|
1.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 312/67 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-14 ta’ Lulju 2023
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Greċja u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Greċja
(2023/C 312/08)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ("il-Faċilità"), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, il-Faċilità tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u inklużiv u għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti sostenibbli u li jtejbu t-tkabbir, b'mod partikolari riformi u investimenti biex jippromwovu t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex jagħmlu l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru taħt il-Faċilità ġiet aġġornata fit-30 ta' Ġunju 2022, f'konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(2) |
Fit-22 ta' Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2023, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2023 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-23 ta' Marzu 2023, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2023, li huma ċċentrati madwar l-erba' dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fit-22 ta' Novembru 2022 l-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2023 fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li fih identifikat lill-Greċja bħala wieħed mill-Istati Membri li seta' jintlaqat, jew li seta' kien f'riskju li jintlaqat, minn żbilanċi, u li kien jeħtieġ rieżami fil-fond. Fl-istess jum il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju 2023 tal-Greċja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2023, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (4) ("Rakkomandazzjoni tal-2023 dwar iż-żona tal-euro") fis-16 ta' Mejju 2023 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fit-13 ta' Marzu 2023. |
|
(3) |
Filwaqt li l-ekonomiji tal-Unjoni qed juru reżiljenza notevoli, il-kuntest ġeopolitiku għad għandu impatt negattiv. Hekk kif l-Unjoni qed tappoġġa b'mod sod lill-Ukrajna, l-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni hija ffukata fuq it-tnaqqis tal-impatt negattiv tax-xokkijiet tal-enerġija kemm fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli kif ukoll fuq id-ditti fuq terminu qasir, u fuq iż-żamma tal-isforzi biex jitwettqu t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, tiġi salvagwardjata l-istabbiltà makroekonomika u tiżdied ir-reżiljenza fuq terminu medju. Hija tiffoka ħafna wkoll fuq iż-żieda fil-kompetittività u l-produttività tal-UE. |
|
(4) |
Fl-1 ta' Frar 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni bit-titolu "Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti" ("il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku"). L-għan tal-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku huwa li tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b'emissjonijiet żero netti tal-Unjoni u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Huwa jikkomplementa l-isforzi li għaddejjin bil-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-REPowerEU. Huwa għandu l-għan ukoll li jipprovdi ambjent li jappoġġa aktar iż-żieda fil-kapaċità tal-manifattura tal-Unjoni għat-teknoloġiji u l-prodotti b'emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-Unjoni, u biex jiġi żgurat aċċess għal materja prima kritika rilevanti, inkluż bid-diversifikazzjoni tal-akkwist, l-isfruttament kif xieraq tar-riżorsi ġeoloġiċi fl-Istati Membri u l-massimizzazzjoni tar-riċiklaġġ tal-materja prima. Il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku huwa bbażat fuq erba' pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, aċċess imħaffef għall-finanzjament, it-titjib tal-ħiliet, u kummerċ miftuħ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti. Fis-16 ta' Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni bit-titolu "Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030", strutturata fuq disa' xpruni li jsaħħu lil xulxin bl-għan li ssir ħidma lejn qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir. Hija tistabbilixxi prijoritajiet ta' politika mmirati biex jiżguraw b'mod attiv titjib strutturali, investiment iffukat tajjeb u miżuri regolatorji għall-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Ir-rakkomandazzjonijiet ta' hawn taħt jgħinu biex jiġu indirizzati dawk il-prijoritajiet. |
|
(5) |
Fl-2023, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f'konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020 u l-2022 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f'konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(6) |
Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) ("ir-Regolament REPowerEU"), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jipproċedi malajr bl-eliminazzjoni gradwali tad-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossili Russi. Dan ser jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Ir-Regolament REPowerEU jippermetti lill-Istati Membri jżidu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. Dawk ir-riformi u l-investimenti ser jgħinu wkoll biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b'emissjonijiet żero netti tal-Unjoni kif deskritt fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku u ser jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-enerġija maħruġa lill-Istati Membri fl-2022 u, fejn applikabbli, fl-2023. Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta' appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, li ssir disponibbli għall-Istati Membri sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ġodda relatati mal-enerġija skont il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza. |
|
(7) |
