-għan li ssir ħidma lejn qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir. Hija tistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika mmirati biex jiżguraw b’mod attiv titjib strutturali, investiment iffukat tajjeb u miżuri regolatorji għall-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt jgħinu biex jiġu indirizzati dawk il-prijoritajiet.

(5)

Fl-2023, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020 u l-2022 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023 għandu l-għan li jipproċedi malajr bl-eliminazzjoni gradwali tad-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan ser jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ir-Regolament REPowerEU jippermetti lill-Istati Membri jżidu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. Dawk ir-riformi u l-investimenti ser jgħinu wkoll biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-Unjoni kif deskritt fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku u ser jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-enerġija maħruġa lill-Istati Membri fl-2022 u, fejn applikabbli, fl-2023. Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, li ssir disponibbli għall-Istati Membri sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ġodda relatati mal-enerġija skont il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.

(7)

Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-2024 (“il-komunikazzjoni tat-8 ta’ Marzu 2023”). Hija għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika. Fakkret li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Il-Kummissjoni appellat għal politiki fiskali fl-2023–2024 li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju u li jżidu t-tkabbir potenzjali b’mod sostenibbli u stiednet lill-Istati Membri biex jistabbilixxu fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tagħhom tal-2023 kif il-pjanijiet fiskali tagħhom ser jiżguraw li l-valur ta’ referenza tat-Trattat ta’ 3 % tal-prodott domestiku gross (PDG) jiġi rispettat u jiżguraw tnaqqis plawżibbli u kontinwu tad-dejn, jew biex id-dejn jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. Il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment il-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija, u jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Hija indikat li, jekk ikun meħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ jiġu estiżi minħabba pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija mġedda, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw aħjar tali miżuri lejn unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli. Il-Kummissjoni ddikjarat li r-rakkomandazzjonijiet fiskali jkunu kwantifikati u differenzjati. Barra minn hekk, kif propost fil-komunikazzjoni tagħha tad-9 ta’ Novembru 2022 dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali jiġu fformulati abbażi tan-nefqa primarja netta. Hija rrakkomandat li l-Istati Membri kollha jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-Faċilità u ta’ fondi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u tar-reżiljenza. Il-Kummissjoni indikat li ser tipproponi lill-Kunsill jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.

(8)

Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta riforma komprensiva tar-regoli ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni. L-objettiv ċentrali tal-proposti huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u li jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta’ riformi u investiment. Fil-proposti tagħha, il-Kummissjoni għandha l-għan li ttejjeb is-sjieda nazzjonali, tissimplifika l-qafas u timxi lejn fokus akbar fuq terminu medju, flimkien ma’ infurzar effettiv u aktar koerenti. Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2023 dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE, l-objettiv huwa li l-ħidma leġiżlattiva tiġi konkluża fl-2023.

(9)

Fit-3 ta’ Mejju 2021, il-Polonja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stabbiliti fl-Anness V għal dak ir-Regolament. Fis-17 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja (6). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li l-Polonja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(10)

Fis-27 ta’ April 2023, il-Polonja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2023, u l-Programm ta’ Konverġenza tagħha tal-2023, f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Polonja dwar il-progress li sar biex jinkiseb il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu.

(11)

Fl-24 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż 2023 għall-Polonja. Dan ivvaluta l-progress tal-Polonja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2022 u qies l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Polonja. Abbażi ta’ dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Hija vvalutat ukoll il-progress tal-Polonja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(12)

Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Polonja żdied minn 1,8 % tal-PDG fl-2021 għal 3,7 % fl-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 53,6 % tal-PDG fi tmiem l-2021 għal 49,1 % fi tmiem l-2022. Fl-24 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport iddiskuta s-sitwazzjoni baġitarja tal-Polonja, billi d-defiċit tal-gvern estiż tagħha fl-2022 qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ma kienx issodisfat. F’konformità mal-komunikazzjoni tat-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa 2023. Il-Kummissjoni ddikjarat sussegwentement li kienet ser tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa 2024, abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Jenħtieġ li l-Polonja tqis dan fl-eżekuzzjoni tal-baġit tagħha għall-2023 u fit-tħejjija tal-baġit tagħha għall-2024.

