10.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 73/23


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/550

tat-8 ta’ Marzu 2023

dwar Programmi Nazzjonali ta’ Appoġġ għall-Ippjanar ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli

(notifikata bid-dokument C(2023) 1524)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (1) jistabbilixxi l-objettiv li tinkiseb ekonomija tal-UE newtrali għall-klima sal-2050. Dan jitlob tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport. L-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti (2) ppreżentat miżuri biex tgħin fl-ilħuq ta’ dan l-objettiv, inklużi miżuri għall-promozzjoni ta’ mobbiltà urbana sostenibbli, intelliġenti, sikura u b’saħħitha.

(2)

Il-Komunikazzjoni dwar il-Qafas il-Ġdid tal-UE għall-Mobbiltà Urbana (3) tagħti prijorità lil soluzzjonijiet tat-trasport aktar sostenibbli — trasport kollettiv u pubbliku, mobbiltà kondiviża, il-mixi u ċ-ċikliżmu — bl-għan li jiżdied l-użu tagħhom għal mobbiltà bieb bieb aħjar u aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, filwaqt li fl-istess ħin tikkontribwixxi għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini.

(3)

Il-mobbiltà urbana sostenibbli tikkontribwixxi għal serje ta’ politiki Ewropej immirati lejn il-promozzjoni ta’ mobbiltà b’emissjonijiet baxxi u żero (4), it-titjib tal-kwalità tal-arja u s-sikurezza fit-toroq, filwaqt li tiġġenera kobenefiċċji għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini. L-ippjanar effettiv tal-mobbiltà urbana jista’ jgħin biex jiġu avvanzati politiki Ewropej u nazzjonali relatati direttament fil-livell lokali. Kif inhu enfasizzat mill-Komunikazzjoni dwar il-Viżjoni fit-tul għaż-Żoni Rurali tal-UE (5) u l-Pjan ta’ Azzjoni Rurali tal-UE li jakkumpanjaha, l-integrazzjoni aħjar tal-mobbiltà urbana, periurbana u rurali huma essenzjali għall-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ mobbiltà sostenibbli.

(4)

Il-pakkett dwar il-mobbiltà urbana tal-2013 (6) introduċa Pjanijiet ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMP) bħala qafas għall-bliet fir-rigward tal-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ reazzjonijiet għall-isfidi tal-politika dwar il-mobbiltà urbana fiż-żona urbana funzjonali kollha. Minn dak iż-żmien, il-Kummissjoni kienet qed tħeġġeġ l-użu mifrux tas-SUMP bħala l-pedament tal-politika Ewropea dwar il-mobbiltà urbana. Il-kunċett u l-linji gwida Ewropej relatati dwar is-SUMP intużaw b’mod estensiv mill-awtoritajiet lokali, mill-pjanifikaturi u mill-partijiet ikkonċernati. Dan wera li huwa għodda effettiva, robusta u flessibbli li l-bliet jistgħu jiddependu fuqu għall-ippjanar ta’ miżuri ta’ mobbiltà urbana.

(5)

Fir-rapport speċjali 06/2020 tagħha: Mobbiltà Urbana Sostenibbli fl-UE (7), il-Qorti Ewropea tal-Awdituri enfasizzat li l-Istati Membri u l-bliet tagħhom huma responsabbli għall-ġestjoni tal-politiki dwar il-mobbiltà urbana, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-Qorti sabet li l-miżuri ta’ mobbiltà urbana lokali mhux dejjem kienu konsistenti mal-objettivi ta’ mobbiltà urbana sostenibbli. Il-programmi ta’ appoġġ tal-Pjan Nazzjonali ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMP) jikkontribwixxu għat-titjib tar-rabtiet bejn il-kunċett tas-SUMP u l-pjanijiet lokali ta’ mobbiltà urbana sostenibbli.

(6)

Ir-Regolament rivedut dwar il-linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) (8) jipproponi li n-nodi urbani fuq in-network TEN-T jadottaw SUMP f’konformità mar-rekwiżiti pprovduti fl-Anness V tiegħu u jiġbru u jissottomettu data rilevanti dwar il-mobbiltà urbana lill-Kummissjoni. Fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ġbir tad-data u tar-rapportar, l-att ta’ implimentazzjoni sussegwenti se jistabbilixxi l-lista ta’ indikaturi tal-mobbiltà urbana sostenibbli u l-metodoloġija tal-kalkolu tagħhom. Wara l-adozzjoni, dawn se jkunu l-uniċi rekwiżiti vinkolanti relatati mas-SUMP fil-livell tal-UE. Il-programmi nazzjonali ta’ appoġġ għas-SUMP se joffru għarfien espert lin-nodi urbani fuq in-network TEN-T biex jgħinuhom jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti.

(7)

Il-bliet jiffaċċaw l-isfidi bil-monitoraġġ tal-progress tal-miżuri ta’ mobbiltà urbana sostenibbli tagħhom bl-użu ta’ indikaturi. Il-ġbir tad-data jeħtieġ riżorsi amministrattivi u finanzjarji u l-bliet spiss ikollhom diffikultà biex jaċċessaw id-data disponibbli miżmuma mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u minn korpi oħra. Il-kondiviżjoni u l-użu tal-ġbir tad-data għandhom jiġu ffaċilitati mill-Istati Membri permezz ta’ punti ta’ aċċess ċentrali u spazji deċentralizzati tad-data. Dan se jgħin lill-bliet itejbu s-sistemi ta’ monitoraġġ tagħhom fis-snin li ġejjin.

(8)

Kompendju ta’ gwida mhux vinkolanti għas-SUMP (9) u ta’ materjali ta’ referenza, żviluppat bħala parti minn proġetti kofinanzjati mill-UE, huwa disponibbli wkoll għall-bliet kollha biex jappoġġahom fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tas-SUMP individwali tagħhom. Il-bliet huma mistiedna jużaw din il-ġabra ta’ informazzjoni kif xieraq għall-ħtiġijiet tagħhom stess. Il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-mobbiltà urbana (10) għandu jgħin biex jikkomplementa u jissimplifika l-kompendju ta’ gwida mhux vinkolanti għas-SUMP.

(9)

L-Istati Membri għandhom jappoġġaw lill-bliet iħejju SUMP bil-għan li jgħinuhom itejbu l-kwalità tas-SUMP tagħhom u jallinjaw aħjar dawn il-pjanijiet mal-qafas tal-UE.

(10)

Fl-aħħar mill-aħħar, il-bliet jibqgħu responsabbli għall-iżvilupp, għall-adozzjoni u għall-implimentazzjoni tas-SUMP tagħhom, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-miżuri fihom.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.   GĦAN U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

1.1.   Introduzzjoni

Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà Urbana tal-2013 introduċa l-kunċett ta’ SUMP (11) bħala l-pedament għal qafas għall-bliet u r-reġjuni biex jindirizzaw l-isfidi tal-politika dwar il-mobbiltà urbana. Il-kunċett tas-SUMP jeħtieġ li jiġi aġġornat biex jirrifletti strateġiji ġodda tal-UE u jintegra prijoritajiet ġodda ta’ politika. Dan huwa stabbilit fl-Anness għar-rakkomandazzjoni attwali bħala l-kunċett ta’ SUMP.