Fit-8 ta' Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-2024 ("il-komunikazzjoni tat-8 ta' Marzu 2023"). Hija għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta' stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri u b'hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika. Il-Kummissjoni fakkret li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir ser tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Hija appellat għal politiki fiskali fl-2023-2024 li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju u li jżidu t-tkabbir potenzjali b'mod sostenibbli u stiednet lill-Istati Membri biex jistabbilixxu fil-programmi ta' stabbiltà u konverġenza tagħhom tal-2023 kif il-pjanijiet fiskali tagħhom ser jiżguraw li l-valur ta' referenza tat-Trattat ta' 3 % tal-prodott domestiku gross (PDG) jiġi rispettat u jiżguraw tnaqqis plawżibbli u kontinwu tad-dejn, jew biex id-dejn jinżamm f'livelli prudenti fit-terminu medju. Il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment il-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija, u jibdew bil-miżuri l-anqas immirati. Hija indikat li, jekk ikun meħtieġ li l-miżuri ta' appoġġ jiġu estiżi minħabba pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija mġedda, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw aħjar tali miżuri lejn unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli. Il-Kummissjoni pproponiet li r-rakkomandazzjonijiet fiskali jkunu kwantifikati u differenzjati. Barra minn hekk, kif propost fil-komunikazzjoni tagħha tad-9 ta' Novembru 2022 dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali jiġu fformulati abbażi tan-nefqa primarja netta. Hija rrakkomandat li l-Istati Membri kollha jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari fid-dawl tal-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u tar-reżiljenza. Il-Kummissjoni indikat li ser tipproponi lill-Kunsill jiftaħ proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. |
|
(8) |
Fis-26 ta' April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta riforma komprensiva tar-regoli tal-governanza ekonomika tal-Unjoni. L-objettiv ċentrali tal-proposti huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u li jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta' riformi u investimenti. Fil-proposti tagħha, il-Kummissjoni għandha l-għan li ttejjeb is-sjieda nazzjonali, tissimplifika l-qafas u timxi lejn fokus akbar fuq terminu medju, flimkien ma' infurzar effettiv u aktar koerenti. Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2023 dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE, l-objettiv huwa li l-ħidma leġiżlattiva tiġi konkluża fl-2023. |
|
(9) |
Fis-27 ta' April 2021, il-Greċja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stabbiliti fl-Anness V għal dak ir-Regolament. Fit-13 ta' Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Greċja (6). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li l-Greċja tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura. |
|
(10) |
Fit-2 ta' Mejju 2023, il-Greċja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2023 tagħha u, fid-29 ta' April 2023, il-Programm ta' Stabbiltà 2023 tagħha, f'konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2023 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Greċja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha. |
|
(11) |
Fl-24 ta' Mejju 2023, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2023 għall-Greċja. Dan ivvaluta l-progress tal-Greċja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2022, u qies l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza min-naħa tal-Greċja. Abbażi ta' dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta' dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Ivvaluta wkoll il-progress tal-Greċja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(12) |
Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Greċja u ppubblikat ir-riżultati tagħha fl-24 ta' Mejju 2023. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Greċja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B'mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet relatati ma' dejn għoli tal-gvern u stokk għoli ta' self li ma jrendix fil-kuntest ta' qgħad għoli qed jonqsu, iżda l-pożizzjoni esterna tagħha marret għall-agħar. Tħassib ewlieni huwa li fl-2022 id-defiċit tal-kont kurrenti kiber b'mod sinifikanti, anke minħabba żieda f'daqqa tal-prezzijiet tal-enerġija fl-Unjoni kollha, minkejja l-irkupru fid-dħul mit-turiżmu. Għalkemm huwa mbassar li ser jonqos din is-sena u s-sena d-dieħla, id-defiċit estern mistenni jibqa' ferm ogħla mil-livell li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat titjib dejjiemi fil-pożizzjoni ta' investiment internazzjonali netta. Filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern għadha l-ogħla fl-Unjoni, din tjiebet b'mod sinifikanti fl-2022, l-aktar bis-saħħa ta' tkabbir nominali b'saħħtu tal-PDG, u mistenni li jonqos aktar fl-2023 u fl-2024. Is-sena li għaddiet is-self li ma jrendix irreġistra tnaqqis qawwi, li jibni fuq tnaqqis imdaqqas fis-snin preċedenti, iżda għadu għoli meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni, u għadu ta' piż fuq il-profittabbiltà u l-kapaċità ta' self tal-banek, li min-naħa tiegħu jaffettwa ż-żieda tal-kapital u t-tkabbir tal-produttività tal-ekonomija. Ir-rispons ta' politika kkontribwixxa għat-tnaqqis tal-iżbilanċi u l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tirrappreżenta opportunità kbira biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet strutturali li għad fadal. Madankollu, iridu jiżdiedu l-isforzi, b'mod partikolari biex jiġi żgurat li l-bilanċi esterni jitqiegħdu fuq perkors ta' titjib sod, u li s-self li ma jrendix ikompli jonqos inkluż permezz ta' żieda fl-effettività tal-infurzar tad-dejn u t-tisħiħ tas-suq sekondarju tas-self li ma jrendix. |
|
(13) |
