24.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 86/44


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/681

tat-8 ta’ Diċembru 2022

dwar id-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u tal-persuni akkużati soġġetti għal arrest preventiv u dwar il-kundizzjonijiet materjali tad-detenzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jifformaw parti minn minoranzi. L-Artikoli 1, 4 u 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) jipprevedu li d-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli u trid tiġi rispettata u protetta, li ħadd ma għandu jkun issoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti u li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà. L-Artikoli 7 u 24 tal-Karta jistabbilixxu d-dritt għall-ħajja tal-familja u d-drittijiet tat-tfal. L-Artikolu 21 tal-Karta jipprevedi li ħadd ma għandu jkun soġġett għal diskriminazzjoni. L-Artikoli 47 u 48 tal-Karta jirrikonoxxu d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust kif ukoll il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt tad-difiża. L-Artikolu 52 tal-Karta jipprevedi li kwalunkwe limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fih trid tiġi prevista mil-liġi u trid tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet kif ukoll il-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità.

(2)

L-Istati Membri diġà huma legalment marbuta bl-istrumenti eżistenti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament inuman jew degradanti, b’mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-protokolli għal dik il-Konvenzjoni, il-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni Ewropea tal-1987 għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament jew il-Pieni Inumani u Degradanti. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u t-Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra (UNCAT).

(3)

Għandhom jitqiesu wkoll għadd ta’ strumenti mhux legalment vinkolanti li jittrattaw b’mod aktar speċifiku d-drittijiet ta’ persuni li jkunu ġew imċaħħda mil-libertà tagħhom, b’mod partikolari: fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-regoli minimi standard tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-trattament tal-priġunieri (ir-Regoli Nelson Mandela); ir-regoli minimi standard tan-Nazzjonijiet Uniti għal miżuri mhux ta’ kustodja (ir-Regoli ta’ Tokyo); kif ukoll, fil-livell tal-Kunsill tal-Ewropa, ir-Rakkomandazzjoni Rec(2006)2-REV dwar ir-Regoli Ewropej tal-Ħabsijiet; ir-Rakkomandazzjoni Rec(2006)13 dwar l-użu tal-arrest preventiv, il-kundizzjonijiet li fihom iseħħ u l-provvediment ta’ salvagwardji kontra l-abbuż; Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2017)3 dwar ir-Regoli Ewropej dwar sanzjonijiet u miżuri komunitarji; Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2014)4 dwar il-monitoraġġ elettroniku; Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)1 dwar ir-Regoli tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Probation; u l-White Paper dwar l-Iffullar fil-Ħabsijiet.

(4)

Barra minn hekk, jeżistu strumenti oħra li jikkonċernaw gruppi speċifiċi ta’ persuni mċaħħda mil-libertà, b’mod partikolari: fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-Regoli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-protezzjoni ta’ minorenni mċaħħda mil-libertà tagħhom u r-Regoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trattament tal-Priġunieri Nisa u l-Miżuri li ma jċaħħdux il-libertà għal Trasgressuri Nisa (ir-Regoli ta’ Bangkok); il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC); kif ukoll, fil-livell tal-Kunsill tal-Ewropa, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2008)11 dwar ir-Regoli Ewropej għal delinkwenti minorenni soġġetti għal sanzjonijiet jew miżuri; u r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2018)5 dwar tfal b’ġenituri priġunieri; Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2012)12 dwar priġunieri barranin; kif ukoll, f’livell internazzjonali mhux governattiv, il-Prinċipji dwar l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru (il-prinċipji ta’ Yogyakarta), żviluppati mill-Kummissjoni Internazzjonali ta’ Ġuristi u mis-Servizz Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem.

(5)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet, fis-sentenza Aranyosi/Căldăraru u s-sentenzi ta’ segwitu (1), l-importanza tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fil-kuntest tar-rikonoxximent reċiproku u l-operat tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (2) dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ukoll iddeċidiet dwar l-impatt ta’ kundizzjonijiet ħżiena ta’ detenzjoni fuq l-operat tal-mandat ta’ arrest Ewropew (3).

(6)

Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru tal-2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku bit-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka, l-Istati Membri ġew imħeġġa jagħmlu użu minn miżuri alternattivi għad-detenzjoni sabiex titnaqqas il-popolazzjoni fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni tagħhom, u b’hekk jitkompla l-għan tar-riabilitazzjoni soċjali u jiġi indirizzat ukoll il-fatt li l-fiduċja reċiproka spiss tkun imfixkla minn kundizzjonijiet ta’ detenzjoni ħżiena u l-problema ta’ faċilitajiet ta’ detenzjoni ffullati żżejjed (4).

(7)

Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru tal-2019 dwar alternattivi għad-detenzjoni, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jieħdu diversi azzjonijiet fil-qasam tad-detenzjoni fil-livell nazzjonali, bħal li jadottaw miżuri alternattivi għad-detenzjoni (5).

(8)

Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju tal-2019 dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet u l-ġlieda kontriha, u t-trattament ta’ awturi ta’ reati ta’ terroriżmu u estremiżmu vjolenti wara l-ħelsien tagħhom, l-Istati Membri impenjaw ruħhom b’mod urġenti li jieħdu miżuri effettivi f’dan il-qasam (6).

(9)

Għal diversi snin, il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni sabiex tindirizza l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet materjali tal-ħabsijiet u sabiex tiżgura li l-arrest preventiv jibqa’ miżura eċċezzjonali, li għandha tintuża f’konformità mal-preżunzjoni tal-innoċenza. Din it-talba ġiet ripetuta fir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (7).

(10)

Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali żviluppat bażi tad-data, li ġiet iffinanzjata mill-istess Kummissjoni, dwar il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni, li tnediet f’Diċembru tal-2019 u li hija aċċessibbli għall-pubbliku (8). Il-bażi tad-data tal-Aġenzija dwar id-Detenzjoni Kriminali tiġbor fiha informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istati Membri kollha. Abbażi tal-istandards nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali, il-każistika u r-rapporti ta’ monitoraġġ, hija tinforma dwar aspetti ewlenin magħżula tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, inkluż l-ispazju taċ-ċelel, il-kundizzjonijiet sanitarji, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-protezzjoni kontra l-vjolenza.

(11)

L-istatistika disponibbli dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew turi li, mill-2016, l-Istati Membri rrifjutaw jew dewmu l-eżekuzzjoni għal raġunijiet relatati ma’ riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fi kważi 300 każ, inkluż abbażi ta’ kundizzjonijiet materjali tad-detenzjoni inadegwati (9).

(12)

L-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali talbu gwida aktar konkreta dwar kif għandhom jiġu ttrattati każijiet bħal dawn. Il-problemi identifikati mill-prattikanti jikkonċernaw in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, it-tixrid u n-nuqqas ta’ ċarezza tal-istandards ta’ detenzjoni madwar l-Unjoni bħala sfida għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (10).

(13)

Nofs l-Istati Membri li pprovdew l-istatistika tal-Kummissjoni dwar il-popolazzjonijiet f’detenzjoni tagħhom indikaw li għandhom problema ta’ ffullar fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni tagħhom b’rata ta’ okkupazzjoni ta’ aktar minn 100 fil-mija. L-użu eċċessiv jew mhux meħtieġ u t-tul tal-arrest preventiv jikkontribwixxu wkoll għall-fenomenu tal-iffullar fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni, li jimmina serjament it-titjib fil-kundizzjonijiet tad-detenzjoni.