(13)

Il-bilanċ tal-gvern estiż intlaqat mill-miżuri ta’ politika fiskali meħuda biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2022, tali miżuri ta’ politika fiskali li jnaqqsu d-dħul kienu jinkludu r-rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazji tas-sisa fuq l-enerġija u l-fjuwils, filwaqt li tali miżuri ta’ politika fiskali li jżidu n-nefqa kienu jinkludu sussidji fi flus kontanti u limitu massimu fuq il-prezzijiet tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi u sussidji tal-kost tal-gass lill-kumpaniji. Il-Kummissjoni tistma l-kost baġitarju net ta’ dawk il-miżuri fil-livell ta’ 1,9 % tal-PDG fl-2022. Il-bilanċ tal-gvern estiż ġie affettwat ukoll mill-kost baġitarju tal-offerta ta’ protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna, li huwa stmat għal 0,5 % tal-PDG fl-2022. Fl-istess ħin, il-kost stmat tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 naqas għal 0,7 % tal-PDG fl-2022, minn 2,4 % fl-2021.

(14)

Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 il-Polonja (7) ssegwi pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali.

(15)

Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (8) fl-2022 kien ta’ appoġġ, fil-livell ta’ – 3,0 % tal-PDG, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Kif irrakkomandat mill-Kunsill, il-Polonja kompliet tappoġġa l-irkupru b’investimenti ffinanzjati mill-Faċilità. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet taħt il-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni ammontat għal 1,0 % tal-PDG fl-2022 (1,3 % tal-PDG fl-2021). L-investiment iffinanzjat f’livell nazzjonali pprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,2 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali (9). Għalhekk, il-Polonja ppreservat l-investiment iffinanzjat f’livell nazzjonali, kif irrakkomanda l-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f’livell nazzjonali (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) ipprovdiet kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 2,3 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali. Dik il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti kienet tinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri meħuda biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (kost baġitarju nett addizzjonali ta’ 1,9 % tal-PDG), kif ukoll il-kost biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,5 % tal-PDG). Il-Polonja għalhekk żammet biżżejjed taħt kontroll it-tkabbir fin-nefqa kurrenti ffinanzjata f’livell nazzjonali.

(16)

Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2023 huwa konformi mat-Tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għall-2023 u minn hemm ’il quddiem. Il-Gvern jipprojetta li l-PDG reali jikber b’0,9 % fl-2023 u bi 2,8 % fl-2024. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipprojetta tkabbir tal-PDG reali aktar baxx ta’ 0,7 % fl-2023 u 2,7 % fl-2024, prinċipalment minħabba kontribuzzjoni pprojettata aktar baxxa mid-domanda domestika.

(17)

Fil-Programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2023, il-Gvern jistenna li d-defiċit tal-gvern estiż jiżdied għal 4,7 % tal-PDG fl-2023. Iż-żieda fl-2023 tirrifletti prinċipalment iż-żieda fl-infiq fuq id-difiża, is-saħħa, il-pagi tas-settur pubbliku u l-indiċjar tal-pensjonijiet filwaqt li hu mistenni li l-kost tal-miżuri biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu għoljin. Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied minn 49,1 % fi tmiem l-2022 għal 50,5 % fi tmiem l-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 5,0 % tal-PDG għall-2023. Dan huwa ogħla mid-defiċit ipprojettat fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2023, prinċipalment minħabba miżuri li jipprovdu għajnuna straordinarja lill-bdiewa li kienu għadhom ma ġewx speċifikati fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipprojetta proporzjon simili ta’ dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 50,5 % fi tmiem l-2023.

(18)

Il-bilanċ tal-gvern estiż fl-2023 huwa mistenni li jkompli jiġi affettwat mill-miżuri meħuda biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn jikkonsistu prinċipalment f’miżuri ġodda bħal skemi ta’ ffriżar tal-prezzijiet għall-elettriku u l-gass u miżuri ta’ appoġġ għal industriji li jużaw ħafna enerġija. Il-kost ta’ dawk il-miżuri huwa parzjalment ikkumpensat minn taxxi fuq profitti mhux mistennija tal-produtturi tal-gass u tal-elettriku. Meta jitqies dak id-dħul, il-kost baġitarju nett tal-miżuri ta’ appoġġ huwa pprojettat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 1,7 % tal-PDG fl-2023 (10). Il-parti l-kbira tal-miżuri fl-2023 ma jidhrux li huma mmirati lejn l-unitajiet domestiċi jew id-ditti l-aktar vulnerabbli, u ma jippreservawx bis-sħiħ is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija. B’riżultat ta’ dan, l-ammont ta’ miżuri ta’ appoġġ immirati, li għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tal-konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 (11), huwa stmat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 0,2 % tal-PDG fl-2023 (meta mqabbel ma’ 0,1 % tal-PDG fl-2022). Huwa pprojettat li l-kost baġitarju tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna jonqos b’0,2 punt perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2022. Fl-aħħar nett, il-bilanċ tal-gvern estiż fl-2023 huwa mistenni li jibbenefika mit-tneħħija gradwali tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19, li ġew stmati għal 0,7 % tal-PDG.