Skont data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Greċja naqas minn 7,1 % tal-PDG fl-2021 għal 2,3 % fl-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 194,6 % tal-PDG fi tmiem l-2021 għal 171,3 % fi tmiem l-2022. |
|
(14) |
Il-bilanċ tal-gvern estiż intlaqat mill-miżuri ta' politika fiskali li ttieħdu biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2022, tali miżuri ta' politika fiskali li jżidu n-nefqa kienu jinkludu sussidji tal-elettriku lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji u żieda fil-benefiċċji soċjali għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli. Il-kost ta' dawk il-miżuri kienet parzjalment ikkumpensata minn taxxi ġodda fuq profitti mhux mistennija tal-produtturi u l-fornituri tal-enerġija, jiġifieri l-limitu tal-prezz fuq il-produtturi tal-elettriku u l-imposta straordinarja fuq il-produtturi tal-elettriku għall-perjodu minn Ottubru 2021 sa Ġunju 2022. L-istima tal-Kummissjoni għall-kost baġitarju nett ta' dawk il-miżuri hija ta' 2,5 % tal-PDG fl-2022. Fl-istess ħin, il-kost stmat tal-miżuri temporanji ta' emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 naqas għal 1,5 % tal-PDG fl-2022, minn 6,5 % fl-2021. |
|
(15) |
Fit-18 ta' Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 il-Greċja (7) tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali b'appoġġ għall-irkupru filwaqt li ssegwi politika fiskali prudenti. Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Greċja tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. |
|
(16) |
Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (8) fl-2022 kienet espansjonarja, fil-livell ta' -1,0 % tal-PDG. Kif irrakkomandat mill-Kunsill, il-Greċja kompliet tappoġġa l-irkupru b'investimenti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Faċilità. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet taħt il-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni ammontat għal 2,1 % tal-PDG fl-2022 (2,6 % tal-PDG fl-2021). It-tnaqqis fin-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet skont il-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni fl-2022 kien dovut għat-tneħħija gradwali tal-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti filwaqt li n-nefqa fuq l-investiment fil-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid għadha ma rpiljatx. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali pprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta' 0.6 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali (9). Għalhekk, il-Greċja żammet l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (nett minn miżuri ġodda ta' dħul) tat kontribuzzjoni espansjonarja ta' 0,6 ta' punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali. Dik il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti kienet tinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri tal-politika fiskali li ttieħdu biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (kost baġitarju nett addizzjonali ta' 2 % tal-PDG). Għalhekk, il-Greċja llimitat it-tkabbir fin-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali b'mod suffiċjenti. |
|
(17) |
Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2023 huwa konformi mat-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għall-2023 u aktar favorevoli minn hemm 'il quddiem. Il-Gvern jipprojetta li l-PDG reali jikber bi 2,3 % fl-2023 u bi 3 % fl-2024. B'paragun ma' dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipprojetta tkabbir tal-PDG reali ogħla ta' 2,4 % fl-2023 u 1,9 % inqas fl-2024, prinċipalment minħabba differenzi fis-suppożizzjonijiet dwar l-attività ta' investiment u l-kontribuzzjonijiet mis-settur estern. Il-Programm ta' Stabbiltà tal-2023 ibassar kontribuzzjonijiet ogħla mill-formazzjoni grossa tal-kapital fiss, speċjalment fl-2024, u l-Kummissjoni tistenna li l-importazzjoni tal-oġġetti tibqa' ogħla milli fil-projezzjonijiet tal-awtoritajiet. |
|
(18) |
Fil-Programm ta' Stabbiltà 2023 tiegħu, il-Gvern jistenna li fl-2023 id-dejn tal-gvern estiż jonqos għal 1,8 % tal-PDG. It-tnaqqis fl-2023 jirrifletti prinċipalment it-tneħħija gradwali tal-miżuri fiskali relatati mal-pandemija u t-tnaqqis tal-kost tal-miżuri relatati mal-enerġija kif ukoll iż-żieda fid-dħul minħabba t-tkabbir ekonomiku. Skont il-Programm ta' Stabbiltà tal-2023, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż mistenni li jonqos minn 171,3 % fi tmiem l-2022 għal 162,6 % fi tmiem l-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 1,3 % tal-PDG għall-2023. Dan huwa aktar baxx mid-defiċit previst fil-Programm ta' Stabbiltà 2023, prinċipalment minħabba evoluzzjoni aktar favorevoli tal-bażijiet tat-taxxa xprunata mis-suppożizzjonijiet makroekonomiċi, inkluż il-kompożizzjoni tat-tkabbir u l-infiq aktar baxx tal-baġit soċjali f'konformità mas-sottoinfiq sistematiku osservat fis-snin li għaddew. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipprojetta proporzjon simili tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta' 160,2 % fi tmiem l-2023. Id-differenza hija prinċipalment minħabba tkabbir nominali ogħla tal-PDG u, sa ċertu punt, defiċit aktar baxx tal-gvern estiż kif imbassar mill-Kummissjoni. |
|
(19) |