(14)

Jeżistu diverġenzi sostanzjali fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ aspetti importanti tal-arrest preventiv, bħall-użu tal-arrest preventiv bħala miżura tal-aħħar istanza u r-rieżami tad-deċiżjonijiet dwar l-arrest preventiv (11). Teżisti diverġenza wkoll bejn Stat Membru u ieħor dwar il-limitu ta’ żmien massimu għall-arrest preventiv li jvarja minn inqas minn sena għal aktar minn 5 snin (12). Fl-2020, it-tul medju tal-arrest preventiv fl-Istati Membri differenti varja minn xahrejn sa 13-il xahar (13). Teżisti diverġenza sinifikanti wkoll bejn Stat Membru u ieħor dwar in-numru ta’ persuni taħt arrest preventiv bħala proporzjon tal-popolazzjoni totali tal-ħabsijiet, li jvarja minn inqas minn 10 % għal aktar minn 40 % (14). Tali diverġenzi kbar jidhru li ma humiex ġustifikati f’żona komuni tal-UE ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(15)

Rapporti riċenti tal-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura u ta’ Trattament jew Pieni Inumani jew Degradanti jiġbdu l-attenzjoni għall-persistenza ta’ ċerti problemi serji f’xi Stati Membri, bħat-trattament ħażin, in-nuqqas ta’ adegwatezza tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni kif ukoll in-nuqqas ta’ attivitajiet sinifikanti u tal-forniment xieraq tal-kura tas-saħħa.

(16)

Addizzjonalment, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għadha ssib Stati Membri li qed jiksru l-Artikolu 3 jew 5 tal-QEDB fil-kuntest tad-detenzjoni.

(17)

Minħabba l-għadd kbir ta’ rakkomandazzjonijiet żviluppati minn organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tad-detenzjoni kriminali, dawn mhux dejjem ikunu faċilment aċċessibbli għal imħallfin u prosekuturi individwali fl-Istati Membri li jridu jivvalutaw il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni qabel ma jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom, fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jew fil-livell nazzjonali.

(18)

Fl-Unjoni u, b’mod partikolari, fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, huma meħtieġa standards minimi speċifiċi tal-Unjoni, applikabbli għas-sistemi ta’ detenzjoni kollha tal-Istati Membri, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

(19)

Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin u b’hekk jittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet f’materji kriminali, b’mod partikolari sitt miżuri dwar id-drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali, jiġifieri d-Direttivi 2010/64/UE (15), 2012/13/UE (16), 2013/48/UE (17), (UE) 2016/343 (18), (UE) 2016/800 (19) u (UE) 2016/1919 (20) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (21), diġà ġew adottati. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jiżguraw li d-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u tal-persuni akkużati fi proċedimenti kriminali jiġu rrispettati, inkluż fejn jiġi impost l-arrest preventiv. Għal dan il-għan, dawn id-Direttivi fihom salvagwardji proċedurali speċifiċi għall-persuni suspettati u persuni akkużati li huma mċaħħda mil-libertà. Id-Direttiva (UE) 2016/800 fiha dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kundizzjonijiet tal-arrest preventiv għat-tfal; dawn għandhom l-għan li jissalvagwardjaw il-benesseri tagħhom fejn ikunu soġġetti għal miżura koerċitiva bħal din. Huwa meħtieġ li jiġu kkumplimentati l-istandards tad-drittijiet proċedurali stabbiliti f’dawn id-Direttivi u fir-Rakkomandazzjoni tal-2013, kif ukoll, fil-każ tad-Direttiva (UE) 2016/800, l-istandards rilevanti dwar il-kundizzjonijiet materjali tad-detenzjoni għat-tfal li huma soġġetti għal arrest preventiv.

(20)

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tikkonsolida u tibni fuq dawk l-istandards minimi stabbiliti fil-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li tiġi pprovduta ħarsa ġenerali lejn l-istandards minimi magħżula għad-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u tal-persuni akkużati soġġetti għall-arrest preventiv u l-kundizzjonijiet materjali tad-detenzjoni f’oqsma prijoritarji ewlenin għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn l-Istati Membri.

(21)

Fir-rigward tad-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u tal-persuni akkużati soġġetti għall-arrest preventiv, il-gwida f’din ir-Rakkomandazzjoni għandha tkopri standards ewlenin dwar l-użu tal-arrest preventiv bħala miżura tal-aħħar istanza u alternattivi għad-detenzjoni, ir-raġunijiet għall-arrest preventiv, ir-rekwiżiti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-awtoritajiet ġudizzjarji, rieżami perjodiku tal-arrest preventiv, is-smigħ ta’ persuni suspettati jew akkużati għal deċiżjonijiet dwar l-arrest preventiv, ir-rimedji effettivi u d-dritt ta’ appell, it-tul tal-arrest preventiv u r-rikonoxximent taż-żmien mgħoddi taħt arrest preventiv f’termini ta’ tnaqqis mis-sentenza finali.

(22)

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet materjali tad-detenzjoni, jenħtieġ li tingħata gwida dwar standards ewlenin fl-oqsma tal-akkomodazzjoni, l-allokazzjoni ta’ detenuti, l-iġjene u s-sanità, in-nutrizzjoni, ir-reġimi ta’ detenzjoni fir-rigward tal-eżerċizzju u l-attivitajiet barra miċ-ċelel, ix-xogħol u l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-vjolenza u t-trattament ħażin, il-kuntatt mad-dinja ta’ barra, l-aċċess għall-assistenza legali, għall-proċeduri tat-talbiet u tal-ilmenti, u għall-ispezzjonijiet u għall-monitoraġġ. Barra minn hekk, għandha tiġi pprovduta gwida dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-persuni li għalihom iċ-ċaħda tal-libertà tikkostitwixxi sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà partikolari, bħan-nisa, it-tfal, il-persuni b’diżabilità jew b’kundizzjonijiet serji tas-saħħa, l-LGBTIQ u ċ-ċittadini barranin, kif ukoll il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet.

(23)

L-arrest preventiv għandu dejjem jintuża bħala miżura tal-aħħar istanza bbażata fuq valutazzjoni ta’ każ b’każ. L-usa’ firxa possibbli ta’ miżuri inqas restrittivi alternattivi għad-detenzjoni (miżuri alternattivi) għandha tkun disponibbli u applikata kull fejn ikun possibbli. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw ukoll li d-deċiżjonijiet ta’ arrest preventiv ma jkunux diskriminatorji u ma jiġux imposti awtomatikament fuq persuni suspettati u akkużati abbażi ta’ ċerti karatteristiċi, bħan-nazzjonalità barranija.

(24)

Kundizzjonijiet materjali adegwati ta’ detenzjoni huma fundamentali għas-salvagwardja tad-drittijiet u tad-dinjità tal-persuni mċaħħda mil-libertà u għall-prevenzjoni ta’ ksur tal-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattament jew pieni inumani jew degradanti (trattament ħażin).