Abbażi tal-kunċett tas-SUMP, il-linji gwida dwar is-SUMP jagħtu pariri lill-bliet dwar proċess għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tas-SUMP tagħhom.

Matul l-aħħar deċennju, il-kunċett ġie promoss mill-Kummissjoni u ntuża b’mod wiesa’ minn ħafna bliet madwar l-UE fuq bażi volontarja għall-ippjanar tat-tranżizzjoni tagħhom għal mobbiltà urbana attraenti, inklużiva u sostenibbli.

Il-bliet li japplikaw il-kunċett ta’ SUMP sabu li din hija għodda effettiva, komprensiva u flessibbli, li tmur lil hinn mill-konfini amministrattivi tal-bliet biex tkopri ż-“żona urbana funzjonali” kollha, filwaqt li jitqiesu r-rabtiet u l-flussi tal-ivvjaġġar mal-partijiet remoti tal-pajjiż, kif ukoll il-konnessjonijiet urbani-rurali.

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-Qafas il-Ġdid tal-UE dwar il-Mobbiltà Urbana (12) enfasizza li s-SUMP huma qafas konsistenti ta’ ppjanar fit-tul, li jinvolvi lill-partijiet rilevanti kollha. Ir-reżiljenza tal-kunċett ħarġet b’mod partikolari matul il-pandemija tal-COVID-19, peress li ħafna bliet b’SUMP setgħu jadattaw il-politiki ta’ mobbiltà tagħhom malajr u b’mod effiċjenti. Sussegwentement setgħu jagħmlu l-bidliet fis-sistemi ta’ mobbiltà tagħhom aktar faċilment minn dawk mingħajr pjanijiet komparabbli. F’ħafna każijiet, il-proċeduri ta’ emerġenza u reżiljenza kienu diġà ġew deskritti fis-SUMP eżistenti.

Madankollu, l-evalwazzjoni tal-Pakkett dwar il-Mobbiltà Urbana tal-2013 identifikat bħala nuqqas kbir l-użu mhux uniformi tas-SUMP fost l-Istati Membri. Ħafna bliet għad ma għandhomx SUMP u l-kwalità tas-SUMP li jeżistu tvarja b’mod sinifikanti. Hemm ukoll żbilanċ ċar bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kopertura ġenerali tal-bliet mas-SUMP.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija għalhekk indirizzata lill-Istati Membri.

1.2.   Ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Istati Membri

Abbażi ta’ esperjenza vasta bl-użu tal-kunċett tas-SUMP mill-2013, l-evalwazzjoni tal-Pakkett dwar il-Mobbiltà Urbana tal-2013 uriet li l-kapaċità u l-għarfien espert, speċjalment fi bliet żgħar u ta’ daqs medju, jibqgħu problema, kif ukoll in-nuqqas ta’ involviment u appoġġ nazzjonali.

Dan jindika ħtieġa ġenerali għall-iżgurar tal-konsistenza mal-kunċett tas-SUMP u l-koordinazzjoni tad-diversi attivitajiet imwettqa mill-bliet u miż-żoni urbani biex iħejju, jimplimentaw u jimmonitorjaw il-pjanijiet ta’ mobbiltà tagħhom.

Kif jindika l-Qafas il-Ġdid tal-UE għall-Mobbiltà Urbana, hemm bżonn li tissaħħaħ il-governanza u s-sjieda fil-livell nazzjonali, li jiġi stabbilit qafas ta’ appoġġ biex is-SUMP jiġu allinjati aktar mill-qrib mal-kunċett tas-SUMP, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi lokali, il-prattiki tal-ippjanar u l-istrutturi istituzzjonali, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

1.3.   Rabta mat-TEN-T

Il-proposta għar-Regolament TEN-T rivedut tinkludi (13) t-tisħiħ tar-rwol tal-bliet bħala nodi vitali għal trasport sostenibbli, sikur, effiċjenti u multimodali madwar l-Ewropa u lil hinn minnha. Sabiex tippermetti l-funzjonament effettiv tan-network TEN-T, il-Kummissjoni pproponiet li sal-31 ta’ Diċembru 2025, l-Istati Membri jiżguraw li n-nodi urbani fuq in-network TEN-T jadottaw SUMP u jiġbru data rilevanti dwar il-mobbiltà urbana.

In-nodi urbani għandhom iqisu l-impatt ta’ diversi miżuri ta’ mobbiltà urbana fuq il-flussi tat-traffiku, kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija, tul in-network TEN-T. Il-miżuri għandu jkollhom l-għan li jiżguraw tranżitu mingħajr xkiel jew interkonnessjoni minn nodi urbani, jew toroq li jevitawhom, inkluż ta’ vetturi b’emissjonijiet żero. Il-miżuri għandhom jgħinu biex itaffu l-konġestjoni, iżidu s-sehem modali tat-trasport pubbliku u tal-modi attivi, itejbu s-sikurezza fit-toroq u jneħħu l-konġestjonijiet li jaffettwaw il-flussi tat-traffiku fuq in-network TEN-T.

Għalhekk, din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan ukoll li tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-Istati Membri u l-bliet dwar kif għandhom iħejju biex jissodisfaw ir-rekwiżiti proposti tan-nodi urbani.

Din ir-rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-adozzjoni futura ta’ Regolament TEN-T rivedut ibbażat fuq il-proposta msemmija hawn fuq u kwalunkwe obbligu fuq SUMP li jinsab fiha.

1.4.   Koordinazzjoni fil-livell lokali għal sinerġiji bejn approċċi ta’ ppjanar settorjali u spazjali

L-iżvilupp tas-SUMP jeħtieġ approċċ integrat li jindirizza żewġ dimensjonijiet: l-integrazzjoni tal-mobbiltà urbana fl-ippjanar tan-network ta’ sistema tat-trasport (“approċċ tan-network”) u l-integrazzjoni fi strateġija transsettorjali għall-iżvilupp urban sostenibbli (“approċċ ibbażat fuq il-post”).