Il-bilanċ tal-gvern estiż fl-2023 mistenni jkompli jiġi affettwat mill-miżuri fiskali li ttieħdu biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn jikkonsistu f'miżuri estiżi mill-2022, b'mod partikolari s-sussidji tal-elettriku lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji. Il-kost ta' dawk il-miżuri għadu parzjalment ikkumpensat mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija, jiġifieri l-limitu massimu tal-prezz fuq il-produtturi tal-elettriku u l-kontribuzzjoni ta' solidarjetà tar-raffineriji. Meta jitqies dak id-dħul, fl-2023 il-kost baġitarju nett tal-miżuri ta' appoġġ fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni huwa projettat li tkun ta' 0,2 % tal-PDG (10). Jidher li bosta mill-miżuri tal-2023 mhumiex immirati lejn l-aktar entitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli, u ma jħarsux bis-sħiħ is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda u tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. B'riżultat ta' dan, l-ammont ta' miżuri ta' appoġġ immirati, li għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tal-konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022 (11), huwa stmat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 0,1 % tal-PDG fl-2023 (meta mqabbel ma' 0,5 % tal-PDG fl-2022). Fl-aħħar nett, il-bilanċ tal-gvern estiż fl-2023 mistenni jibbenefika mit-tneħħija gradwali tal-miżuri temporanji ta' emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19, li ġew stmati għal 1,5 % tal-PDG. |
|
(20) |
Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda li l-Greċja tiżgura li fl-2023 tiżgura politika fiskali prudenti, b'mod partikolari billi tillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali għal taħt it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju (12), filwaqt li tqis li l-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli u l-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna jibqgħu jingħataw appoġġ temporanju u mmirat għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-istess ħin, il-Greċja għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Greċja ġiet irrakkomandata wkoll li tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. |
|
(21) |
Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li tkun fil-biċċa l-kbira newtrali (– 0,2 % tal-PDG), fil-kuntest ta' inflazzjoni għolja. Dan isegwi pożizzjoni fiskali espansjonarja fl-2022 (– 1,0 % tal-PDG). It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri ta' dħul diskrezzjonali) fl-2023 huwa pprojettat li jipprovdi kontribut espansiv ta' 0,3 % tal-GDP għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Għalhekk, it-tkabbir ipprojettat tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali huwa konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022. Fis-sustanza, il-kontribuzzjoni restrittiva pprojettata tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali hija dovuta mitt-tnaqqis fil-kostijiet tal-miżuri ta' appoġġ (immirati u mhux immirati) tal-unitajiet domestiċi u tad-ditti b'reazzjoni għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija (bi 2,3 % tal-PDG). Iż-żieda fl-infiq soċjali hija l-mutur ewlieni tat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (netta minn miżuri ġodda ta' dħul). In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet taħt il-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni kienet tammonta għal 2,5 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali pprovda kontribuzzjoni newtrali għall-pożizzjoni fiskali ta' 0.0 punti perċentwali (13). Għalhekk, il-Greċja qed tippjana li tiffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni, u hija pprojettata li tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Hija tippjana li tiffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-installazzjoni ta' 8 000 punt tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għall-vetturi elettriċi f'postijiet urbani u suburbani ewlenin, id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u t-titjib tal-interkonnessjoni tal-elettriku tal-gżejjer. |
|
(22) |
Skont il-Programm ta' Stabbiltà 2023, fl-2024 id-defiċit tal-gvern estiż mistenni jonqos għal 0,8 % tal-PDG. It-tnaqqis fl-2024 jirrifletti prinċipalment it-tneħħija gradwali tal-miżuri tal-enerġija u miżuri oħra li fadal u ż-żieda fid-dħul bis-saħħa ta' tkabbir ekonomiku solidu. Skont il-Programm ta' Stabbiltà tal-2023, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 150,8 % fi tmiem l-2024. Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 0,6 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa aktar baxx mid-defiċit ipprojettat fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2023, prinċipalment minħabba s-suppożizzjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit soċjali, b'mod partikolari l-infiq aktar baxx fuq il-benefiċċji soċjali u fuq il-pensjonijiet. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipprojetta proporzjon ogħla tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta' 154,5 % fi tmiem l-2024. |
|
(23) |
Il-Programm ta' Stabbiltà tal-2023 jipprevedi t-tneħħija gradwali tal-miżuri kollha ta' appoġġ għall-enerġija fl-2024. Il-Kummissjoni tassumi wkoll it-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta' appoġġ għall-enerġija fl-2024. Dan huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija. |
|
(24) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 jitlob titjib annwali fil-bilanċ tal-baġit strutturali lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju b'0,5 % tal-PDG bħala punt ta' riferiment (14). Meta jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet tas-sostenibbiltà fiskali, titjib fil-bilanċ strutturali ta' mill-inqas 0,3 % tal-PDG għall-2024 ikun f'loku, skont il-Kummissjoni. Sabiex jiġi żgurat tali titjib, u f'konformità mal-metodoloġija tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (15) fl-2024 jenħtieġ li ma jaqbiżx l-2,6 %, kif rifless f'din ir-Rakkomandazzjoni. Dan ser jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-pożizzjoni esterna. Fl-istess ħin, il-miżuri ta' appoġġ għall-enerġija li jifdal (attwalment stmati mill-Kummissjoni għal 0,2 % tal-PDG fl-2023) jenħtieġ li jitneħħew gradwalment, jekk l-iżviluppi tas-suq tal-enerġija jippermettu li dan isir u l-ewwel għandhom ikunu l-miżuri l-inqas immirati, u l-iffrankar relatat jenħtieġ li jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. |
|
(25) |