(25)

Biex ikunu żgurati standards xierqa ta’ detenzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu lil kull detenut b’ammont minimu ta’ spazju personali biex jgħix fih f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura (Committee for Prevention of Torture, CPT) u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

(26)

Meta l-persuni jiġu mċaħħda mil-libertà, dawn isiru partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza u għat-trattament ħażin kif ukoll għall-iżolament soċjali. Sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tagħhom u sabiex tiġi appoġġata r-riintegrazzjoni soċjali tagħhom, l-allokazzjoni u s-separazzjoni tad-detenuti jenħtieġ li jikkunsidraw id-differenzi fir-reġimi ta’ detenzjoni kif ukoll il-ħtieġa li d-detenuti jiġu protetti f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà partikolari mill-abbuż.

(27)

Ir-reġimi ta’ detenzjoni ma jenħtieġ lix jillimitaw bla bżonn il-libertà ta’ moviment tad-detenuti fil-faċilità ta’ detenzjoni u l-aċċess tagħhom għall-eżerċizzju, għall-ispazji ta’ barra, u għal attivitajiet sinifikanti u għall-interazzjoni soċjali, sabiex ikunu jistgħu jżommu s-saħħa fiżika u mentali tagħhom u tiġi promossa r-riintegrazzjoni soċjali tagħhom.

(28)

Il-vittmi tal-kriminalità mwettqa f’detenzjoni spiss ikollhom aċċess limitat għall-ġustizzja minkejja l-obbligu tal-Istati li jipprevedu rimedji effettivi f’każijiet fejn id-drittijiet tagħhom ikunu ġew miksura. F’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025), huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw rimedji effettivi għall-ksur tad-drittijiet tad-detenuti kif ukoll miżuri ta’ protezzjoni u appoġġ. L-assistenza legali, u l-mekkaniżmi għas-sottomissjoni ta’ talbiet u lmenti, jenħtieġ li jkunu faċilment aċċessibbli, kunfidenzjali u effettivi.

(29)

L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw il-ħtiġijiet speċjali ta’ gruppi partikolari ta’ detenuti, inklużi n-nisa, it-tfal, il-persuni anzjani, il-persuni b’diżabilità jew b’kundizzjonijiet serji tas-saħħa, l-LGBTIQ, il-persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju u ċ-ċittadini barranin, fid-deċiżjonijiet kollha relatati mad-detenzjoni tagħhom. B’mod partikolari, fejn ikunu detenuti tfal, l-aħjar interess tat-tfal għandu dejjem jingħata kunsiderazzjoni primarja.

(30)

Fir-rigward ta’ delinkwenti terroristiċi u estremisti vjolenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw miżuri effettivi sabiex jipprevjenu r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet, u sabiex jiġu implimentati strateġiji ta’ riabilitazzjoni u riintegrazzjoni minħabba r-riskju maħluq minn delinkwenti terroristiċi u estremisti vjolenti jew delinkwenti radikalizzati filwaqt li jiskontaw iż-żmien fil-ħabs, u l-fatt li għadd minn dawn id-delinkwenti se jiġu rilaxxati f’perjodu qasir ta’ żmien.

(31)

F’din ir-Rakkomandazzjoni tingħata biss ħarsa ġenerali lejn l-istandards magħżula u din għandha titqies fid-dawl tal-gwida aktar dettaljata pprovduta fl-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u mingħajr preġudizzju għalihom. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni eżistenti u għall-iżvilupp tiegħu fil-ġejjieni. Huwa wkoll mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni awtoritattiva tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(32)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiffaċilita wkoll l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, kif ukoll ir-rikonoxximent ta’ sentenzi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI (22) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal sentenzi li jimponu sentenzi ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà.

(33)

Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta u tippromwovi d-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din ir-Rakkomandazzjoni tfittex li tippromwovi r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, id-dritt għal-libertà, id-dritt għall-ħajja tal-familja, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust kif ukoll il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt tad-difiża.

(34)

Ir-referenzi f’din ir-Rakkomandazzjoni għal miżuri xierqa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja għal persuni b’diżabilità jenħtieġ li jinftiehmu fid-dawl tad-drittijiet u l-obbligi skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà li għaliha huma parti l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha tagħha. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li jekk il-persuni b’diżabilità jiġu mċaħħda mil-libertà tagħhom fi proċedimenti kriminali, dawn ikunu, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, intitolati għal garanziji f’konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u għandhom jiġu ttrattati f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-persuni b’diżabilità, inkluż billi tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli għal ħtiġijiet speċjali u billi tiġi żgurata l-aċċessibbiltà.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

SKOP TAR-RAKKOMANDAZZJONI

(1)

Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi gwida għall-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri effettivi, xierqa u proporzjonati sabiex isaħħu d-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati kollha fi proċedimenti kriminali li huma mċaħħda mil-libertà tagħhom, fir-rigward kemm tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni taħt arrest preventiv kif ukoll tal-kundizzjonijiet materjali tad-detenzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-persuni soġġetti għaċ-ċaħda tal-libertà jiġu ttrattati b’dinjità, li d-drittijiet fundamentali tagħhom jiġu rrispettati u li jiġu mċaħħda mil-libertà tagħhom biss bħala miżura tal-aħħar istanza.

(2)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkonsolida l-istandards stabbiliti taħt politiki eżistenti fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali dwar id-drittijiet tal-persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom bħala riżultat ta’ prosekuzzjoni ta’ reat kriminali, li huma ta’ rilevanza ewlenija fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn l-Istati Membri.

(3)

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-gwida stabbilita f’din ir-Rakkomandazzjoni bil-għan li jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni. Tali livell ogħla ta’ protezzjoni ma għandux jikkostitwixxi ostakolu għar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi ġudizzjarji li din il-gwida hija mfassla li tiffaċilita. Il-livell ta’ protezzjoni qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

DEFINIZZJONIJIET

(4)

Skont din ir-Rakkomandazzjoni, “arrest preventiv” għandha tinftiehem bħala kwalunkwe perjodu ta’ detenzjoni ta’ persuna suspettata jew akkużata fi proċedimenti kriminali ordnati minn awtorità ġudizzjarja u qabel il-kundanna. Din ma għandhiex tinkludi ċ-ċaħda inizjali tal-libertà minn uffiċjal tal-pulizija jew tal-infurzar tal-liġi (jew minn kwalunkwe persuna oħra awtorizzata biex taġixxi) għall-finijiet ta’ interrogazzjoni jew sabiex tiġi żgurata l-persuna suspettata jew akkużata sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-arrest preventiv.

(5)

Skont din ir-Rakkomandazzjoni, “miżuri alternattivi” jenħtieġ li tinftiehem bħala miżuri inqas restrittivi bħala alternattiva għad-detenzjoni.

(6)

Skont din ir-Rakkomandazzjoni, “detenut” jenħtieġ li tinftiehem li tkopri persuni mċaħħda mil-libertà taħt arrest preventiv u persuni kkundannati li jkunu qegħdin jiskontaw sentenza ta’ priġunerija. “Faċilità ta’ detenzjoni” jenħtieġ li tinftiehem bħala kwalunkwe ħabs jew faċilità oħra għaż-żamma ta’ detenuti kif definit f’din ir-Rakkomandazzjoni.