It-trasport huwa parti vitali minn approċċ effiċjenti u effettiv għal approċċ integrat ta’ ġestjoni tat-territorju fil-livell urban/lokali. Għalhekk, is-SUMP għandhom jitħejjew u jiġu implimentati f’koordinazzjoni mill-qrib mal-pjanijiet ta’ mobbiltà lokali u reġjonali, mal-pjanijiet spazjali u mal-pjanijiet settorjali rilevanti. Minbarra li jallinja aħjar is-SUMP mal-objettivi tal-politika settorjali, dan inaqqas ukoll il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet lokali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kompatibbiltà u l-koerenza bejn il-miri tal-politika settorjali u l-ippjanar tal-mobbiltà urbana billi

jappoġġaw lill-ibliet jibdlu l-miri Ewropej u nazzjonali f’politiki, strateġiji u dokumenti ta’ ppjanar urbani lokali, bħas-SUMP, Pjanijiet għal-Loġistika Urbana Sostenibbli, Pjanijiet ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli u l-Klima, Kuntratti Klimatiċi, u Ftehimiet dwar il-Bliet Ekoloġiċi;

jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet tal-bliet u taż-żoni urbani fl-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali ġenerali u fid-dokumenti tal-ippjanar, bħall-pjanijiet nazzjonali u reġjonali tat-trasport, l-oqfsa ta’ politika nazzjonali għall-użu ta’ infrastruttura tal-fjuwil alternattiv, il-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima, l-istrateġiji tas-saħħa pubblika; l-istrateġiji ta’ żvilupp urban sostenibbli;

jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet tal-bliet u taż-żoni urbani fl-azzjonijiet nazzjonali dwar l-impenji Ewropej u internazzjonali, bħall-pjanijiet ta’ ħidma tas-Semestru Ewropew u tal-Kuritur tan-Network Ewlieni TEN-T.

2.   PROGRAMM NAZZJONALI TA’ APPOĠĠ GĦAS-SUMP

2.1.   Objettivi

Il-Kummissjoni tistieden lil kull Stat Membru biex jistabbilixxi programm nazzjonali ta’ appoġġ għas-SUMP immirat lejn l-appoġġ tal-bliet, it-tisħiħ tal-governanza u ż-żieda tal-koordinazzjoni nazzjonali, l-ippjanar u l-iżgurar tal-adozzjoni ta’ politiki ta’ mobbiltà urbana sostenibbli, u t-titjib tal-koordinazzjoni fost ir-reġjuni, il-bliet, u bejn iż-żoni urbani u dawk rurali.

2.2.   L-ambitu tal-programm

Il-programmi nazzjonali ta’ appoġġ għas-SUMP għandhom jinkludu miżuri biex:

jiżviluppaw gwida nazzjonali għall-ippjanar tal-mobbiltà urbana bbażata fuq il-kunċett aġġornat tas-SUMP, ippreżentata fl-Anness għar-Rakkomandazzjoni attwali tal-Kummissjoni, u filwaqt li jitqiesu l-Linji Gwida tas-SUMP (14), jiġu indirizzati l-mobbiltà tal-passiġġieri, it-trasport tal-merkanzija u l-loġistika b’mod integrat;

jipprovdu assistenza teknika u appoġġ espert;

jiżviluppaw approċċ nazzjonali għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni tas-SUMP madwar il-bliet, f’kooperazzjoni ma’ żoni periurbani u rurali madwar il-belt, li jkopri ż-żona urbana funzjonali kollha (il-belt u ż-żona tal-ivvjaġġar tagħha);

janimaw in-network nazzjonali ta’ reġjuni u bliet biex jitrawwem it-tagħlim bejn il-pari u tiġi kondiviża prattika tajba, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE u żoni remoti oħra, żoni insulari, periferali u b’popolazzjoni baxxa;

jimplimentaw programm ta’ taħriġ għall-bliet, inkluż il-bini tal-kapaċitajiet;

jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-bliet għar-reklutaġġ u ż-żamma tal-kapaċità amministrattiva u għar-reklutaġġ ta’ appoġġ temporanju mill-esperti;

jorganizzaw u jikkoordinaw kampanji ta’ komunikazzjoni u attivitajiet relatati mas-SUMP;

iqajmu kuxjenza dwar l-informazzjoni u l-gwida ppubblikati fuq il-portal tal-Osservatorju Ewropew tal-Mobbiltà Urbana (15);

jagħmlu rieżami u jagħtu pariri dwar kif tittejjeb il-kwalità tas-SUMP f’konformità mal-kunċett tas-SUMP; dan se jiffaċilita l-iżvilupp tas-SUMP fejn meħtieġ bħala kundizzjoni għall-finanzjament pubbliku jew privat;

jeżaminaw il-qafas leġiżlattiv nazzjonali għall-ostakli għall-iżvilupp ta’ SUMP effettivi fil-bliet

jgħinu lill-awtoritajiet rilevanti jtejbu l-koordinazzjoni fil-forniment tal-infrastruttura u s-servizzi tat-trasport fiż-żona urbana funzjonali;

jgħinu lill-awtoritajiet lokali jintegraw u jtejbu l-koordinazzjoni bejn is-SUMP u l-ġestjoni tat-territorju, u jtejbu l-allinjament u s-sinerġiji ma’ Pjanijiet ta’ Azzjoni għall-Enerġija u l-Klima Sostenibbli, Pjanijiet ta’ Loġistika Urbana Sostenibbli, u pjanijiet rilevanti oħra;

isaħħu l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tas-SUMP, billi jistabbilixxu mekkaniżmi biex jitkejjel il-progress lejn l-ilħuq tal-għanijiet u l-objettivi tas-SUMP;

jikkalkolaw indikaturi tal-mobbiltà urbana sostenibbli, skont il-metodoloġija tal-Kummissjoni (16), jikkoordinaw u jappoġġaw il-ġbir tad-data u jiffaċilitaw l-aċċess għad-data nazzjonali, reġjonali jew privata, kif ukoll il-kondiviżjoni u l-użu tagħha, meħtieġa għall-kalkolu tal-indikaturi tal-mobbiltà urbana;

jimmonitorjaw il-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi tal-politika settorjali, inklużi d-dekarbonizzazzjoni u s-sikurezza fit-toroq; jappoġġaw lill-ibliet fl-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ ġbir tad-data diżaggregati, inkluż skont il-ġeneru;

jaġġornaw regolarment it-taqsimiet dwar il-bliet u l-pjanijiet nazzjonali tal-portal tal-Osservatorju Ewropew tal-Mobbiltà Urbana;

jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-aspetti tal-mobbiltà urbana tal-Missjoni dwar il-Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti.

L-ambitu tal-programm ta’ appoġġ għandu jiġi ddeterminat f’kooperazzjoni mal-bliet u mar-reġjuni u għandu jiġi rieżaminat regolarment abbażi tal-ħtiġijiet tagħhom u l-feedback li jirċievu minnhom.

2.3.   Il-finanzjament u l-assigurazzjoni tal-kwalità

Is-SUMP huma qafas effettiv għall-ippjanar u għat-twettiq ta’ investimenti pubbliċi jew privati fil-mobbiltà urbana.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jinfurmaw u jappoġġaw dwar opportunitajiet ta’ finanzjament, biex itejbu l-kwalità tas-SUMP u jallinjawhom aktar mill-qrib mal-kunċett tas-SUMP.