Jekk wieħed jassumi li l-politiki ma jinbidlux, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipprojetta li fl-2024 in-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment tiżdied għal 0,7 %, li hija anqas mir-rata ta' tkabbir rakkomandata. L-aġġustament ipprojettat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni huwa aktar mill-iffrankar mit-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta' appoġġ għall-enerġija. |
|
(26) |
Skont il-Programm ta' Stabbiltà tal-2023, l-investiment tal-gvern mistenni jiżdied minn 4,8 % tal-PDG fl-2023 għal 5,4 % tal-PDG fl-2024. Il-livell ogħla ta' investiment jirrifletti investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kemxejn aktar baxx u investiment ogħla ffinanzjat mill-Unjoni, jiġifieri permezz tal-Faċilità. Il-Programm ta' Stabbiltà tal-2023 jirreferi għal riformi u investimenti li huma mistennija jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fiskali u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Dawk ir-riformi u l-investimenti jinkludu investimenti b'valur miżjud għoli u riformi strutturali lejn it-tranżizzjoni ekoloġika, dik diġitali u dik tal-enerġija, li huma wkoll parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. |
|
(27) |
Il-Programm ta' Stabbiltà tal-2023 jiddeskrivi perkors fiskali fuq terminu medju sal-2026. Skont il-Programm ta' Stabbiltà tal-2023, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 0,5 % tal-PDG fl-2025 u għal 0,1 % sal-2026. Għalhekk, huwa ppjanat li d-defiċit tal-gvern estiż jibqa' taħt it-3 % tal-PDG sakemm idum il-Programm. Skont il-Programm ta' Stabbiltà tal-2023, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż mistenni li jonqos minn 150,8 % fi tmiem l-2024 għal 135,2 % sa tmiem l-2026. |
|
(28) |
Filwaqt li jibnu fuq l-aħjar prattiki u r-riformi mwettqa bħala parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-modifiki fil-qafas tal-politika tat-taxxa tal-Greċja jistgħu jgħinu biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fl-investiment. B'mod aktar speċifiku, l-introduzzjoni ta' sistema usa' ta' deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ssaħħaħ iċ-ċertezza legali għall-investituri u ssaħħaħ l-isforzi kontinwi biex tiġi ssimplifikata s-sistema tat-taxxa. Rieżami tas-sistema tat-taxxa jista' jgħin ukoll biex għall-espansjoni tal-bażi tat-taxxa għal dawk li jaħdmu għal rashom u biex jiġi appoġġat l-investiment. Il-konformità mat-taxxa tista' tittejjeb permezz tal-estensjoni tal-applikazzjoni tal-pagamenti elettroniċi u billi l-informazzjoni li toriġina minn pagamenti elettroniċi tintuża aktar, meta titqies b'mod partikolari l-evidenza reċenti ta' disparità li qed tiżdied bejn id-dħul baxx iddikjarat u l-fatturat ta' dawk li jaħdmu għal rashom, li jidher li qed jiżdied b'rata mgħaġġla. Dan jista' jsir, b'mod partikolari, billi jsir użu aħjar tal-informazzjoni li toriġina minn pagamenti elettroniċi għal professjonijiet fil-mira. It-trasformazzjoni diġitali li għaddejja tal-Awtorità Indipendenti għad-Dħul Pubbliku mistennija tikkontribwixxi għal dak l-objettiv. Madankollu, huwa essenzjali li l-awtonomija operazzjonali tal-awtorità li timmaniġġa u tiżviluppa r-riżorsi umani u l-infrastruttura tal-IT tagħha tissaħħaħ aktar minħabba l-isfidi li hemm bħalissa għas-sistemi tat-taxxa madwar id-dinja. |
|
(29) |
Il-Greċja kompliet tieħu passi biex timmodernizza l-amministrazzjoni pubblika tagħha, iżda l-prestazzjoni ġenerali tagħha għadha relattivament batuta. Wara l-aġġustament sinifikanti li sar wara l-2010, id-daqs u l-kost tal-amministrazzjoni pubblika ġew allinjati b'mod ġenerali mal-medja tal-Unjoni. Fl-2022 il-kont tal-pagi tal-Greċja baqa' stabbli u laħaq l-10,8 % tal-PDG, kemxejn ogħla mill-medja tal-Unjoni (10,2 % tal-PDG). Biex dawk il-gwadanji jitħarsu ser ikun kruċjali li tiġi żgurata l-applikazzjoni kontinwa tal-grilja tal-pagi unifikata, filwaqt li l-livell tal-persunal ta' bħalissa jinżamm l-istess billi tibqa' tiġi applikata r-regola ta' reklutaġġ one-in-one-out fir-rigward tal-persunal permanenti u tal-limitu massimu tal-persunal temporanju li ġiet introdotta fl-2022. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza fih miżuri li jtejbu l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika, b'enfasi partikolari fuq it-titjib tas-servizzi diġitali tagħhom. Fl-istess ħin għadu diffiċli li jinġibed u jinżamm persunal ta' kalibru għoli. Dan jista' jiġi indirizzat b'mod strutturali permezz ta' grilji tal-pagi speċjali/supplimentari għal funzjonijiet jew korpi speċifiċi kif ukoll sistema definita sew ta' allowances introdotta bħala parti integrali mis-sistema l-ġdida ta' ġestjoni tar-riżorsi umani, filwaqt li jitħarsu l-integrità tal-grilja tal-pagi unifikata u d-daqs globali tal-kont tal-pagi. |
|
(30) |
F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V għal dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Sa issa l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Greċja għaddejja tajjeb. Fil-ġejjieni ser ikun importanti li jinżamm il-momentum tal-implimentazzjoni. Il-Greċja ppreżentat tliet talbiet għal pagament (16) għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u żewġ talbiet għal pagament għal appoġġ ta' self, li jikkorrispondu għal 85 stadju importanti u mira fil-pjan. Sal-lum, il-Greċja rċeviet żborż globali ta' EUR 7 126 miljun (17). F'konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2021/241, fid-29 ta' Marzu 2023, il-Greċja esprimiet l-intenzjoni tagħha li titlob EUR 5 000 miljun f'appoġġ ta' self addizzjonali mill-Faċilità. Il-Greċja bdiet timplimenta l-pjan tagħha sew u stabbiliet sistema ta' ġestjoni u kontroll biex timmonitorja u tikkoordina t-tlestija f'waqtha tar-riformi u l-investimenti. Fil-futur ser ikun importanti li dawk l-isforzi jinżammu u jissaħħu meta jitqies l-għadd sinifikanti ta' riformi u investimenti li huma ppjanati li jiġu implimentati, b'mod partikolari billi t-tlestija ta' għadd