(7)

Skont din ir-Rakkomandazzjoni, “minuri” jenħtieġ li tinftiehem bħala persuna taħt l-età ta’ 18-il sena.

(8)

Skont din ir-Rakkomandazzjoni, “adult żagħżugħ” jenħtieġ li tinftiehem bħala persuna li għandha aktar minn 18-il sena u li għandha inqas minn 21 sena.

(9)

Skont din ir-Rakkomandazzjoni, “persuni b’diżabilità” jenħtieġ li tinftiehem f’konformità mal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ persuni b’Diżabbiltà sabiex tinkludi lil dawk il-persuni li għandhom diżabbiltà fiżika fit-tul, indebolimenti mentali, intellettwali jew sensorjali li, f’interazzjoni ma’ diversi ostakli, jistgħu jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.

PRINĊIPJI ĠENERALI

(10)

L-Istati Membri jenħtieġ li jużaw l-arrest preventiv biss bħala miżura tal-aħħar istanza. Miżuri alternattivi għad-detenzjoni jenħtieġ li ikunu ppreferuti, b’mod partikolari fejn ir-reat ikun punibbli biss b’sentenza qasira ta’ priġunerija jew fejn id-delinkwent ikun minuri.

(11)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li d-detenuti jiġu ttrattati b’rispett u dinjità u f’konformità mal-obbligi rispettivi tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew pieni inumani jew degradanti kif stabbilit fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(12)

L-Istati Membri huma mħeġġa jiġġestixxu d-detenzjoni b’tali mod li jiffaċilitaw ir-riintegrazzjoni soċjali tad-detenuti, bil-ħsieb li tiġi evitata ir-reċidività.

(13)

L-Istati Membri jenħtieġ li japplikaw din ir-Rakkomandazzjoni mingħajr distinzjoni ta’ kwalunkwe tip, bħall-oriġini razzjali jew etnika, il-kulur, is-sess, l-età, id-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali, il-lingwa, ir-reliġjon, l-opinjoni politika jew opinjoni oħra, l-oriġini nazzjonali jew soċjali, il-proprjetà, it-twelid jew kwalunkwe status ieħor.

STANDARDS MINIMI GĦAD-DRITTIJIET PROĊEDURALI TA’ PERSUNI SUSPETTATI U AKKUŻATI SOĠĠETTI GĦAL ARREST PREVENTIV

Arrest preventiv bħala miżura tal-aħħar istanza u alternattivi għad-detenzjoni

(14)

L-Istati Membri jenħtieġ li jimponu l-arrest preventiv biss fejn ikun meħtieġ strettament u bħala miżura tal-aħħar istanza, filwaqt li jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ individwali. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li japplikaw miżuri alternattivi fejn possibbli.

(15)

L-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw preżunzjoni favur il-ħelsien. L-Istati Membri jenħtieġ li jirrikjedu li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jerfgħu l-oneru tal-prova sabiex juru l-ħtieġa li jiġi impost l-arrest preventiv.

(16)

Sabiex jiġi evitat użu mhux xieraq tal-arrest preventiv, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu disponibbli l-usa’ firxa possibbli ta’ miżuri alternattivi, bħall-miżuri alternattivi msemmija fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI (23) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja.

(17)

Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu: (a) obbligi ta’ dehra quddiem awtorità ġudizzjarja kif u meta jkun meħtieġ, li ma tfixkilx il-kors tal-ġustizzja u li wieħed ma jinvolvix ruħu f’imġiba partikolari, inkluża dik involuta fi professjoni jew f’impjieg partikolari; (b) ir-rekwiżiti li wieħed jirrapporta ta’ kuljum jew fuq bażi perjodika quddiem awtorità ġudizzjarja, il-pulizija jew awtorità oħra; (c) ir-rekwiżiti li wieħed jaċċetta s-superviżjoni minn aġenzija maħtura mill-awtorità ġudizzjarja; (d) ir-rekwiżiti li wieħed jissottometti ruħu għall-monitoraġġ elettroniku; (e) ir-rekwiżiti li wieħed jirrisjedi f’indirizz speċifikat, b’kundizzjonijiet fir-rigward tas-sigħat li wieħed għandu jkun (f) ir-rekwiżiti li wieħed ma jitlaqx minn postijiet jew f’distretti speċifikati, jew li ma jidħolx fihom, mingħajr awtorizzazzjoni; (g) rekwiżiti li wieħed ma jiltaqax ma’ persuni speċifikati mingħajr awtorizzazzjoni; (h) ir-rekwiżiti li wieħed iċedi passaporti jew dokumenti oħra ta’ identifikazzjoni; u (i) ir-rekwiżiti li wieħed jipprovdi jew jiżgura garanziji finanzjarji jew forom oħra ta’ garanziji fir-rigward tal-imġiba matul il-proċess.

(18)

Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jirrikjedu li, meta garanzija finanzjarja tkun stabbilita bħala kundizzjoni għall-ħelsien, l-ammont ikun proporzjonat għall-mezzi tal-persuna suspettata jew akkużata.

Suspett raġonevoli u raġunijiet għall-arrest preventiv

(19)

L-Istati Membri jenħtieġ li jimponu l-arrest preventiv biss abbażi ta’ suspett raġonevoli, stabbilit permezz ta’ valutazzjoni bir-reqqa każ b’każ, li l-persuna suspettata tkun wettqet ir-reat inkwistjoni, u jenħtieġ li jillimitaw ir-raġunijiet ġuridiċi għall-arrest preventiv għal: (a) riskju ta’ ħarba; (b) riskju li jerġa’ jitwettaq reat; (c) riskju li l-persuna suspettata jew akkużata tinterferixxi fil-kors tal-ġustizzja; jew (d) riskju ta’ theddida għall-ordni pubbliku.

(20)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li d-determinazzjoni ta’ kwalunkwe riskju tkun ibbażata fuq iċ-ċirkostanzi individwali tal-każ, iżda li tingħata kunsiderazzjoni partikolari lil: (a) in-natura u s-serjetà tal-allegat reat; (b) il-piena li x’aktarx tiġi imposta f’każ ta’ kundanna; (c) l-età, is-saħħa, il-karattru, il-kundanni preċedenti u ċ-ċirkostanzi personali u soċjali tal-persuna suspettata, u b’mod partikolari r-rabtiet komunitarji tagħhom; u (d) l-imġiba tal-persuna suspettata, speċjalment kif tkun issodisfat kwalunkwe obbligu li seta’ ġie impost fuqha matul proċedimenti kriminali preċedenti. Il-fatt li l-persuna suspettata ma tkunx nazzjonal tal-Istat fejn ikun preżunt li twettaq ir-reat,, jew ma jkollha l-ebda rabta oħra miegħu, ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li hemm riskju ta’ ħarba.

(21)

L-Istati Membri huma mħeġġa jimponu l-arrest preventiv biss għal reati li jġorru piena li ċċaħħad il-libertà minima ta’ sena.

Raġunament tad-deċiżjonijiet ta’ arrest preventiv

(22)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li kull deċiżjoni minn awtorità ġudizzjarja li timponi l-arrest preventiv, li testendi tali arrest preventiv, jew li timponi miżuri alternattivi tkun debitament motivata u ġġustifikata u tirreferi għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-persuna suspettata jew akkużata li jiġġustifikaw id-detenzjoni tagħha. Il-persuna affettwata jenħtieġ li tiġi pprovduta b’kopja tad-deċiżjoni, li jenħtieġ li tinkludi wkoll raġunijiet għaliex alternattivi għall-arrest preventiv ma jitqisux xierqa.