Hemm firxa wiesgħa ta’ għodod ta’ fondi u ta’ finanzjament Ewropej, nazzjonali u reġjonali li jistgħu jappoġġaw il-proċessi tas-SUMP, bħal:

il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni, inklużi Interreg u URBACT;

Orizzont Ewropa, inklużi l-azzjonijiet tal-Missjonijiet u ta’ CIVITAS;

Invest EU, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) u r-REPowerEU;

il-Programm Ewropa Diġitali;

Tranżizzjoni Ġusta;

il-Fond għall-Innovazzjoni;

l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku li jipprovdi għarfien espert tekniku mfassal apposta lill-Istati Membri tal-UE;

l-iskemi nazzjonali;

il-finanzjament privat (eż. bonds ekoloġiċi).

Barra minn hekk, il-Komunità tal-Għarfien u l-Innovazzjoni tal-EIT dwar il-Mobbiltà Urbana toffri appoġġ lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-bliet fl-implimentazzjoni tas-SUMP tagħhom.

2.4.   Il-ġestjoni tal-programm tas-SUMP fil-livell nazzjonali

L-Istati Membri għandhom jaħtru uffiċċju nazzjonali ta’ ġestjoni tal-programm tas-SUMP bħala punt fokali għall-kwistjonijiet tas-SUMP relatati mal-bliet u ż-żoni urbani. Dawn għandhom jiġu stabbiliti f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali.

L-uffiċċji għandu jkollhom l-għarfien espert tekniku rilevanti u r-riżorsi legali, finanzjarji u umani biex jiżviluppaw u jimplimentaw il-programm nazzjonali ta’ appoġġ għas-SUMP.

Dawn għandhom ikunu newtrali u trasparenti u jinvolvu lir-reġjuni u lill-bliet u liż-żoni rurali f’xogħolhom. Dawn għandhom jingħataw pariri minn grupp ta’ esperti ta’ rappreżentanti mill-ministeri, mir-reġjuni, mill-bliet, miż-żoni rurali, mill-akkademja u minn partijiet ikkonċernati rilevanti oħra tal-mobbiltà urbana.

Dan il-grupp ta’ esperti jista’ jkun strumentali fit-tfassil u fil-valutazzjoni tal-programm nazzjonali ta’ appoġġ għas-SUMP, filwaqt li japprova d-dokumenti ta’ gwida nazzjonali tas-SUMP u jservi bħala forum ta’ esperti indipendenti biex jgħin biex jiġi żgurat li l-gwida Ewropea u nazzjonali tas-SUMP tiġi implimentata kif xieraq. L-Istati Membri għandhom jibnu fuq skemi ta’ appoġġ eżistenti għall-bliet. L-uffiċċji ta’ ġestjoni tal-programmi għandhom jiġbru flimkien l-iskemi eżistenti implimentati fil-livell subnazzjonali u reġjonali biex jiżguraw approċċ ikkoordinat, inklużi r-restrizzjonijiet partikolari ta’ żoni remoti u periferali u r-reġjuni ultraperiferiċi.

L-uffiċċji jistgħu jkunu jinsabu f’ministeru, f’aġenzija jew f’korp speċjalizzat, skont l-istruttura amministrattiva tal-Istat Membru. L-uffiċċji reġjonali jistgħu jikkomplementaw lil dawk nazzjonali, b’mod partikolari fi Stati Membri akbar jew federali.

F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-bliet għandhom fl-aħħar mill-aħħar jibqgħu responsabbli għall-iżvilupp, għall-adozzjoni u għall-implimentazzjoni tas-SUMP tagħhom.

2.5.   Interazzjoni tal-uffiċċji nazzjonali ta’ ġestjoni tal-programmi mal-Kummissjoni Ewropea

L-uffiċċji nazzjonali ta’ ġestjoni tal-programmi għandhom jaġixxu bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt tal-Istati Membri mal-Kummissjoni għal skambji u koordinazzjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ appoġġ tas-SUMP.

L-appoġġ għall-implimentazzjoni tas-SUMP huwa wieħed mill-kompiti ewlenin tal-grupp ta’ esperti dwar il-mobbiltà urbana (EGUM), stabbilit wara l-adozzjoni tal-Qafas il-Ġdid tal-UE għall-Mobbiltà Urbana, fejn ir-rappreżentanti mill-Istati Membri, mir-reġjuni, mill-bliet u minn partijiet ikkonċernati oħra jiltaqgħu biex jiddiskutu l-politika tal-UE dwar il-mobbiltà urbana, inkluż fir-rigward tas-SUMP. Għalhekk, l-uffiċċji nazzjonali ta’ ġestjoni tal-programmi għandhom jikkoordinaw mill-qrib mar-rappreżentanti tal-Istati Membri tagħhom fil-grupp ta’ esperti u jikkontribwixxu b’mod attiv għall-grupp.

2.6.   Informar lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-azzjonijiet

L-Istati Membri huma mistiedna jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet meħuda kull sena fid-dawl ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. L-informazzjoni għandha tiġi trażmessa għall-ewwel darba sena wara li tiġi adottata din ir-Rakkomandazzjoni.

L-informazzjoni trażmessa għandha tinkludi:

il-programm nazzjonali ta’ appoġġ għas-SUMP;

id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċċju nazzjonali ta’ ġestjoni tal-programm tas-SUMP;

il-pjan ta’ ħidma tal-uffiċċju nazzjonali tal-programm ta’ appoġġ għas-SUMP;

sommarju tar-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma (inkluż il-progress kwantifikat dwar il-KPIs, l-istadji importanti ewlenin u l-kwistjonijiet possibbli identifikati kif ukoll l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni previsti) u t-tagħlimiet meħuda.

3.   DESTINATARJI

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Adina VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM(2019) 640 final.

(2)  COM(2020) 789 final.

(3)  COM(2021) 811 final.

(4)  Id-Direttiva (UE) 2019/1161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 116).

(5)  COM(2021) 345 final

(6)  COM(2013) 913 final.

(7)  Rapport Speċjali 06/2020: Mobbiltà Urbana Sostenibbli fl-UE: Mhuwiex possibbli li jsir titjib sostanzjali mingħajr l-impenn tal-Istati Membri

(8)  COM(2021) 812 final.

(9)  Il-gwida għas-SUMP tikkonsisti mil-Linji Gwida dwar is-SUMP għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ SUMP u materjal ta’ referenza addizzjonali, disponibbli fuq il-portal ELTIS tal-Osservatorju tal-Mobbiltà Urbana; https://www.eltis.org/mobility-plans/topic-guides.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022)5320 tat-28 ta’ Lulju 2022 li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-mobilità urbana; Grupp ta’ Esperti dwar il-Mobbiltà Urbana.

(11)  Ara l-Anness għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013 Lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, COM(2013) 913 final.