(19)

Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda li l-Polonja tieħu azzjoni biex fl-2023 tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika ġenerali newtrali (12), filwaqt li titqies it-tkomplija tal-appoġġ temporanju u mmirat għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-Polonja tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qiegħda tevolvi. Ġie wkoll irrakkomandat li l-Polonja tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni.

(20)

Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li tkun espansjonarja (– 0,8 % tal-PDG), fil-kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Din issegwi l-pożizzjoni fiskali espansjonarja fl-2022 (– 3,0 % tal-PDG). It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali ta’ dħul) fl-2023 huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,8 % tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi ż-żieda fil-kost tal-miżuri ta’ appoġġ immirati lejn l-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,1 % tal-PDG. Dan jinkludi wkoll il-kost aktar baxx tal-offerta ta’ protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (b’0,2 % tal-PDG). Għalhekk, il-kontribuzzjoni espansjonarja tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f’livell nazzjonali mhijiex dovuta għall-appoġġ immirat għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f’livell nazzjonali huwa xprunat minn miżuri tal-enerġija mhux immirati, infiq ogħla fuq id-difiża u s-saħħa kif ukoll żidiet permanenti fil-pagi u l-benefiċċji soċjali tas-settur pubbliku. Fil-qosor, it-tkabbir ipprojettat tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali mhux konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet taħt il-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pprojettata li tammonta għal 1,8 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,2 punt perċentwali (13). Għalhekk, il-Polonja qed tippjana li tiffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni, u mhijiex ipprojettata li tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Hija tippjana li tiffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, f’oqsma bħall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini, l-enerġija mir-riħ fuq l-art u lil hinn mill-kosta, il-ħżin tal-enerġija, il-modernizzazzjoni tal-grilji, il-ġenerazzjoni tal-idroġenu u l-mobbiltà sostenibbli, li huma ffinanzjati mill-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni.

(21)

Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 3,4 % tal-PDG fl-2024. It-tnaqqis fl-2024 jirrifletti prinċipalment l-irtirar tal-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-kriżi tal-enerġija. Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 52,4 % fi tmiem l-2024. Abbażi tal-miżuri politiċi magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 3,7 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa ogħla mid-defiċit ipprojettat fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2023, prinċipalment minħabba miżuri li għadhom ma ġewx speċifikati fil-Programm. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipprojetta proporzjon simili tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż, ta’ 53,0 % fi tmiem l-2024.

(22)

Il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023 jipprevedi t-tneħħija gradwali tal-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Il-Kummissjoni bħalissa tassumi kost nett tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ 0,3 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija. Jidher li bosta mill-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li bħalissa huma ppjanati li jibqgħu fis-seħħ fl-2024 mhumiex immirati lejn l-aktar entitajiet domestiċi vulnerabbli, u ma jżommux għal kollox is-sinjal tal-prezz biex tonqos id-domanda u titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

(23)

Ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 jitlob titjib annwali fil-bilanċ tal-baġit strutturali lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju b’0,5 % tal-PDG bħala punt ta’ riferiment (14). Meta jitqiesu konsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali u l-ħtieġa li d-defiċit jitnaqqas għal taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat, skont il-Kummissjoni jkun xieraq titjib fil-bilanċ strutturali ta’ mill-inqas 0,5 % tal-PDG għall-2024. Sabiex jiġi żgurat tali titjib, u skont il-metodoloġija tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa primarja netta ffinanzjata f’livell nazzjonali (15) fl-2024 jenħtieġ li ma jaqbiżx is-7,8 %, kif rifless f’din ir-rakkomandazzjoni. Fl-istess ħin, il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li jifdal (attwalment stmati mill-Kummissjoni għal 1,7 % tal-PDG fl-2023) jenħtieġ li jitneħħew gradwalment, jekk l-iżviluppi tas-suq tal-enerġija jippermettu li dan isir u l-ewwel għandhom ikunu l-miżuri l-inqas immirati, u l-iffrankar relatat jenħtieġ li jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, dan iwassal għal tkabbir fin-nefqa primarja netta aktar baxx mit-tkabbir massimu rrakkomandat għall-2024. Barra minn hekk, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 mhuwiex f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022. Jekk dan jiġi kkonfermat, ikun xieraq li jkun hemm inqas tkabbir fin-nefqa primarja netta fl-2024.