minn dawk ir-riformi u investimenti ser tirrikjedi progress f'waqtu b'diversi passi preparatorji, inkluż proċeduri ta' akkwist pubbliku. L-implimentazzjoni kontinwa tal-pjan tiddependi fuq il-kapaċità amministrattiva u ta' implimentazzjoni tal-korpi ta' implimentazzjoni assenjati, inkluż l-amministrazzjoni reġjonali u lokali. L-inklużjoni rapida tal-kapitolu REPowerEU l-ġdid fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ser tippermetti li jiġu ffinanzjati riformi u investimenti addizzjonali b'appoġġ għall-objettivi strateġiċi tal-Greċja fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku u effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' importanti għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta' politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn minn dak il-pjan, sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta' politika ġenerali. |
|
(31) |
Il-Kummissjoni approvat id-dokumenti kollha ta' programmazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tal-Greċja fl-2022. L-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni li ssir f'komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali, u jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat fil-Greċja. |
|
(32) |
Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni, il-Greċja qed tiffaċċa għadd ta' sfidi addizzjonali relatati mal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, mal-immappjar katastali, mal-politika tal-enerġija u mat-tranżizzjoni ekoloġika. |
|
(33) |
L-infiq fuq il-kura tas-saħħa pubblika huwa taħt il-medja tal-Unjoni filwaqt li fil-Greċja l-ħlasijiet tal-pazjenti minn buthom huma t-tieni l-ogħla fl-Unjoni bħala sehem mill-PDG. Is-sistema tal-kura tas-saħħa għadha ċċentrata fuq l-isptar, bl-infiq fuq il-kura kurattiva ffukat fuq id-dħul fl-isptar. Barra minn hekk, il-Greċja tikklassifika l-ewwel fost l-Istati Membri kollha b'rabta mal-infiq pubbliku fuq il-mediċini bħala sehem mill-PDG. In-nefqa pubblika fuq il-kura fit-tul u dik preventiva hija ferm inqas mill-medja tal-Unjoni, u ma hemm l-ebda strateġija nazzjonali komprensiva fis-seħħ għall-kura fit-tul. Biex tindirizza dan, il-Greċja qed timplimenta sistema tal-kura tas-saħħa primarja li għadha kif ġiet adottata, li tnaqqas id-dipendenza fuq il-kura fl-isptar u żżid l-effiċjenza tal-aċċess għall-prodotti u s-servizzi tal-kura tas-saħħa. It-tnedija sħiħa tar-riforma tal-kura tas-saħħa primarja hija mxekkla min-nuqqas ta' tobba tal-familja. L-għadd ta' tobba tal-familja mhuwiex biżżejjed biex ikopri l-popolazzjoni kollha. Ser tkun meħtieġa kopertura suffiċjenti għall-introduzzjoni sħiħa ta' sistema bbażata effettiva u komprensiva ta' kontroll tal-aċċess li ser tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2023. Għal dan il-għan, biex jiġi żgurat aċċess adegwat u ugwali għall-popolazzjoni ser ikun kruċjali li jingħataw inċentivi aktar b'saħħithom biex l-għadd tat-tobba tal-familja jikber b'mod li l-popolazzjoni kollha tkun koperta u rreġistrata. |
|
(34) |
It-tlestija tal-katast nazzjonali — proġett li ilu għaddej — ser tkompli ttejjeb il-klima kummerċjali tal-Greċja. Sal-aħħar ta' Mejju 2023 kien tlesta 72 % tal-immappjar katastali u 25 % oħra tad-drittijiet tal-proprjetà nġabru u qed jiġu pproċessati bħalissa. L-ipproċessar tad-drittijiet miġbura mistenni jitlesta sa tmiem l-2023, li jiffinalizza l-katast sal-aħħar tas-sena. Fir-rigward tat-tranżizzjoni għall-aġenzija l-ġdida "Il-Katast Elleniku", infetħu 12-il uffiċċju katastali u 49 fergħa li qegħdin joperaw. L-Aġenzija Ellenika tal-Katast qed tippjana li tiddiġitalizza totalment is-servizzi liċ-ċittadini u l-Faċilità tipprovdi appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tar-reġistrazzjonijiet u l-atti kollha tad-drittijiet tal-proprjetà li bħalissa huma f'forma stampata. |
|
(35) |
Minkejja l-isforzi li saru mill-Greċja wkoll fil-kuntest tal-kriżi tal-enerġija, il-Greċja għadha dipendenti ħafna fuq il-fjuwils fossili u fl-2021 iż-żejt u l-gass kienu jammontaw għal 52 % u 24 % rispettivament tat-taħlita tal-enerġija tagħha. Jistgħu jiġu segwiti aktar għadd ta' miżuri li jibnu u jmorru lil hinn mill-investimenti u r-riformi li huma parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Greċja biex jiġu aċċellerati l-isforzi tad-dekarbonizzazzjoni. Il-Greċja tista' taċċellera l-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli billi tistabbilixxi u tikkompleta l-oqfsa legali biex tippromwovi l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-idroġenu rinnovabbli u tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jitħaffef l-iżvilupp ta' qafas leġiżlattiv u regolatorju għall-bijometan u l-potenzjal sostenibbli disponibbli tal-bijometan jinbidel f'kapaċità ta' produzzjoni attwali biex tikkumpensa għall-importazzjoni tal-gass naturali. |
|
(36) |
Issa li għadd akbar ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli qed jiġu integrati, huwa essenzjali li jsiru aktar investimenti biex tiġi estiża l-kapaċità tal-ħżin u tan-network għall-ħarsien tal-bilanċ tal-grilja elettrika. Skemi komuni ta' remunerazzjoni u l-promozzjoni ta' sistemi ta' wara l-arloġġ jistgħu jkunu għodod importanti għall-promozzjoni tal-espansjoni f'waqtha u vijabbli tal-kapaċità ta' ħżin. Sabiex tiġi evitata l-ħtieġa ta' tnaqqis fl-enerġija rinnovabbli, jistgħu jiġu żviluppati interkonnessjonijiet addizzjonali tal-elettriku ma' pajjiżi ġirien. Fir-rigward tal-użu ulterjuri ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, ser ikun importanti li l-qafas legali l-ġdid adottat fl-2022 jiġi infurzat bis-sħiħ, li jissimplifika u jaċċellera l-proċess ta' liċenzjar għal proġetti rinnovabbli u ta' ħżin. Barra minn hekk, il-promozzjoni ta' skemi ta' awtokonsum, inkluż l-espansjoni tal-appoġġ għall-installazzjoni ta' sistemi fotovoltajċi solari bil-batteriji, u l-komunitajiet tal-enerġija tista' tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-aċċettabbiltà soċjali tal-użu tal-enerġija rinnovabbli. |