Rieżami perjodiku tal-arrest preventiv

(23)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-validità kontinwa tar-raġunijiet li għalihom persuna suspettata jew akkużata tinżamm taħt arrest preventiv tiġi rieżaminata perjodikament minn awtorità ġudizzjarja. Hekk kif ir-raġunijiet għad-detenzjoni tal-persuna ma jibqgħux jeżistu, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-persuna suspettata jew akkużata tiġi rilaxxata mingħajr dewmien żejjed.

(24)

L-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu li r-rieżami perjodiku tad-deċiżjonijiet ta’ arrest preventiv tinbeda fuq talba mill-imputat jew, ex officio, minn awtorità ġudizzjarja.

(25)

L-Istati Membri, fil-prinċipju, jenħtieġ li jillimitaw l-intervall bejn ir-rieżamijiet għal massimu ta’ xahar, ħlief f’każijiet fejn il-persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li tippreżenta, f’kull mument, rikors għall-ħelsien u li tirċievi deċiżjoni dwar dan ir-rikors mingħajr dewmien żejjed.

Smigħ tal-persuna suspettata jew akkużata

(26)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li persuna suspettata jew akkużata tinstema’ personalment jew permezz ta’ rappreżentant legali permezz ta’ seduta orali kontenzjuża quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti li tieħu deċiżjoni dwar l-arrest preventiv. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar l-arrest preventiv jittieħdu mingħajr dewmien żejjed.

(27)

L-Istati Membri jenħtieġ li jirrispettaw id-dritt tal-persuna suspettata jew akkużata għal proċess fi żmien raġonevoli. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-każijiet li fihom ikun ġie impost l-arrest preventiv jiġu ttrattati bħala kwistjoni ta’ urġenza u bid-diliġenza dovuta.

Rimedji effettivi u d-dritt ta’ appell

(28)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiggarantixxu li l-persuni suspettati li jiġu mċaħħda mil-libertà tagħhom ikollhom aċċess għal proċedimenti quddiem qorti, li tkun kompetenti sabiex tirrieżamina l-legalità tad-detenzjoni tagħhom u, fejn xieraq, sabiex tordna l-ħelsien tagħhom.

(29)

L-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu lill-persuni suspettati jew akkużati taħt arrest preventiv id-dritt ta’ appell kontra tali deċiżjoni u jinfurmawhom b’dan id-dritt meta tittieħed id-deċiżjoni.

Tul tal-arrest preventiv

(30)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li t-tul tal-arrest preventiv ma jaqbiżx, u ma jkunx sproporzjonat għall-piena li tista’ tiġi imposta għar-reat ikkonċernat.

(31)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li t-tul tal-arrest preventiv impost ma jkunx f’kunflitt mad-dritt ta’ persuna detenuta li tingħata proċess fi żmien raġonevoli.

(32)

L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw bħala każijiet ta’ prijorità, il-każijiet li jinvolvu persuna taħt arrest preventiv.

Tnaqqis taż-żmien taħt arrest preventiv mis-sentenza finali

(33)

L-Istati Membri jenħtieġ li jnaqqsu kwalunkwe perjodu ta’ arrest preventiv qabel il-kundanna, inkluż fejn ikun infurzat permezz ta’ miżuri alternattivi, mit-tul ta’ kwalunkwe sentenza ta’ priġunerija imposta sussegwentement.

STANDARDS MINIMI GĦALL-KUNDIZZJONIJIET MATERJALI TA’ DETENZJONI

Akkomodazzjoni

(34)

L-Istati Membri jenħtieġ li jassenjaw lil kull detenut ammont minimu ta’ erja tas-superfiċe ta’ mill-inqas 6 m2 f’ċelel għal okkupazzjoni ta’ persuna waħda u 4 m2 f’ċelel għal okkupazzjoni ta’ aktar minn persuna waħda. L-Istati Membri jenħtieġ li jiggarantixxu li l-ispazju personali minimu assolut disponibbli għal kull detenut, inkluż f’ċella għal okkupazzjoni minn aktar minn persuna waħda, jammonta għall-ekwivalenti ta’ mill-inqas 3 m2 erja tas-superfiċe għal kull detenut. Fejn l-ispazju personali disponibbli għal detenut ikun ta’ anqas minn 3 m2, tinħoloq preżunzjoni qawwija ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB. Il-kalkolu tal-ispazju disponibbli għandu jinkludi ż-żona okkupata mill-għamara iżda mhux dik okkupata minn faċilitajiet sanitarji.

(35)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li kwalunkwe tnaqqis eċċezzjonali tal-erja minima tas-superfiċe għal kull detenut ta’ 3 m2 ikun qasir, okkażjonali, minuri u akkumpanjat minn libertà suffiċjenti ta’ moviment barra ċ-ċella u attivitajiet xierqa barra miċ-ċella. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, f’każijiet bħal dawn, il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ detenzjoni fil-faċilità jkunu xierqa u li ma jkun hemm l-ebda fattur aggravanti ieħor fil-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata, bħal nuqqasijiet oħra fir-rekwiżiti strutturali minimi għaċ-ċelel jew għall-faċilitajiet sanitarji.

(36)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiggarantixxu li d-detenuti jkollhom aċċess għal dawl naturali u arja friska fiċ-ċelel tagħhom.

Allokazzjoni

(37)

L-Istati Membri huma mħeġġa, u fil-każ tat-tfal, jenħtieġ li jiżguraw, li jallokaw lid-detenuti, kemm jista’ jkun, f’faċilitajiet ta’ detenzjoni qrib id-djar tagħhom jew postijiet oħra xierqa għall-fini tar-riabilitazzjoni soċjali tagħhom.

(38)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li d-detenuti taħt arrest preventiv jinżammu separati minn detenuti kkundannati. In-nisa jenħtieġ li jinżammu separati mill-irġiel. It-tfal -jenħtieġ li ma jinżammux f’detenzjoni mal-adulti, sakemm ma jkunx meqjus li huwa fl-aħjar interess tat-tfal li jagħmlu dan.

(39)

Meta minuri detenut jilħaq l-età ta’ 18-il sena, u fejn xieraq, għal adulti żgħażagħ taħt l-età ta’ 21 sena, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu l-possibilità li dak id-detenut jibqa’ detenut b’mod separat mill-adulti detenuti fejn meħtieġ, filwaqt li jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi tal-persuna kkonċernata u sakemm dan ikun kompatibbli mal-aħjar interessi tat-tfal li jkunu detenuti ma’ dik il-persuna.

Kundizzjonijiet ta’ iġjene u sanitarji

(40)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-faċilitajiet sanitarji jkunu aċċessibbli f’kull ħin u li joffru privatezza suffiċjenti lid-detenuti, inkluża separazzjoni strutturali effettiva mill-ispazji għall-għajxien f’ċelel għal okkupazzjoni minn aktar minn persuna waħda.