(12)  COM(2021) 811 final.

(13)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, COM(2021) 812 final.

(14)  SUMP Guidelines for developing and implementing SUMP, disponibbli fuq il-portal ELTIS tal-Osservatorju tal-Mobbiltà Urbana; https://www.eltis.org/mobility-plans/sump-guidelines.

(15)  https://www.eltis.org/mobility-plans/topic-guides

(16)  https://transport.ec.europa.eu/transport-themes/clean-transport-urban-transport/sumi_en


ANNESS

Kunċett aġġornat għal pjanijiet ta’ mobbiltà urbana sostenibbli

1.   INTRODUZZJONI

Pjan ta’ mobbiltà urbana sostenibbli (SUMP) huwa pjan strateġiku mfassal biex jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ mobbiltà tan-nies u tan-negozji fil-bliet u fl-inħawi tal-madwar għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan huwa qafas uniku biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni kollha tal-mobbiltà urbana għaż-żona urbana funzjonali kollha. SUMP joffri approċċ komprensiv, immexxi mill-viżjoni, flessibbli u reżiljenti billi jservi bħala pjan ta’ mobbiltà fit-tul li jinkludi pakketti ta’ miżuri li jindirizzaw objettivi u miri fuq terminu qasir li l-ilħuq tagħhom jista’ jiġi segwit malajr b’rispons għall-ħtiġijiet li jinbidlu.

Mill-2013, il-Kummissjoni kienet qed tħeġġeġ l-użu mifrux tas-SUMP bħala l-pedament tal-politika tagħha dwar il-mobbiltà urbana. Dan jirrifletti l-potenzjal tas-SUMP li jgħin lill-bliet u lir-reġjuni jindirizzaw sfidi komuni fit-tranżizzjoni tagħhom lejn mobbiltà urbana sostenibbli, u li jiżgura kwalità tal-ħajja aħjar. Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà Urbana tal-2013 (1) talab lill-awtoritajiet lokali biex iqiegħdu s-SUMP fiċ-ċentru tal-approċċ tagħhom biex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ mobbiltà urbana. Linji gwida relatati tal-UE ġew ippubblikati biex jappoġġaw lill-awtoritajiet lokali matul il-proċess kollu tas-SUMP.

Matul dawn l-aħħar ftit snin, ġie żviluppat ammont kbir ta’ pariri u gwida mal-komunità tal-ippjanar tal-mobbiltà urbana, u kien hemm sett sussegwenti ta’ dokumenti ta’ gwida komplementari dwar aspetti speċifiċi relatati mas-SUMP għall-bliet u għall-partijiet ikkonċernati fl-Osservatorju tal-Mobbiltà Urbana tal-UE li sar disponibbli (2). Hemm ukoll għodda ta’ awtovalutazzjoni biex tgħin lill-bliet jifhmu l-punti b’saħħithom u d-dgħufijiet tas-SUMP tagħhom (3).

Il-kunċett oriġinali tas-SUMP (4) ħareġ fil-Pakkett dwar il-Mobbiltà Urbana tal-2013 u kien jikkonsisti minn tmien prinċipji gwida ewlenin. Il-kunċett attwali tas-SUMP iżommhom filwaqt li jaġġorna dak li jeħtieġ li jiġi aġġornat.

1.1.   Kuntest

F’konformità mal-Karta l-Ġdida ta’ Leipzig (5), Jeħtieġ li l-bliet jistabbilixxu strateġiji integrati u sostenibbli għall-iżvilupp urban u jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom għall-belt kollha kemm hi, miż-żoni funzjonali tagħha sal-viċinati tagħha.

Għalhekk, l-ippjanar sostenibbli tal-mobbiltà urbana huwa kruċjali għal mobbiltà effettiva u sostenibbli fil-bliet, inklużi n-nodi urbani TEN-T, kif ukoll huwa importanti għall-funzjonament ġenerali tan-network u għall-iżgurar ta’ kontinġenza u reżiljenza fil-każ ta’ sfidi kbar.

Fl-Anness V tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament TEN-T rivedut, qiegħed jiġi propost li n-nodi urbani jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali relatati mas-SUMP (6). Dan il-kunċett huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu vinkolanti għan-nodi urbani li jikkonċerna l-adozzjoni tas-SUMP u l-kontenut tagħhom stabbilit fir-Regolament TEN-T rivedut futur. Filwaqt li jibni fuq dawn ir-rekwiżiti proposti, dan il-kunċett jagħti aktar informazzjoni u jistabbilixxi l-komponenti rakkomandati meħtieġa biex jiġi żviluppat SUMP kemm jekk belt tkun nodu urban kif ukoll jekk le.

1.2.   Raġunijiet għall-aġġornament tal-kunċett tas-SUMP

Filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi ewlenin tal-aħħar ftit snin u l-esperjenza prattika miksuba matul l-aħħar deċennju mill-implimentazzjoni tal-kunċett, issa hemm opportunità biex dan jiġi aġġornat, sabiex is-SUMP ikunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod aktar effettiv biex jilħqu l-objettivi u impenji tat-trasport, tal-klima u tas-soċjetà dejjem aktar ambizzjużi tal-UE.

Il-linji ta’ politika attwali huma stabbiliti, b’mod partikolari, fil-Patt Ekoloġiku Ewropew (7), fl-Istrateġija għall-Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti (8), u fil-Qafas il-Ġdid tal-UE għall-Mobbiltà Urbana (9). Dan l-aħħar, il-Kummissjoni ressqet proposti leġiżlattivi rilevanti fil-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”  (10) u fil-pakketti dwar il-Mobbiltà Ekoloġika u Effiċjenti u REPowerEU (11). Fuq kollox, il-kunċett tas-SUMP irid jinkorpora aħjar l-aspetti klimatiċi u tal-enerġija filwaqt li jindirizza s-sikurezza, l-inklużività u l-aċċessibbiltà kif ukoll l-aspetti tat-trasport tal-merkanzija u tal-loġistika tat-trasport lokali.

B’mod aktar speċifiku, il-Qafas il-Ġdid tal-UE għall-Mobbiltà Urbana jgħid li l-kunċett aġġornat tas-SUMP għandu jagħmilha ċara li l-prijorità hija li jiġu promossi soluzzjonijiet sostenibbli inkluż it-trasport attiv, kollettiv u pubbliku u l-mobbiltà kondiviża (inkluż għal rabtiet urbani-rurali), l-integrazzjoni sħiħa tal-aspetti tar-reżiljenza kif ukoll il-pjanijiet għal-loġistika urbana sostenibbli (SULP), abbażi ta’ vetturi u soluzzjonijiet b’emissjonijiet żero. Dan għandu jiġi kkomplementat ulterjorment, u għandha tiġi antiċipata l-ħtieġa għal indikaturi u rekwiżiti speċifiċi dwar is-SUMP għan-nodi urbani tat-TEN-T. (12)

Fl-aħħar nett, l-għodod tal-ippjanar fl-oqsma tal-mobbiltà, l-enerġija, is-sostenibbiltà u l-użu tal-art jeħtieġ li jikkomplementaw lil xulxin aktar. B’dan il-mod, il-kunċett rivedut se joħloq ukoll rabtiet aktar mill-qrib bejn is-SUMP u pjanijiet urbani rilevanti oħra li jkopru l-enerġija u l-klima, b’mod partikolari l-Pjanijiet ta’ Azzjoni dwar l-Enerġija u l-Klima Sostenibbli (SECAP).