|
(37) |
Il-Greċja tista' wkoll tespandi l-ambitu u l-ambizzjoni tal-miżuri eżistenti għall-iffrankar tal-enerġija u tnaqqas il-livell għoli ta' faqar enerġetiku. Il-konsum tal-gass naturali tal-Greċja naqas bi 22 % fil-perjodu bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul l-istess perjodu fil-ħames snin preċedenti, aktar mill-mira ta' tnaqqis ta' 15 % stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 (18). Il-Greċja hija mħeġġa tkompli bl-isforzi tagħha biex tnaqqas temporanjament id-domanda għall-gass sal-31 ta' Marzu 2024 skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706 (19). |
|
(38) |
L-introduzzjoni ta' strumenti finanzjarji ġodda, bħal irkanti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, tista' timmira b'mod aktar effiċjenti l-kopertura ta' programmi eżistenti ta' appoġġ għar-rinnovazzjoni lejn unitajiet domestiċi foqra fl-enerġija. Is-sehem tal-Greċja ta' arloġġi intelliġenti huwa ferm aktar baxx mill-medja tal-Unjoni (3 % meta mqabbel ma' 54 %, ċifri tal-2021) u jista' jiżdied billi jippermetti lill-konsumaturi jipparteċipaw b'mod attiv fis-suq u jappoġġaw ir-rispons min-naħa tad-domanda. Barra minn hekk, setturi speċifiċi, bħat-trasport u l-ilma, għandhom ambitu konsiderevoli għall-iffrankar tal-enerġija, billi għadhom jiddependu ħafna fuq iż-żejt. |
|
(39) |
In-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż il-manifattura, l-introduzzjoni u l-manutenzjoni ta' teknoloġiji b'emissjonijiet żero netti, qed joħolqu ostakli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet żero netti. Sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta' ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol. Biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol mhux sfruttata, dawk il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b'mod partikolari għall-individwi u fis-setturi u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. Fil-Greċja, in-nuqqas ta' ħiliet ekoloġiċi bħalissa huwa l-aktar evidenti fis-settur tal-kostruzzjoni, li huwa rilevanti ħafna għat-tranżizzjoni ekoloġika, u għal okkupazzjonijiet tekniċi. Fl-aħħar nett, għad hemm lok għal aktar azzjoni biex tiżdied l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u tan-nisa. Iż-żieda fil-kapaċitajiet amministrattivi tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi filwaqt li tespandi l-użu tal-approċċ individwalizzat għal dawk li qed ifittxu impjieg, għandha l-potenzjal li tagħti spinta lill-eżiti tal-impjiegi għal dawk il-gruppi u tappoġġa tranżizzjoni ġusta u bla xkiel. |
|
(40) |
Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà tal-2023 u l-opinjoni (20) tiegħu hija riflessa fir-rakkomandazzjoni (1). |
|
(41) |
Minħabba l-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex (i) jippreservaw is-sostenibbiltà tad-dejn u joqogħdu lura minn appoġġ wiesa' għad-domanda aggregata fl-2023, jimmiraw aħjar il-miżuri fiskali meħuda biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u jirriflettu dwar modi xierqa biex jitnaqqas l-appoġġ hekk kif jonqsu l-pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija; (ii) isostnu livell għoli ta' investiment pubbliku u jippromwovu l-investimenti privati biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali; (iii) jappoġġaw l-iżviluppi fil-pagi li jtaffu t-telf fil-kapaċità tal-akkwist filwaqt li jillimitaw l-effetti sekondarji fuq l-inflazzjoni, ikomplu jtejbu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u jindirizzaw in-nuqqas ta' ħiliet; (iv) itejbu l-ambjent tan-negozju u jiżguraw li l-appoġġ għall-enerġija lill-kumpaniji jkun kosteffettiv, temporanju u mmirat lejn ditti vijabbli u li jżomm l-inċentivi għat-tranżizzjoni ekoloġika; u (v) jippreservaw l-istabbiltà makrofinanzjarja u jimmonitorjaw ir-riskji filwaqt li jkomplu jaħdmu fuq it-tlestija tal-unjoni bankarja. Għall-Greċja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba' u l-ħames rakkomandazzjoni mogħtija fir-Rakkomandazzjoni tal-2023 dwar iż-żona tal-euro. |
|
(42) |
Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u tal-valutazzjoni tagħha, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2023 u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2023. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (1). Il-politiki msemmija fir-Rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mad-dejn tal-gvern, il-pożizzjoni esterna u s-self li ma jrendix. Ir-Rakkomandazzjoni (2) tikkontribwixxi għall-indirizzar tar-Rakkomandazzjoni (1). Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jikkontribwixxu kemm għall-indirizzar tal-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-Rakkomandazzjonijiet tal-2023 dwar iż-żona tal-euro, f'konformità mal-premessa 41, |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2023 u fl-2024 il-Greċja tieħu azzjoni biex:
1.
Tnaqqas gradwalment il-miżuri urġenti ta' appoġġ għall-enerġija fis-seħħ, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern kemm jista' jkun malajr fl-2023 u l-2024. Jekk iż-żidiet imġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ta' appoġġ ġodda jew li jitkomplew, tiżgura li tali miżuri ta' sostenn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija.Tiżgura politika fiskali prudenti, b'mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2024 għal mhux aktar minn 2,6 % (21).
Tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet taħt il-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.
Għall-perjodu lil hinn mill-2024, tkompli ssegwi strateġija fiskali ta' konsolidazzjoni gradwali u sostenibbli fuq terminu medju, flimkien ma' investimenti u riformi li jwasslu għal tkabbir sostenibbli ogħla, sabiex tikseb pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju.