(41)

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu miżuri effettivi sabiex jinżammu standards ta’ iġjene tajbin permezz ta’ diżinfezzjoni u fumigazzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-prodotti sanitarji bażiċi, inklużi xugamani iġjeniċi, jiġu pprovduti lid-detenuti u li l-ilma sħun u ilma ġieri ikun disponibbli fiċ-ċelel.

(42)

L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu lid-detenuti bi ħwejjeġ u friex nodfa u xierqa, u bil-mezzi sabiex dawn l-oġġetti jinżammu nodfa.

Nutrizzjoni

(43)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-ikel jiġi pprovdut fi kwantità u kwalità suffiċjenti sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet nutrizzjonali tad-detenut u li l-ikel jitħejja u jiġi servut f’kundizzjonijiet iġjeniċi. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiggarantixxu li l-ilma tax-xorb nadif ikun disponibbli għad-detenuti f’kull ħin.

(44)

L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu lid-detenuti b’dieta nutrizzjonali li tkkunsidra l-età, id-diżabilità, is-saħħa, il-kundizzjoni fiżika, ir-reliġjon, il-kultura u n-natura tal-ħidma tagħhom.

Ħin imqatta’ barra miċ-ċella u barra

(45)

L-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu lill-priġunieri jeżerċitaw għall-arja għal mill-inqas siegħa kuljum u jenħtieġ li jipprovdu faċilitajiet spazjużi u tagħmir xierqa għal dan il-għan.

(46)

L-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu lid-detenuti jqattgħu ammont raġonevoli ta’ żmien barra miċ-ċelel tagħhom sabiex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ xogħol, edukazzjoni u rikreazzjoni kif meħtieġ għal livell xieraq ta’ interazzjoni umana u soċjali. Sabiex jiġi evitat ksur tal-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew pieni inumani jew degradanti, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li kwalunkwe eċċezzjoni għal din ir-regola fil-kuntest ta’ reġimi u miżuri speċjali ta’ sigurtà, inkluża r-reklużjoni, tkun meħtieġa u proporzjonata.

Xogħol u edukazzjoni tad-detenuti sabiex tiġi promossa r-riintegrazzjoni soċjali tagħhom

(47)

L-Istati Membri jenħtieġ li jinvestu fir-riabilitazzjoni soċjali tad-detenuti, filwaqt li jikkunsidraw il-ħtiġijiet individwali tagħhom. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu ħilithom sabiex jipprovdu xogħol bi ħlas ta’ natura utli. Bil-ħsieb li tiġi promossa r-riintegrazzjoni b’suċċess tad-detenuti fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu preferenza lil xogħol li jinvolvi taħriġ vokazzjonali.

(48)

Sabiex jgħinu lid-detenuti jħejju għall-ħelsien tagħhom u jiffaċilitaw ir-riintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li d-detenuti kollha jkollhom aċċess għal programmi edukattivi sikuri, inklużivi u aċċessibbli (inkluż l-apprendiment mill-bogħod) li jissodisfaw il-ħtiġijiet individwali tagħhom filwaqt li jkunu kkunsidrati l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Kura tas-saħħa

(49)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiggarantixxu li d-detenuti jkollhom aċċess fil-ħin għall-assistenza medika, inkluża dik psikoloġika, li jeħtieġu sabiex iżommu s-saħħa fiżika u mentali tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-kura tas-saħħa f’faċilitajiet ta’ detenzjoni tissodisfa l-istess standards bħal dawk ipprovduti mis-sistema nazzjonali tas-saħħa pubblika, inkluż fir-rigward ta’ trattament psikjatriku.

(50)

L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu superviżjoni medika regolari u jenħtieġ li jinkoraġġixxu programmi ta’ vaċċinazzjoni u skrinjar tas-saħħa inkluż għal mard li jista’ jittieħed (l-HIV, l-epatite virali B u C, it-tuberkulożi u l-mard trażmess sesswalment) u mard mhux komunikabbli (speċjalment l-iskrinjar tal-kanċer), segwiti mid-dijanjożi u mill-bidu tat-trattament fejn meħtieġ. Il-programmi tal-edukazzjoni dwar is-saħħa jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tar-rati ta’ skrinjar u l-litteriżmu fis-saħħa. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li tingħata attenzjoni speċjali lit-trattament għad-detenuti bid-dipendenza fuq id-droga, il-prevenzjoni u l-kura tal-mard infettiv, is-saħħa mentali u l-prevenzjoni tas-suwiċidju.

(51)

L-Istati Membri jenħtieġ li jirrikjedu li jsir eżami mediku mingħajr dewmien żejjed fil-bidu ta’ kwalunkwe perjodu ta’ ċaħda tal-libertà u sussegwenti għal kwalunkwe trasferiment.

Prevenzjoni tal-vjolenza u tat-trattament ħażin

(52)

L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jiżguraw is-sikurezza tad-detenuti u sabiex jipprevjenu kwalunkwe forma ta’ tortura jew trattament ħażin. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jiżguraw li d-detenuti ma jkunux soġġetti għal vjolenza jew għal trattament ħażin mill-persunal fil-faċilità ta’ detenzjoni u li jiġu ttrattati b’rispett għad-dinjità tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jirrikjedu wkoll li l-persunal fil-faċilità ta’ detenzjoni u l-awtoritajiet kompetenti kollha jipproteġu lid-detenuti mill-vjolenza jew mit-trattament ħażin minn detenuti oħra.

(53)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li t-twettiq ta’ dan id-dmir ta’ diliġenza u kwalunkwe użu tal-forza mill-persunal fil-faċilità ta’ detenzjoni jkunu soġġetti għal superviżjoni.

Kuntatt mad-dinja ta’ barra

(54)

L-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu lid-detenuti jirċievu żjarat mill-familji tagħhom u minn persuni oħra, bħar-rappreżentanti legali, il-ħaddiema soċjali u l-prattikanti mediċi. L-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu wkoll lid-detenuti jikkorrispondu liberament ma’ tali persuni b’ittra u, kemm jista’ jkun spiss, bit-telefown jew b’forom oħra ta’ komunikazzjoni inklużi mezzi alternattivi ta’ komunikazzjoni għall-persuni b’diżabilità.

(55)

L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu faċilitajiet xierqa sabiex jakkomodaw żjarat tal-familja f’kundizzjonijiet favorevoli għat-tfal, kompatibbli mad-domandi tas-sigurtà iżda inqas trawmatiċi għat-tfal. Tali żjarat tal-familja jenħtieġ li jiżguraw iż-żamma ta’ kuntatt regolari u sinifikanti bejn il-membri tal-familja.

(56)

L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw li jippermettu l-komunikazzjoni permezz ta’ mezzi diġitali, bħal sejħiet bil-vidjo, sabiex, fost l-oħrajn, jippermettu lid-detenuti jżommu kuntatt mal-familji tagħhom, japplikaw għal impjiegi, jieħdu korsijiet ta’ taħriġ jew ifittxu akkomodazzjoni bi tħejjija għall-ħelsien.

(57)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, meta d-detenuti jkunu eċċezzjonalment ipprojbiti milli jikkomunikaw mad-dinja ta’ barra, tali miżura restrittiva tkun strettament neċessarja u proporzjonata u ma tiġix applikata għal perjodu ta’ żmien twil.

Assistenza legali

(58)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li d-detenuti jkollhom aċċess effettiv għal avukat.