(24)

Jekk wieħed jassumi li l-politiki ma jinbidlux, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipprojetta li n-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment tikber b’5,6 % fl-2024, li huwa taħt ir-rata ta’ tkabbir rakkomandata. L-aġġustament ipprojettat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni huwa ftit inqas mill-iffrankar mit-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija, billi xi wħud mill-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija huma mbassra li jibqgħu fis-seħħ fl-2024.

(25)

Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023, l-investiment tal-Gvern mistenni jibqa’ stabbli f’4,2 % tal-PDG fl-2024, livell simili għal dak tal-2023. Il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023 jirreferi għal riformi u investimenti li huma mistennija jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fiskali u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Dawn jinkludu riformi tal-qafas fiskali, li huma wkoll parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(26)

Il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023 jiddeskrivi perkors fiskali fuq terminu medju sal-2026. Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023, huwa mistenni li d-defiċit tal-gvern estiż jonqos gradwalment għal 2,9 % tal-PDG fl-2025, u jibqa’ f’dak il-livell fl-2026. Għaldaqstant, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jinżel taħt it-3 % tal-PDG fl-2025. Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied minn 52,4 % fi tmiem l-2024 għal 55,4 % sa tmiem l-2026.

(27)

Għad hemm lok mhux ħażin fejn tista’ tiżdied l-effiċjenza tal-infiq pubbliku fuq il-benefiċċji soċjali. Il-benefiċċji soċjali għadhom fil-biċċa l-kbira mhux immirati u mingħajr ittestjar tal-mezzi fil-livell tal-unitajiet domestiċi. Immirar aħjar tal-benefiċċji jwassal għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi fil-ġlieda kontra l-faqar u għas-sostenn ta’ dawk l-aktar fil-bżonn.

(28)

Iż-żieda b’pass mgħaġġel fl-età tax-xjuħija toħloq sfidi għas-sistema tal-pensjonijiet Pollakka. Is-sistema tal-pensjonijiet eżistenti tassumi età tal-irtirar li ma tiżdiedx anki jekk il-medja tal-istennija tal-għomor u s-snin pensjonabbli qed ikomplu jiżdiedu. Is-sistema attwali tal-pensjoni kontributorja definita tagħmel is-sistema finanzjarjament ibbilanċjata iżda twassal għal tnaqqis qawwi fil-benefiċċji futuri tal-pensjoni fil-konfront tas-salarju finali. Dan ikun ifisser li sehem kbir tal-pensjonanti jkunu f’riskju ta’ faqar. L-analiżi tal-Kummissjoni turi li biex sempliċiment il-livell tal-benefiċċji jinżamm fil-livell attwali, sal-2070 il-Polonja jkollha bżonn tonfoq 6,7 % addizzjonali tal-PDG tagħha. Bidliet reċenti fis-sistema ġenerali tal-pensjonijiet u r-reġimi speċjali tal-pensjonijiet li jiswew ħafna għamlu n-nefqa tal-pensjonijiet aktar ġeneruża għall-pensjonanti kurrenti. Dan naqqas l-inċentivi biex wieħed jaħdem aktar mill-età tal-irtirar relattivament baxxa, li hija stabbilita għal 60 sena għan-nisa u 65 sena għall-irġiel, u żied il-pressjonijiet tal-infiq relatat mat-tixjiħ.

