27.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 238/141


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/2066

tal-25 ta’ Settembru 2023

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1599 dwar Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża b’appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill approva Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżijiet għal sħubija għas-sigurtà u d-difiża possibbli mal-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea. Dak il-kunċett huwa bbażat fuq approċċ integrat għal sħubija għas-sigurtà u d-difiża mal-Benin, il-Côte d’Ivoire, il-Ghana u t-Togo, li jinkludi l-istabbiliment ta’ missjoni skont il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), jiġifieri l-Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża b’appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea (l-“Inizjattiva”), ikkomplementat bl-iskjerar ta’ konsulenti militari fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni, flimkien ma’ miżuri ta’ assistenza skont il-Faċilità Ewropea għall-Paċi għall-forniment ta’ tagħmir militari u f’sinerġija ma’ proġetti marbuta mas-sigurtà.

(2)

Fit-3 ta’ Awwissu 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1599 (1) li stabbiliet l-Inizjattiva fil-Benin u l-Ghana, abbażi tal-istediniet minn dawk il-pajjiżi.

(3)

Permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Lulju 2023, il-Prim Ministru tar-Repubblika tat-Togo stiednet lill-Unjoni tagħti bidu għall-Inizjattiva fit-territorju tagħha.

(4)

Permezz ta’ ittra datata l-20 ta’ Lulju 2023, il-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire stieden lill-Unjoni tagħti bidu għall-Inizjattiva fit-territorju tagħha.

(5)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Inizjattiva tiġi stabbilita wkoll fil-Côte d’Ivoire u fit-Togo.

(6)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1599 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/1599 jiġi sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Stabbiliment

1.   L-Unjoni għandha twettaq Missjoni taħt il-Politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) bl-objettiv strateġiku li tassisti lill-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea li fihom tiġi stabbilita dik il-Missjoni biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet adegwati fil-forzi tas-sigurtà u tad-difiża tagħhom biex irażżnu l-pressjoni eżerċitata minn gruppi terroristiċi armati u jirrispondu għaliha.

2.   Il-Missjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tissemma l-‘Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża b’appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea’ (l-‘Inizjattiva’).

3.   L-Inizjattiva hija b’dan stabbilita fil-Benin, il-Côte d’Ivoire, il-Ghana u t-Togo.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mis-16 ta’ Awwissu 2023.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

H. GÓMEZ HERNÁNDEZ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1599 tat-3 ta’ Awwissu 2023 dwar Inizjattiva ta’ Sigurtà u Difiża tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea (ĠU L 196, 4.8.2023, p. 25).