(59)

L-Istati Membri jenħtieġ li jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-laqgħat u ta’ forom oħra ta’ komunikazzjoni, inkluża l-korrispondenza legali, bejn id-detenuti u l-konsulenti legali tagħhom.

(60)

L-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu lid-detenuti aċċess għal dokumenti relatati mal-proċedimenti legali tagħhom, jew jippermettulhom iżommuhom fil-pussess tagħhom,.

Talbiet u lmenti

(61)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li d-detenuti kollha jkunu informati b’mod ċar bir-regoli applikabbli fil-faċilità ta’ detenzjoni speċifika tagħhom.

(62)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiffaċilitaw l-aċċess effettiv għal proċedura li tippermetti lid-detenuti jikkontestaw b’mod uffiċjali aspetti tal-ħajja tagħhom f’detenzjoni. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li d-detenuti jkunu jistgħu jressqu liberament talbiet u lmenti kunfidenzjali dwar it-trattament tagħhom, kemm permezz ta’ mekkaniżmi interni kif ukoll esterni għall-ilmenti.

(63)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-ilmenti tad-detenuti jiġu ttrattati minnufih u b’diliġenza minn awtorità jew tribunal indipendenti li jkollu s-setgħa li jordna miżuri ta’ sokkors b’mod partikolari miżuri biex jitterminaw kwalunkwe ksur tad-dritt li ma jkunux soġġetti għal tortura jew trattament inuman jew degradanti.

Miżuri speċjali għan-nisa u l-bniet

(64)

L-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-ħtiġijiet fiżiċi, vokazzjonali, soċjali u psikoloġiċi speċifiċi tan-nisa u tal-bniet, kif ukoll ir-rekwiżiti sanitarji u tal-kura tas-saħħa, meta jieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw kwalunkwe aspett tad-detenzjoni tagħhom.

(65)

L-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu lill-persuni detenuti jwelldu fi sptar barra mill-faċilità ta’ detenzjoni. Meta minuri madankollu jitwieled fil-faċilità ta’ detenzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jorganizzaw l-appoġġ u l-faċilitajiet kollha meħtieġa sabiex jipproteġu r-rabta bejn l-omm u l-wild u sabiex jissalvagwardjaw il-benesseri fiżiku u mentali tagħhom, inkluża kura tas-saħħa xierqa ta’ qabel it-twelid u ta’ wara t-twelid.

(66)

L-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu lid-detenuti li għandhom tfal żgħar li jżommu lil dawn it-tfal magħhom fil-faċilità ta’ detenzjoni sal-punt li dan ikun kompatibbli mal-aħjar interessi tat-tfal. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu akkomodazzjoni speċjali u jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha favorevoli għat-tfal sabiex jiżguraw is-saħħa u l-benesseri tat-tfal affettwati matul l-iskontar tas-sentenza.

Miżuri speċjali għal persuni ta’ nazzjonalità barranija

(67)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li persuni ta’ nazzjonalità barranija u detenuti oħra bi bżonnijiet lingwistiċi partikolari mċaħħda mil-libertà jkollhom aċċess raġonevoli għas-servizzi ta’ interpretazzjoni professjonali u għat-traduzzjonijiet ta’ materjali bil-miktub f’lingwa li jifhmu.

(68)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-persuni ta’ nazzjonalità barranija jiġu informati, mingħajr dewmien żejjed, dwar id-dritt tagħhom li jitolbu kuntatt, u jingħataw faċilitajiet raġonevoli sabiex jikkomunikaw, mas-servizz diplomatiku jew konsulari tal-pajjiż ta’ nazzjonalità tagħhom.

(69)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-assistenza legali.

(70)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-persuni ta’ nazzjonalità barranija jiġu informati bil-possibbiltà li jitolbu li l-eżekuzzjoni tas-sentenza jew tal-miżuri ta’ superviżjoni ta’ qabel il-proċess jiġu ttrasferiti lejn il-pajjiż tan-nazzjonalità jew tar-residenza permanenti tagħhom, bħal taħt id-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI.

Miżuri speċjali għat-tfal u għall-adulti żgħażagħ

(71)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu kunsiderazzjoni primarja fil-kwistjonijiet kollha relatati mad-detenzjoni tagħhom, u li d-drittijiet u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom jitqiesu meta jittieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw kwalunkwe aspett tad-detenzjoni tagħhom.

(72)

Għat-tfal, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu reġim ta’ detenzjoni xieraq u multidixxiplinari, li jiżgura u jippreserva s-saħħa tagħhom u l-iżvilupp fiżiku, mentali u emozzjonali tagħhom, id-dritt tagħhom għall-edukazzjoni u t-taħriġ, l-eżerċitar effettiv u regolari tad-dritt tagħhom għall-ħajja tal-familja, u l-aċċess tagħhom għal programmi li jrawmu r-riintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà.

(73)

Kwalunkwe użu ta’ miżuri dixxiplinari, inkluża r-reklużjoni, l-użu ta’ restrizzjonijiet jew l-użu tal-forza għandu jkun soġġett għal kunsiderazzjonijiet stretti ta’ neċessità u proporzjonalità.

(74)

Fejn xieraq, l-Istati Membri huma mħeġġa japplikaw ir-reġim ta’ detenzjoni tal-minorenni għal delinkwenti żgħażagħ taħt l-età ta’ 21 sena.

Miżuri speċjali għal persuni b’diżabilità jew b’kundizzjonijiet mediċi serji

(75)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-persuni b’diżabilità jew persuni oħra b’kundizzjonijiet mediċi serji jirċievu kura xierqa komparabbli ma’ dik ipprovduta mis-sistema nazzjonali tas-saħħa pubblika li tissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li persuni li jiġu dijanjostikati b’kundizzjonijiet mediċi relatati mas-saħħa mentali jirċievu kura professjonali speċjalizzata, fejn meħtieġ f’istituzzjonijiet speċjalizzati jew f’taqsimiet dedikati tal-faċilità ta’ detenzjoni taħt superviżjoni medika, u li l-kontinwità tal-kura tas-saħħa tkun provduta lil detenuti bi tħejjija għar-rilaxx, fejn hemm bżonn.

(76)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiddedikaw attenzjoni speċjali sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ u jiżguraw l-aċċessibbiltà għad-detenuti b’diżabilità jew kundizzjonijiet mediċi serji fir-rigward tal-kundizzjonijiet materjali tad-detenzjoni u r-reġimi ta’ detenzjoni. Dan jenħtieġ li jinkludi l-forniment ta’ attivitajiet xierqa għal tali detenuti.

Miżuri speċjali għall-protezzjoni ta’ detenuti oħra bi bżonnijiet speċjali jew vulnerabbiltajiet

(77)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li t-tqegħid f’detenzjoni ma jaggravax aktar l-emarġinazzjoni tal-persuni minħabba l-orjentazzjoni sesswali, l-oriġini razzjali jew etnika jew it-twemmin reliġjuż tagħhom jew abbażi ta’ kwalunkwe raġuni oħra.