(29)

F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V għal dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Minħabba l-adozzjoni tard tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Polonja f’Ġunju 2022, kien hemm dewmien sinifikanti fl-adozzjoni tiegħu. It-tisħiħ tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati u r-rimedju tas-sitwazzjoni tal-imħallfin milquta mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema f’każijiet dixxiplinari u ta’ immunità ġudizzjarja huma prekundizzjoni biex il-Kummissjoni tħallas kwalunkwe pagament lill-pajjiż u tiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u b’hekk tippermetti implimentazzjoni rapida u kostanti tal-pjan. Il-Polonja bdiet timplimenta miżuri ewlenin fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, fosthom riformi fl-oqsma tal-qafas fiskali, il-kura tas-saħħa, it-tranżizzjoni diġitali, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u s-suq tax-xogħol. Għalkemm il-Polonja ma ppreżentatx uffiċjalment addenda għall-pjan u lanqas kapitolu tar-REPowerEU, għaddejjin diskussjonijiet mal-Kummissjoni. F’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2021/241, fil-31 ta’ Marzu 2023, il-Polonja esprimiet l-intenzjoni tagħha li titlob sa EUR 23 biljun ta’ appoġġ ta’ self addizzjonali bil-Faċilità. L-inklużjoni rapida tal-kapitolu l-ġdid ta’ REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se tippermetti li jiġu ffinanzjati riformi u investimenti addizzjonali b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi tal-Polonja fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku u effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra kif ukoll il-kwalità ġenerali tad-djalogu soċjali jibqgħu importanti biex tirnexxi l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn minn dak il-pjan, sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.

(30)

Il-Kummissjoni approvat id-dokumenti kollha tal-politika ta’ koeżjoni tal-Polonja fl-2022. It-tkomplija tal-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali u jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat fil-Polonja.

(31)

Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, il-Polonja qed tiffaċċa għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mal-klima tal-investiment, il-politika enerġetika u t-tranżizzjoni ekoloġika.

(32)

L-indipendenza, l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistema ġudizzjarja huma essenzjali biex l-ambjent tan-negozju jkun stabbli u prevedibbli kif ukoll biex il-klima tal-investiment tkun favorevoli. Dawn għandhom rwol importanti biex jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli fuq terminu minn medju sa twil. Il-klima tal-investiment fil-Polonja għadha mxekkla minn tħassib serju relatat mal-istat tad-dritt, inkluż nuqqasijiet li jaffettwaw l-indipendenza tal-ġudikatura, kif identifikat fid-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti tal-Ġustizzja”) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Barra minn hekk, fil-15 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni rreferiet lill-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal ksur tad-dritt tal-Unjoni mit-Tribunal Kostituzzjonali Pollakk u l-ġurisprudenza tiegħu, ksur li b’mod partikolari jikkontesta s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

(33)

It-taħlita tal-enerġija tal-Polonja hija ddominata ħafna mill-fjuwils fossili, meta fl-2021 il-faħam kien jammonta għal madwar 60 % tagħha u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli kienu jammontaw għal 13 % biss. Il-Polonja ilha ma timporta l-gass naturali mir-Russja minn April 2022 u ż-żejt minn Frar 2023. L-impatt fuq is-sigurtà tal-forniment tal-enerġija tal-pajjiż tnaqqas f’dawn l-aħħar snin mill-isforzi ta’ diversifikazzjoni. Il-Polonja qed tiddekarbonizza b’rata sostanzjalment aktar baxxa minn Stati Membri oħra. Il-Polonja għad għandha ambitu wiesa’ biex tindirizza l-ostakli regolatorji u amministrattivi biex taċċellera l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Iż-żieda fil-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli hija kruċjali għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija Pollakka u biex tinkiseb in-newtralità klimatika. Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tas-sorsi rinnovabbli, jeħtieġ li l-Polonja ttejjeb in-networks interni tagħha għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija kif ukoll dawk għall-ħżin tal-enerġija, u tirriforma l-ambjent regolatorju tagħha. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Polonja timplimenta miżuri biex tneħħi l-ostakli għall-proċess tal-għoti ta’ permessi għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiffukaw fuq: (i) l-aċċellerazzjoni tal-inklużjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-pjanijiet spazjali; (ii) l-istabbiliment ta’ żoni deżinjati għas-sorsi rinnovabbli; (iii) l-emendar tar-regoli dwar il-permessi għall-konnessjoni tal-grilja; u (iv) fuq l-immodernizzar ta’ networks ta’ distribuzzjoni li huma skaduti u ineffiċjenti. Hemm bżonn ta’ aktar riformi biex: (i) l-industrija tkun tista’ tibbenefika minn enerġija nadifa permezz ta’ kuntratti fit-tul għall-provvista u d-domanda tal-enerġija bħal ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija; (ii) jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-komunitajiet tal-enerġija; u (iii) tingħata promozzjoni lill-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin distrettwali.