2.   KUNĊETT GĦAS-SUMP

Dan il-kunċett jippreżenta approċċ rakkomandat għas-SUMP għaż-żoni urbani irrispettivament mid-daqs tagħhom. SUMP għandu jiġi żviluppat u implimentat f’konformità mal-prinċipji ta’ gwida li ġejjin.

2.1.   Għanijiet u objettivi ċari u li jistgħu jitkejlu

L-għan ewlieni ta’ SUMP huwa li jagħmel iż-żona urbana funzjonali (13) li għaliha huwa intenzjonat, aktar aċċessibbli u li jipprovdi mobbiltà b’emissjonijiet baxxi ta’ kwalità għolja, sikura u sostenibbli lejn dik iż-żona, minnha u fi ħdanha. Dan għandu jappoġġa b’mod partikolari l-mobbiltà mingħajr emissjonijiet u l-implimentazzjoni ta’ sistema tat-trasport urban li tikkontribwixxi għal prestazzjoni ġenerali aħjar tan-network tat-trasport, b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta’ infrastruttura għaċ-ċirkolazzjoni bla xkiel ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u ta’ ċentri multimodali tal-passiġġieri biex jiġu ffaċilitati l-konnessjonijiet tal-ewwel u tal-aħħar mil, u ta’ terminals multimodali tal-merkanzija li jservu lil żoni urbani.

SUMP għandu għalhekk jinkludi għanijiet u objettivi speċifiċi li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ sistema tat-trasport urban li:

tkun sikura, aċċessibbli, affordabbli u inklużiva għall-utenti kollha, inklużi l-gruppi żvantaġġati u l-persuni b’diżabilitajiet jew b’mobbiltà mnaqqsa, u li tqis il-perspettiva tal-ġeneru u t-tibdil demografiku;

taqdi l-ħtiġijiet ta’ mobbiltà tal-utenti kollha, inklużi ċ-ċikliżmu u l-mixi, il-loġistika urbana, il-flussi tal-merkanzija u tal-passiġġieri fuq distanzi twal fuq in-network TEN-T, kif ukoll il-flussi minn żoni periurbani u rurali madwar belt, li jkopru ż-żona urbana funzjonali kollha (il-belt u ż-żona tal-ivvjaġġar tagħha);

tissodisfa r-rekwiżiti tas-sostenibbiltà, tal-protezzjoni tal-klima u tar-reżiljenza, filwaqt li tibbilanċja l-ħtieġa li tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika, l-ekwità soċjali u l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent;

tottimizza l-effiċjenza tas-sistemi ta’ mobbiltà urbana, filwaqt li tqis il-kosteffettività kif ukoll l-esternalitajiet tat-trasport ta’ modi differenti marbuta, b’mod partikolari, mal-konġestjoni, is-sustanzi niġġiesa tal-arja u tal-istorbju, l-emissjonijiet tas-CO2, il-fatalitajiet u l-korrimenti tat-traffiku, u l-impatt tagħhom fuq il-bijodiversità;

tikkontribwixxi biex l-ambjent urban isir aktar attraenti, inkluż permezz ta’ kondiviżjoni aħjar tal-ispazju pubbliku;

iżżid il-kwalità tal-ħajja u tkun ta’ benefiċċju għas-saħħa pubblika, filwaqt li jitqiesu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (14), u tiżgura li l-infrastruttura u s-servizzi tat-trasport urban ikunu sikuri, siguri u komdi għal kulħadd, inkluż għal gruppi vulnerabbli fis-soċjetà u n-nisa;

ittejjeb is-sikurezza u s-sigurtà tat-traffiku, b’mod partikolari għall-utenti attivi u vulnerabbli tat-triq (eż. persuni bil-mixi, ċiklisti, persuni anzjani, tfal, persuni b’diżabbiltà u mobbiltà mnaqqsa), is-servizzi u l-ispazji pubbliċi, filwaqt li tistinka biex tikseb Viżjoni Żero (15) fis-sikurezza fit-toroq urbani f’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta (16);

tnaqqas is-sorsi kollha tat-tniġġis tat-trasport, bħall-arja, l-istorbju, il-partikolati u l-mikroplastik, kif ukoll l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport, kif ukoll iżżid l-effiċjenza enerġetika tagħha, bil-għan li tinkiseb mobbiltà urbana b’emissjonijiet żero f’konformità mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, mal-Istrateġija ta’ Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti (17), mal-Pjan ta’ Azzjoni għal Tniġġis Żero (18) u mal-Liġi dwar il-Klima, filwaqt li jitqiesu l-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima, il-Pjanijiet dwar il-Kwalità tal-Arja u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni lokali għal Enerġija u Klima Sostenibbli;

tikkontribwixxi għal konnettività aħjar u għal prestazzjoni ġenerali aħjar tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), u s-sistema Ewropea tat-trasport kollha kemm hi, kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija.

2.2.   Viżjoni fit-tul u pjan ta’ implimentazzjoni ċar

SUMP jippreżenta, jew huwa marbut ma’ strateġija eżistenti u fit-tul għall-iżvilupp futur taż-żona urbana funzjonali u, f’dan il-kuntest, għall-iżvilupp futur tal-infrastruttura tat-trasport u tas-servizzi ta’ mobbiltà multimodali. Dan jinkludi wkoll pjan ta’ twettiq għall-implimentazzjoni tal-istrateġija fuq perjodu ta’ żmien qasir. Dan għandu jiġi inkorporat f’approċċ integrat għall-iżvilupp urban sostenibbli u għandu jintrabat mal-użu rilevanti tal-art, mal-ġestjoni tat-territorju u mal-ippjanar tal-politika settorjali (eż. għall-klima u l-enerġija).

SUMP għandu għalhekk ikun fih dan li ġej:

skeda ta’ żmien u pjan baġitarju, b’sorsi għall-finanzjament meħtieġ identifikati kif xieraq; il-pjan ta’ twettiq idealment għandu jkopri bejn 3 u 10 snin;

responsabbiltajiet u riżorsi definiti b’mod ċar, inklużi r-riżorsi identifikati meħtieġa għal kull attur.