Filwaqt li tibni fuq ir-riformi mwettqa bħala parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, ittejjeb il-faċilità tal-investiment tas-sistema tat-tassazzjoni billi tintroduċi sistema usa' dwar deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, tkabbar il-bażi tat-taxxa, inkluż billi tirrevedi l-istruttura attwali tat-tassazzjoni għal dawk li jaħdmu għal rashom, u ssaħħaħ il-konformità mar-regoli tat-taxxa billi testendi l-użu tal-pagamenti elettroniċi. Tippreserva u żżid l-awtonomija operattiva tal-awtorità tat-taxxa. Tissalvagwardja l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika filwaqt li tiżgura li din tkun tista' tattira l-ħiliet it-tajba u tippreserva l-konsistenza mal-grilja tal-pagi unifikata. Tibqa' ssegwi t-tnaqqis attwali tas-self improduttiv u tkompli ttejjeb il-funzjonament tas-suq sekondarju tas-self improduttiv.
2.
Iżżomm il-momentum fl-implimentazzjoni kostanti tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha u jiġi ffinalizzat malajr il-kapitolu REPowerEU bil-ħsieb li l-implimentazzjoni tiegħu tibda malajr. Tiżgura li jibqa' jkun hemm biżżejjed kapaċità amministrattiva minħabba d-daqs tal-pjan. Tkompli l-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, f'komplementarjetà u sinerġija mill-qrib mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
3.
Biex jiġi żgurat aċċess adegwat u ugwali għall-kura tas-saħħa, tiffinalizza l-introduzzjoni tal-qafas tal-kura tas-saħħa primarja u tadotta inċentivi aktar b'saħħithom għar-reġistrazzjoni ta' għadd adegwat ta' tobba tal-familja sabiex tikseb kopertura tal-popolazzjoni sħiħa u reġistrazzjoni tal-popolazzjoni. Tiffinalizza r-riforma tal-katast billi tlesti l-immappjar katastali u permezz tal-istabbiliment u l-operat tal-Aġenzija Ellenika tal-Katast.
4.
Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u tiġi aċċellerata aktar id-diversifikazzjoni tar-rotot tal-provvista tal-enerġija. Tkompli tespandi l-użu tal-enerġija rinnovabbli billi tlesti u ssaħħaħ l-oqfsa legali l-ġodda tal-proċess ta' liċenzjar ta' installazzjonijiet ta' parks eoliċi lil hinn mill-kosta, iżżid in-network tal-elettriku u l-kapaċità tal-ħżin, tippromwovi l-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli u tistabbilixxi oqfsa leġiżlattivi għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli u għall-bijometan. Iżżid it-twettiq ta' miżuri li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, inkluż miżuri mmirati għal unitajiet domestiċi f'faqar enerġetiku u l-installazzjoni ta' arloġġi intelliġenti, u sforzi ta' politika mmirati lejn il-provvista u l-akkwist ta' ħiliet u kompetenzi meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika. Tappoġġa d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, b'mod partikolari billi tippromwovi l-vetturi elettriċi.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
N. CALVIÑO SANTAMARÍA
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(4) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Mejju 2023 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C 180, 23.5.2023, p. 1).
(5) Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1).
(6) ST 10152/2021 INIT; ST 10152/2021 ADD 1.
(7) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2021 tal-Greċja (ĠU C 304, 29.7.2021, p. 33).
(8) Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta' dħul diskrezzjonarji), bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta' emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 iżda li tinkludi n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni, meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju. Għal aktar dettalji ara l-Kaxxa 1 fit-Tabelli Statistiċi Fiskali.
(9) Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment tat kontribuzzjoni newtrali ta' 0,0 punt perċentwali tal-PDG.
(10) Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll — fejn rilevanti — il-miżuri tan-nefqa kapitali.
(11) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Greċja tal-2022 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Greċja tal-2022 (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 60).
(12) Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni fuq terminu medju (medja ta' 10 snin) tal-Greċja huwa stmat f'livell ta' 4,8 % f'termini nominali.
(13) Nefqa kapitali oħra ffinanzjata fil-livell nazzjonali hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta' 0,1 punt perċentwali tal-PDG.
(14) L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 jirrikjedi wkoll aġġustament ta' aktar minn 0.5 % tal-PDG għall-Istati Membri b'dejn tal-gvern li jaqbeż is-60 % tal-PDG, jew b'riskji aktar evidenti għas-sostenibbiltà tad-dejn.
(15) In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn miżuri ta' dħul diskrezzjonarji u bl-esklużjoni tal-infiq fuq l-imgħax kif ukoll l-infiq ċikliku fuq il-qgħad.
(16) Il-Greċja ppreżentat it-tielet talba tagħha għal pagament għal għotjiet fis-16 ta' Mejju 2023 u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni għadha għaddejja.
(17) Fir-rigward tal-għotjiet, l-ammont żborżat għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli (minbarra l-prefinanzjament) huwa ta' EUR 3 436 miljun u l-ammont żborżat għall-appoġġ fil-forma ta' self (minbarra l-prefinanzjament) huwa ta' EUR 3 690 miljun.
(18) Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 tal-5 ta' Awwissu 2022 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass (ĠU L 206, 8.8.2022, p. 1).
(19) Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706 tat-30 ta' Marzu 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2022/1369 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu tat-tnaqqis fid-domanda għall-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda tal-gass, u t-tisħiħ tar-rapportar u tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom (ĠU L 93, 31.3.2023, p. 1).
(20) Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.
(21) Li huwa stmat li jikkorrispondi għal titjib annwali fil-bilanċ tal-baġit strutturali ta' mill-inqas 0,3 % tal-PDG għall-2024, kif deskritt fil-premessa 24.