(34)

Il-konsum tal-gass naturali tal-Polonja żdied bi 13 % fil-perjodu bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul l-istess perjodu fil-ħames snin preċedenti, kemxejn taħt il-mira ta’ tnaqqis ta’ 15 % stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 (16). Il-Polonja hija mħeġġa ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tnaqqas temporanjament id-domanda għall-gass sal-31 ta’ Marzu 2024 skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706 (17). Minkejja għadd ta’ miżuri fis-seħħ biex titrażżan id-domanda għall-enerġija, hemm bżonn li jsiru aktar sforzi biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, speċjalment għall-bini residenzjali u għas-sistemi ta’ tisħin distrettwali. Il-konsum finali tal-enerġija fil-Polonja kien ta’ 75,2 Mtoe fl-2021, u ilu jiżdied għal dawn l-aħħar għaxar snin. Aktar minn nofs id-domanda għall-enerġija tal-bini residenzjali għat-tisħin hija bħalissa alimentata mill-faħam, jew permezz ta’ użu dirett jew indirettament fit-tisħin distrettwali. Madankollu, il-bini residenzjali għadu fil-biċċa l-kbira ineffiċjenti fl-enerġija, u dan jikkontribwixxi għal ħtiġijiet ogħla ta’ investiment meta mqabbel ma’ Stati Membri oħra. Barra minn hekk, is-settur tat-tisħin distrettwali jeħtieġ riformi mmirati u investimenti akbar biex tiġi aċċellerata d-dekarbonizzazzjoni tiegħu, tiżdied l-effiċjenza tiegħu u tiġi ggarantita l-vijabbiltà finanzjarja fit-tul tiegħu.

(35)

Bejn l-2005 u l-2021, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport domestiku (minbarra l-avjazzjoni) fil-Polonja żdiedu bi 88,3 %, b’kuntrast qawwi mat-tnaqqis b’medja ta’ 7,5 % fl-Unjoni. Anki bil-miżuri addizzjonali inklużi fil-pjan għall-enerġija u l-klima tal-Polonja, sal-2030, huwa pprojettat li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn dak is-settur xorta jkunu 56 % ogħla milli fl-2005. Filwaqt li nibnu fuq ir-riformi u l-investimenti fil-pjan ta’ reżiljenza u rkupru tal-Polonja, hemm bżonn li jsir aktar sforz biex jiġu promossi meżżi sostenibbli tat-trasport pubbliku. L-elettrifikazzjoni tat-trasport domestiku jeħtieġ li timxi id f’id mad-dekarbonizzazzjoni tal-provvista tal-elettriku biex l-emissjonijiet settorjali jitnaqqsu b’mod effettiv.

(36)

In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż il-manifattura, l-użu u l-manutenzjoni tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti qed joħolqu ostakli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol. Biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol mhux sfruttata, dawk il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’mod partikolari għall-individwi u fis-setturi u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. Fil-Polonja, fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika, in-nuqqas ta’ ħaddiema f’setturi ewlenin żdied f’dawn l-aħħar snin, marbut ukoll ma’ nuqqas ta’ ħiliet rilevanti u joħloq restrizzjoni fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Fl-2022, in-nuqqas ta’ ħaddiema ġie rrapportat bħala fattur li jillimita l-produzzjoni fl-industrija (għal 63,4 % tad-ditti) u l-kostruzzjoni (għal 74,6 % tad-ditti).

(37)

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2023 u l-opinjoni tiegħu (18) hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1),

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Polonja tieħu azzjoni fl-2023 u l-2024 biex:

1.   

Tnaqqas gradwalment il-miżuri urġenti ta’ appoġġ fis-seħħ, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas d-defiċit tal-gvern, malajr kemm jista’ jkun fl-2023 u l-2024. Jekk iż-żidiet imġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ ġodda jew li jitkomplew, tiżgura li tali miżuri ta’ sostenn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija.

Tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment fl-2024 għal mhux aktar minn 7,8 % (19).

Tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet taħt il-Faċilità u ta’ fondi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.