2.3.   Valutazzjoni tal-prestazzjoni attwali u futura

SUMP għandu jkun ibbażat fuq valutazzjoni bir-reqqa tal-prestazzjoni preżenti u futura tas-sistema tat-trasport urban u għandu jkun appoġġat minn sistema komprensiva ta’ monitoraġġ, li tkopri dan li ġej:

analiżi tal-istatus, xenarju bażi u finali, li tibda b’rieżami komprensiv tas-sitwazzjoni attwali u l-istabbiliment ta’ linja bażi li magħha jista’ jitkejjel il-progress futur; għandu jinkludi wkoll valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri proposti;

objettivi u miri speċifiċi: SUMP għandu jidentifika objettivi ta’ prestazzjoni speċifiċi u realistiċi li huma marbuta mal-analiżi tal-istatus u li huma ambizzjużi f’termini tal-għan u l-objettivi ġenerali tas-SUMP. Għandu jistabbilixxi wkoll miri li jistgħu jitkejlu fejn xieraq, abbażi ta’ valutazzjoni realistika tal-linja bażi u tar-riżorsi disponibbli u li jirriflettu l-objettivi speċifiċi;

indikaturi tal-prestazzjoni, preferibbilment ibbażati fuq l-Indikaturi tal-Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMI (19)), biex jiddeskrivu l-istatus attwali tas-sistema tat-trasport urban u jimmonitorjaw il-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi stabbiliti.

2.4.   L-iżvilupp integrat tal-modi kollha tat-trasport filwaqt li tingħata prijorità lil dawk l-aktar sostenibbli

SUMP għandu jippromwovi t-trasport multimodali permezz tal-integrazzjoni tal-modi differenti u tal-miżuri mmirati lejn l-iffaċilitar tal-mobbiltà bla xkiel u sostenibbli. Għandu jinkludi azzjonijiet biex jiżdied is-sehem modali ta’ forom aktar sostenibbli tat-trasport bħat-trasport pubbliku, il-mobbiltà attiva, il-mobbiltà kondiviża (20), il-loġistika urbana b’emissjonijiet żero u, kif xieraq, it-trasport fuq l-ilmijiet interni u t-trasport marittimu.

Għandu jinkludi wkoll azzjonijiet li jippromwovu l-mobbiltà mingħajr emissjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-ekoloġizzazzjoni tal-flotta urbana, biex titnaqqas il-konġestjoni u tittejjeb is-sikurezza fit-toroq, b’mod partikolari tal-utenti vulnerabbli tat-triq.

Il-pjan jippreżenta sett integrat ta’ miżuri tekniċi, infrastrutturali, ibbażati fuq il-politika u mhux vinkolanti biex jittejbu l-prestazzjoni u l-kosteffettività fir-rigward tal-għanijiet iddikjarati u l-objettivi speċifiċi.

SUMP għandu għalhekk ikopri dan li ġej:

is-servizzi tat-trasport pubbliku u kollettiv kif ukoll il-mobbiltà kondiviża, bi strateġija ddedikata li għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità, il-kopertura, is-sigurtà, l-integrazzjoni u l-aċċessibbiltà tagħhom;

trasport mhux motorizzat, bi pjan biex il-mixi, iċ-ċikliżmu u l-mikromobbiltà jsiru aktar attraenti, aktar sikuri u aktar siguri, filwaqt li jsir sforz għal network komprensiv u ta’ kwalità għolja;

il-multimodalità, biex jiġu integrati aħjar il-modi differenti tat-trasport kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija;

is-sikurezza urbana fit-toroq, bl-għan li tinkiseb Viżjoni Żero fir-rigward tal-fatalitajiet u l-korrimenti serji, b’mod partikolari tal-utenti vulnerabbli tat-triq inklużi l-persuni bil-mixi u ċ-ċiklisti.

it-tnaqqis tal-konġestjoni u l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-infrastruttura marbuta mal-miżuri ta’ ġestjoni tal-parkeġġ, inkluż l-ottimizzazzjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar, l-esplorazzjoni tal-potenzjal għar-riallokazzjoni tal-ispazju tat-triq u urban għal modi mhux motorizzati jew għal użi mhux tat-trasport;

il-loġistika urbana, inklużi l-kunsinni fid-djar u l-ġestjoni tal-flotta ta’ vetturi kummerċjali (eż. taxis), b’miżuri biex tittejjeb l-effiċjenza filwaqt li jitnaqqsu l-esternalitajiet bħall-emissjonijiet tal-gassijiet serra, is-sustanzi niġġiesa, l-istorbju u l-konġestjoni (SUMP u kwalunkwe pjan ta’ loġistika urbana sostenibbli speċifiku għandhom jiġu allinjati ma’ xulxin b’mod integrat);

pjanijiet ta’ ġestjoni tal-mobbiltà, b’azzjonijiet immirati lejn it-twettiq ta’ bidla lejn xejriet ta’ mobbiltà aktar sostenibbli għall-persuni li jivvjaġġaw, għall-konsumaturi u għall-istudenti (inklużi dawk li ġejjin minn żoni periurbani u rurali tal-madwar) f’setturi bħall-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa, il-bejgħ bl-imnut u t-turiżmu/l-avvenimenti;

id-diġitalizzazzjoni, inklużi s-sistemi tat-trasport intelliġenti (ITS), bħas-servizzi tal-mobbiltà diġitali multimodali li jiffaċilitaw il-kapaċità ta’ aċċess għall-informazzjoni, il-kotba, il-vjaġġ bil-ħlas u l-irkupru tal-biljetti fil-modi kollha, u l-ġbir tad-data (pereżempju, minn operaturi privati, big data, intelliġenza artifiċjali, tewmin diġitali, Internet tal-oġġetti, eċċ.), sabiex jiġu appoġġati t-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-miżuri inklużi f’SUMP.

2.5.   Approċċ integrat għall-mobbiltà tal-passiġġieri u għat-trasport tal-merkanzija u għal-loġistika urbana

Il-loġistika urbana, kif ukoll ir-rabtiet mat-trasport tal-merkanzija fuq distanzi twal, għandhom jiġu kkunsidrati u integrati bis-sħiħ f’SUMP biex jiġi żgurat approċċ sistematiku għall-aspetti kollha tal-mobbiltà ta’ belt u biex jintlaħaq l-objettiv ta’ loġistika urbana b’emissjonijiet żero u konsenji tal-aħħar mil. Kwistjonijiet speċifiċi ta’ loġistika urbana jistgħu jiġu indirizzati fi pjan ta’ loġistika urbana sostenibbli ddedikat u allinjat.

Għaż-żoni urbani rilevanti, SUMP għandu jqis kif xieraq l-impatt ta’ diversi miżuri urbani fuq il-flussi tat-traffiku tal-passiġġieri u tal-merkanzija u n-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), biex jiġi żgurat tranżitu mingħajr xkiel, toroq li jgħaddu madwar nodi urbani, jew l-interkonnessjoni minnhom u madwarhom, inkluż ta’ vetturi b’emissjonijiet żero. B’mod partikolari għandu jinkludi azzjonijiet biex tittaffa l-konġestjoni, tittejjeb is-sikurezza fit-toroq u jitneħħew il-konġestjonijiet li jaffettwaw il-flussi tat-traffiku TEN-T.

