21.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/104


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/397

tas-17 ta’ Frar 2023

dwar metadata ta’ referenza u rapporti ta’ kwalità għas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni 2009/498/KE dwar metadata ta’ referenza għas-Sistema Ewropea tal-Istatistika

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea (1), maħsub għall-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali u tal-Unjoni, jistabbilixxi l-prinċipji u l-indikaturi li jkopru l-ambjent istituzzjonali, il-proċessi tal-istatistika u r-riżultati tal-istatistika.

(2)

Il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea jindirizza l-aċċessibbiltà u ċ-ċarezza tal-istatistika Ewropea u jgħid li l-metadata li takkumpanjaha jinħtiġilha li tiġi ddokumentata bl-użu ta’ sistema standardizzata tal-metadata.

(3)

Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (2) jiddeskrivi l-prinċipji ewlenin għall-interoperabbiltà fl-Unjoni.

(4)

Il-metadata ta’ referenza u r-rapporti dwar il-kwalità huma parti integrali mis-sistema tal-metadata ta’ kull awtorità tal-istatistika.

(5)

Il-metadata ta’ referenza u r-rekwiżiti tar-rapportar tal-kwalità huma inklużi fir-regolamenti tal-Unjoni li japplikaw għal diversi oqsma statistiċi.

(6)

Bl-adozzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea, l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali u tal-Unjoni ntrabtu li jipproduċu statistika ta’ kwalità għolja li tkun teħtieġ rapportar aktar trasparenti u armonizzat dwar il-kwalità tad-data.

(7)

Jistgħu jsiru kisbiet konsiderevoli fl-effiċjenza u fit-tnaqqis tal-piżijiet meta l-metadata ta’ referenza u r-rapporti ta’ kwalità jiġu prodotti fuq il-bażi ta’ lista armonizzata ta’ kunċetti tal-istatistika fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika, filwaqt li fl-istess ħin l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali u tal-Unjoni jistgħu jżidu aktar kunċetti ta’ statistika f’oqsma partikolari tal-istatistika jekk ikun meħtieġ.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar l-Istatistika Ewropea jipprovdi qafas ta’ referenza għal din ir-Rakkomandazzjoni.

(9)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/498/KE (4) tistabbilixxi l-pedamenti għall-istandardizzazzjoni tal-metadata fl-istatistika Ewropea, iżda ma tkoprix bis-sħiħ il-kunċetti tar-rapportar tal-kwalità.

(10)

Il-Kummissjoni (Eurostat) tikkoordina u żżomm l-aġġornamenti tal-verżjoni tal-Istruttura Unika Integrata tal-Metadata u tappoġġa lill-Istati Membri biex jimplimentawhom u jiżguraw l-adozzjoni tagħhom.

(11)

Il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Istati Membri jinħtiġilhom li jikkooperaw fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha.

(12)

Din ir-Rakkomandazzjoni tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni 2009/498/KE.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

L-Istati Membri huma mistiedna jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika tagħhom japplikaw il-kunċetti statistiċi elenkati fl-aħħar verżjoni tal-Istruttura Unika Integrata tal-Metadata (SIMS) (5) approvata mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, meta jikkompilaw il-metadata ta’ referenza u r-rapporti ta’ kwalità fid-diversi oqsma statistiċi, u meta jiskambjaw il-metadata ta’ referenza u r-rapporti ta’ kwalità fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika.

2.

Huwa f’idejn kull Stat Membru li jagħżel l-aħjar proċeduri u prattiki mfassla biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Għal dan, l-Istati Membri jinħtiġilhom li jagħmlu użu sħiħ mill-appoġġ disponibbli, speċjalment fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika.

3.

L-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika huma mistiedna jinfurmaw lill-Kummissjoni (Eurostat) sal-1 ta’ Jannar 2024 u wara b’mod regolari, dwar il-miżuri meħuda biex jiġu applikati l-kunċetti elenkati fl-Istruttura Unika Integrata tal-Metadata u l-grad ta’ implimentazzjoni tagħhom.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

Paolo GENTILONI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  https://ec.europa.eu/eurostat/web/quality/european-quality-standards/european-statistics-code-of-practice

(2)  COM/2017/0134

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/498/KE tat-23 ta’ Ġunju 2009 dwar metadejta ta’ referenza għas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ĠU L 168, 30.6.2009, p. 50).

(5)  https://ec.europa.eu/eurostat/web/quality/quality-monitoring/quality-reporting