Għall-perjodu lil hinn mill-2024, tkompli ssegwi strateġija fiskali fuq terminu medju ta’ konsolidazzjoni gradwali u sostenibbli, flimkien ma’ investimenti u riformi li jwasslu għal tkabbir sostenibbli ogħla, sabiex tinkiseb pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju.

Ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku, inkluż permezz ta’ mmirar aħjar tal-benefiċċji soċjali. Tiżgura l-adegwatezza tal-benefiċċji futuri tal-pensjonijiet u s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet billi tieħu miżuri biex tiżdied l-età effettiva tal-irtirar u tirriforma l-iskemi preferenzjali tal-pensjonijiet.

2.   

Tissodisfa b’urġenza l-istadji importanti u l-miri meħtieġa relatati mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni sabiex tippermetti implimentazzjoni rapida u kostanti tal-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza. Tiffinalizza malajr il-kapitolu REPowerEU bil-ħsieb li tibda b’mod rapidu l-implimentazzjoni tiegħu. Tkompli bl-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’komplementarjetà u sinerġija mill-qrib mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

3.   

Ittejjeb il-klima tal-investiment, inkluż billi tissalvagwardja l-indipendenza ġudizzjarja.

4.   

Taċċellera l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili u l-użu tal-enerġija rinnovabbli. Tirriforma l-qafas ġuridiku għall-permessi tal-konnessjoni mal-grilja u għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli inklużi l-komunitajiet tal-enerġija, il-bijometan, u l-idroġenu rinnovabbli. Timplimenta miżuri li jippromwovu l-iffrankar tal-enerġija u t-tnaqqis fid-domanda għall-gass. Iżżid l-investiment fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini u tiddekarbonizza l-provvista tas-sħana fit-tisħin distrettwali sabiex tindirizza l-faqar enerġetiku. Barra minn hekk tippromwovi mezzi ta’ trasport pubbliku sostenibbli. Iżżid l-isforzi ta’ politika mmirati lejn l-għoti u l-kisba ta’ ħiliet u kompetenzi meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż għar-rinnovazzjoni tal-bini.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

N. CALVIÑO SANTAMARÍA


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 2023 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C 180, 23.5.2023, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1).

(6)  ST 9728/2022 INIT; ST 9728/2022 ADD 1.

(7)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2021 tal-Polonja (ĠU C 304, 29.7.2021, p. 98).

(8)  Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji), bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 iżda li tinkludi n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni, meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju. Għal aktar dettalji ara l-Kaxxa 1 fit-Tabelli Statistiċi Fiskali.

(9)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata f’livell nazzjonali pprovdiet kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0.8 punt perċentwali tal-PDG, li ġeneralment tirrifletti l-appoġġ tal-gvern lill-istituzzjonijiet finanzjarji.

(10)  Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta’ dawn il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll – meta rilevanti – il-miżuri tan-nefqa kapitali.

(11)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 tal-Polonja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 tal-Polonja (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 171).

(12)  Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali tal-output fuq terminu medju (medja ta’ 10 snin) tal-Polonja, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat għal 15,5 % f’termini nominali.

(13)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata f’livell nazzjonali hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0.6 punt perċentwali tal-PDG, li tirrifletti l-effett tal-irtirar tal-appoġġ tal-gvern lill-istituzzjonijiet finanzjarji fl-2022.

(14)  L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 jirrikjedi wkoll aġġustament ta’ aktar minn 0,5 % tal-PDG għall-Istati Membri b’dejn tal-gvern li jaqbeż is-60 % tal-PDG, jew b’riskji aktar evidenti għas-sostenibbiltà tad-dejn.

(15)  In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u bl-esklużjoni tal-infiq fuq l-imgħax kif ukoll l-infiq ċikliku fuq il-qgħad.

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 tal-5 ta’ Awwissu 2022 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass (ĠU L 206, 8.8.2022, p. 1).

(17)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706 tat-30 ta’ Marzu 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2022/1369 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu tat-tnaqqis fid-domanda għall-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda tal-gass, u t-tisħiħ tar-rapportar u tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom (ĠU L 93, 31.3.2023, p. 1).

(18)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(19)  Li hija stmata li tikkorrispondi għal titjib annwali fil-bilanċ tal-baġit strutturali ta’ mill-inqas 0,5 % tal-PDG għall-2024, kif deskritt fil-premessa 23.