(78)

L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jipprevjenu kwalunkwe vjolenza jew trattament ħażin ieħor, bħal abbuż fiżiku, mentali jew sesswali, kontra persuni minħabba l-orjentazzjoni sesswali, l-oriġini razzjali jew etnika tagħhom, it-twemmin reliġjuż jew abbażi ta’ kwalunkwe raġuni oħra mill-persunal fil-faċilità ta’ detenzjoni jew minn detenuti oħra. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jiġu applikati miżuri ta’ protezzjoni speċjali fejn ikun hemm riskju ta’ tali vjolenza jew trattament ħażin.

Spezzjonijiet u monitoraġġ

(79)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiffaċilitaw spezzjonijiet regolari minn awtorità indipendenti sabiex tivvaluta jekk il-faċilitajiet ta’ detenzjoni humiex amministrati skont ir-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali u internazzjonali. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu aċċess mingħajr xkiel lill-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament jew il-Pieni Inumani jew Degradanti u lin-network ta’ Mekkaniżmi Nazzjonali ta’ Prevenzjoni.

(80)

L-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu aċċess għall-faċilitajiet ta’ detenzjoni lill-parlamentari nazzjonali u huma mħeġġa jagħtu aċċess simili lill-membri tal-Parlament Ewropew.

(81)

L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw ukoll l-organizzazzjoni ta’ żjarat regolari f’faċilitajiet ta’ detenzjoni u f’ċentri oħra ta’ detenzjoni għall-imħallfin, għall-prosekuturi u għall-avukati tad-difiża bħala parti mit-taħriġ ġudizzjarju tagħhom.

Miżuri speċifiċi sabiex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet

(82)

L-Istati Membri huma mħeġġa jwettqu valutazzjoni inizjali tar-riskju sabiex jiddeterminaw ir-reġim ta’ detenzjoni xieraq applikabbli għal detenuti suspettati jew ikkundannati għal reati terroristiċi u estremisti vjolenti.

(83)

Abbażi ta’ din il-valutazzjoni tar-riskju, dawn id-detenuti jistgħu jitqiegħdu flimkien f’diviżjoni terroristika separata jew jistgħu jiġu mxerrda fost il-popolazzjoni ġenerali tal-ħabsijiet. F’dan l-aħħar każ, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprevjenu li tali individwi jkollhom kuntatt dirett mad-detenuti f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà partikolari fid-detenzjoni.

(84)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jsiru valutazzjonijiet tar-riskju ulterjuri fuq bażi regolari mill-amministrazzjoni tal-ħabs (fil-bidu tad-detenzjoni, matul id-detenzjoni u qabel il-ħelsien ta’ detenuti suspettati jew ikkundannati għal reati terroristiċi u estremisti vjolenti).

(85)

L-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu taħriġ ġenerali ta’ sensibilizzazzjoni lill-persunal kollu, u taħriġ lil persunal speċjalizzat, sabiex jirrikonoxxu s-sinjali ta’ radikalizzazzjoni fi stadju bikri. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw ukoll li jipprovdu għadd xieraq ta’ kappillani tal-ħabsijiet mħarrġa sew li jirrappreżentaw varjetà ta’ reliġjonijiet.

(86)

L-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw miżuri li jipprevedu programmi ta’ riabilitazzjoni, ta’ deradikalizzazzjoni u ta’ diżimpenn fil-ħabs, bi tħejjija għall-ħelsien, u programmi wara l-ħelsien għall-promozzjoni tar-riintegrazzjoni ta’ detenuti kkundannati għal reati terroristiċi u estremisti vjolenti.

MONITORAĠĠ

(87)

L-Istati Membri jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar is-segwitu tagħhom għal din ir-Rakkomandazzjoni fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni tagħha. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha timmonitorja u tivvaluta l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien 24 xahar mill-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Didier REYNDERS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, ECLI:EU:C:2016:198. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft, C-220/18 PPU, ECLI:EU:C:2018:589 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2019, Dimitru-Tudor Dorobantu, C-128/18, ECLI:EU:C:2019:857.

(2)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).

(3)  Bivolaru u Moldovan vs Franza, Is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, 40324/16 u 12623/17.

(4)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14540-2018-INIT/mt/pdf

(5)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14075-2019-INIT/en/pdf

(6)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9727-2019-INIT/mt/pdf

(7)  (2019/2207(INI)) kif adottat fl-20 ta’ Jannar 2021.

(8)  Żur https://fra.europa.eu/en/databases/criminal-detention

(9)  Il-perjodu kopert 2016-2019. Għal aktar referenza ara: https://ec.europa.eu/info/publications/replies-questionnaire-quantitative-information-practical-operation-european-arrest-warrant_en

(10)  Id-disa’ sessjoni ta’ evalwazzjonijiet reċiproċi u konklużjonijiet tal-Konferenza ta’ Livell Għoli dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, organizzata mill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’Settembru 2020.

(11)  Ara d-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, Rights of suspects and accused persons who are in pre-trial detention (exploratory study): final report, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022, https://data.europa.eu/doi/10.2838/293366; Id-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, Rights of suspects and accused persons who are in pre-trial detention (exploratory study). Annex 2, Country fiches, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022, https://data.europa.eu/doi/10.2838/184080

(12)  Inqas minn sena fl-Awstrija, fil-Ġermanja, fid-Danimarka, fl-Estonja, fil-Latvja, fl-Iżvezja u fis-Slovakkja; Bejn sena u sentejn fil-Bulgarija, il-Greċja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja u l-Portugal; Bejn sentejn u 5 snin fiċ-Ċekja, Franza, Spanja, il-Kroazja u l-Ungerija; Aktar minn 5 snin fl-Italja u fir-Rumanija; L-ebda limitu ta’ żmien fil-Belġju, Ċipru, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, in-Netherlands.

(13)  Fl-2020, minn ftit anqas minn xahrejn u nofs f’Malta għal kważi 13-il xahar fis-Slovenja. Medja għal kul Stat Membru: l-Awstrija — 2,9 xhur; il-Bulgarija — 6,5 xhur; iċ-Ċekja — 5,1 xhur; l-Estonja — 4,7 xhur; il-Finlandja — 3,7 xhur; il-Bulgarija — 11,5-il xahar; l-Estonja — 12,3-il xahar; l-Irlanda — 2,5 xhur; l-Italja — 6,5 xhur; il-Litwanja — 2,8 xahar; il-Lussemburgu — 5,2 xhur; Malta — 2,4 xhur; in-Netherlands — 3,7 xhur; il-Portugal — 11-il xahar; ir-Rumanija — 5,3 xhur; is-Slovakkja — 3,9 xahar; is-Slovenja — 12,9-il xahar; Spanja — 5,9 xhur; L-ebda data ma’ kienet disponibbli għas-sena 2020 għall-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Latvja, il-Polonja, il-Ġermanja, il-Kroazja, Ċipru u l-Iżvezja.

(14)  Inqas minn 10 % fil-Bulgarija, fiċ-Ċekja u fir-Rumanija u aktar minn 45 % fil-Lussemburgu fl-2019.

(15)  Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).

(16)  Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1).

(17)  Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1).

(18)  Id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU L 65, 11.3.2016, p. 1).

(19)  Id-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1).

(20)  Id-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ĠU L 297, 4.11.2016, p. 1).

(21)  ĠU C 378, 24.12.2013, p. 8.

(22)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 27)

(23)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat-23 ta’ Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja (ĠU L 294, 11.11.2009, p. 20).