2.6.   Approċċ u koordinazzjoni parteċipattivi ma’ inizjattivi rilevanti oħrajn

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ SUMP għandhom ikunu bbażati fuq approċċ integrat u parteċipattiv, b’livell għoli ta’ kooperazzjoni, koordinazzjoni u konsultazzjoni bejn il-livelli differenti tal-gvern u l-awtoritajiet rilevanti. Il-pubbliku ġenerali, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-atturi ekonomiċi għandhom ikunu involuti wkoll.

Għal dan il-għan, l-awtoritajiet lokali tal-ippjanar għandhom jistabbilixxu strutturi u proċeduri xierqa.

Dan il-proċess għandu jinvolvi b’mod partikolari:

l-involviment xieraq tal-atturi rilevanti fiż-żona urbana funzjonali, bħar-residenti, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi ekonomiċi, fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-pjan mill-bidu u matul il-proċess biex jiġi żgurat livell għoli ta’ aċċettazzjoni u appoġġ;

il-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni interdipartimentali fil-livell lokali u reġjonali biex jiġu żgurati l-konsistenza u l-komplementarjetà mal-politiki, l-istrateġiji u l-miżuri lokali u reġjonali, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-użu tal-art u l-ġestjoni tat-territorju; Pjanijiet Ekoloġiċi Urbani (21), l-enerġija; is-saħħa; l-edukazzjoni; is-servizzi soċjali; l-infurzar tal-liġi u policing;

skambju mill-qrib mal-awtoritajiet rilevanti responsabbli għall-provvista ta’ infrastruttura u servizzi tat-trasport fiż-żona urbana funzjonali (żoni urbani, periurbani u rurali ġirien) u f’livelli differenti ta’ amministrazzjoni u ta’ gvern.

2.7.   Il-monitoraġġ, ir-rieżami, ir-rapportar u l-assigurazzjoni tal-kwalità

SUMP għandu jinkludi objettivi, miri u indikaturi li jsostnu prestazzjoni attwali u futura ta’ sistemi tat-trasport urban, tal-inqas għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-konġestjoni, l-imwiet fit-toroq u l-korrimenti serji, is-sehem modali u l-aċċess għas-servizzi ta’ mobbiltà, kif ukoll data dwar it-tniġġis tal-arja u tal-istorbju fil-bliet. L-implimentazzjoni ta’ SUMP għandha tiġi mmonitorjata bl-użu ta’ dawn l-indikaturi tal-prestazzjoni.

B’mod partikolari, l-awtoritajiet lokali għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi biex jimmonitorjaw il-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi tas-SUMP tagħhom u jieħdu azzjoni korrettiva f’waqtha meta jkun meħtieġ. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw lill-bliet f’dan il-kompitu u għandhom jiżguraw il-kwalità tas-SUMP u l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti tal-kunċett tas-SUMP, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-programmi nazzjonali ta’ appoġġ għas-SUMP.

Il-progress lejn l-ilħuq tal-għan u tal-objettivi speċifiċi ta’ SUMP u l-ilħuq tal-miri fih għandu jiġi vvalutat regolarment bl-użu ta’ indikaturi tar-riżultati magħżula (22). Għandha tittieħed azzjoni xierqa biex jiġi żgurat aċċess f’waqtu għad-data u l-istatistika rilevanti. Rapport ta’ monitoraġġ għandu jipprovdi l-bażi għal rieżami tal-implimentazzjoni tas-SUMP.

Sabiex jiġi appoġġat il-monitoraġġ, għandu jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ tbassir biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet u l-isfidi futuri. Dan it-tbassir jista’ jiġi appoġġat minn għodod diġitali bħal Tewmin Diġitali lokali.

2.8.   Gwida u appoġġ fil-livell Ewropew

Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli tipprovdi informazzjoni dwar is-SUMP permezz tas-Servizz Ewropew ta’ Informazzjoni għat-Trasport Lokali — l-Osservatorju Ewropew tal-Mobbiltà (23). Din l-informazzjoni tinkludi l-Linji Gwida tas-SUMP relatati mal-proċess u l-materjal ta’ referenza dwar aspetti speċifiċi tas-SUMP (24).

Il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-mobbiltà urbana (25), stabbilit wara l-adozzjoni tal-Qafas il-Ġdid tal-UE għall-Mobbiltà Urbana, se jgħin biex jikkomplementa u jissimplifika dan il-materjal.


(1)  COM(2013) 913 final

(2)  https://www.eltis.org/mobility-plans/sump-guidelines

(3)  https://www.eltis.org/resources/tools/sump-self-assessment-tool

(4)  L-Anness 1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Lejn mobbiltà urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi (https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52013DC0913).

(5)  https://ec.europa.eu/regional_policy/sources/brochure/new_leipzig_charter/new_leipzig_charter_en.pdf

(6)  COM(2021) 812/2.

(7)  COM(2019) 640 final.

(8)  COM(2020) 789 final.

(9)  COM(2020) 811 final.

(10)  COM(2021) 550 final.

(11)  COM(2022) 230 final.

(12)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, COM(2021) 812 final.

(13)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Glossary:Functional_urban_area#:~:text=Short%20definition%3A%20a%20functional%20urban,city%20(OECD%2C%202012)

(14)  https://www.undp.org/sustainable-development-goals

(15)  https://ec.europa.eu/transport/themes/strategies/news/2019-06-19-vision-zero_en

(16)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9994-2017-INIT/mt/pdf

(17)  COM(2020) 789 final.

(18)  https://environment.ec.europa.eu/strategy/zero-pollution-action-plan_mt

(19)  https://transport.ec.europa.eu/transport-themes/clean-transport-urban-transport/sumi_en

(20)  Il-mobbiltà kondiviża tirreferi għall-użu kondiviż tal-modi tat-trasport, bħall-kondiviżjoni tal-vetturi għall-kiri (eż. roti, scooters, karozzi), ride sharing/car pooling (jiġifieri spazju kondiviż f’vettura) kif ukoll servizzi tat-trasport fuq talba (eż. servizzi ta’ ride-hailing bħal taxis).

(21)  https://environment.ec.europa.eu/topics/urban-environment/urban-greening-platform_en

(22)  Bħall-indikaturi tal-mobbiltà urbana sostenibbli disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/transport/themes/urban/urban_mobility/sumi_en.

(23)  https://www.eltis.org/mobility-plans

(24)  https://www.eltis.org/mobility-plans/topic-guides; https://www.eltis.org/mobility-plans/practitioner-briefings

(25)  Grupp E03863 (https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=mt&groupID=3863).