|
27.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 238/114 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL EWROPEW (UE) 2023/2061
tat-22 ta’ Settembru 2023
li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew
IL-KUNSILL EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Parlament Ewropew (1) ,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (2),
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 14(2), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistabbilixxi l-kriterji għall-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, jiġifieri li n-numru tar-rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni ma għandux jaqbeż is-seba’ mija u ħamsin, minbarra l-President, li r-rappreżentanza għandha tkun proporzjonalment digressiva, b’limitu minimu ta’ sitt membri għal kull Stat Membru, u li l-ebda Stat Membru ma għandu jiġi allokat iktar minn sitta u disgħin siġġu. |
|
(2) |
L-Artikolu 10 TUE jipprevedi, fost l-oħrajn, li l-funzjonament tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva, fejn iċ-ċittadini jkunu rappreżentati direttament fil-livell tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew u l-Istati Membri jkunu rappreżentati mill-gvernijiet tagħhom, li huma stess ikunu demokratikament responsabbli lejn il-Parlamenti nazzjonali jew lejn iċ-ċittadini tagħhom, fil-Kunsill. |
|
(3) |
L-Artikolu 14(2) TUE għalhekk japplika fil-kuntest tal-arranġamenti istituzzjonali usa’ stabbiliti fit-Trattati, li jinkludu wkoll id-dispożizzjonijiet dwar teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Kunsill. |
|
(4) |
Sa tmiem l-2026 u qabel il-proposta dwar il-kompożizzjoni tiegħu, jenħtieġ li l-Parlament Ewropew jipproponi metodu ta’ distribuzzjoni tas-siġġijiet oġġettiv, ġust, dejjiemi u trasparenti li jimplimenta l-prinċipju ta’ proporzjonalità digressiva, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-istituzzjonijiet skont it-Trattati. Filwaqt li jitqies l-impatt ta’ żviluppi futuri possibbli, jenħtieġ li metodu bħal dan jissalvagwardja għadd massimu sostenibbli ta’ membri tal-Parlament Ewropew |
|
(5) |
L-awtorità baġitarja u l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħhom skont il-proċedura baġitarja annwali, jenħtieġ li jiżguraw li ż-żieda fin-numru ta’ siġġijiet prevista minn din id-Deċiżjoni tkun newtrali għall-baġit fi ħdan it-Taqsima 1 tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2) TUE, għandhom jiġu rispettati l-prinċipji li ġejjin:
|
— |
in-numru totali ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew ma għandux jaqbeż is-750, minbarra l-President; |
|
— |
l-allokazzjoni tas-siġġijiet lill-Istati Membri għandha tkun digressivament proporzjonali b’limitu minimu ta’ sitt siġġijiet u limitu massimu ta’ 96 siġġu għal kull Stat Membru, filwaqt li tirrifletti kemm jista’ jkun id-daqsijiet tal-popolazzjonijiet rispettivi tal-Istati Membri; |
|
— |
il-proporzjonalità digressiva hija definita kif ġej: il-proporzjon bejn il-popolazzjoni u n-numru ta’ siġġijiet ta’ kull Stat Membru qabel l-ittondjar ’il fuq jew ’l isfel għall-eqreb numru sħiħ għandu jvarja skont il-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom b’tali mod li kull Membru tal-Parlament Ewropew minn Stat Membru b’popolazzjoni ikbar jirrappreżenta iktar ċittadini minn kull Membru tal-Parlament Ewropew minn Stat Membru b’popolazzjoni iżgħar u, min-naħa l-oħra, iktar ma tkun kbira l-popolazzjoni ta’ Stat Membru, ikbar ikun id-dritt tiegħu għal numru kbir ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew; |
|
— |
l-allokazzjoni tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew għandha tqis l-iżviluppi demografiċi fl-Istati Membri. |
Artikolu 2
Il-popolazzjoni totali tal-Istati Membri hija kkalkolata mill-Kummissjoni (Eurostat) abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri, f’konformità ma’ metodu stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).
Artikolu 3
In-numru ta’ rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti f’kull Stat Membru għal-leġiżlatura 2024–2029 huwa stabbilit kif ġej:
|
Il-Belġju |
22 |
|
Il-Bulgarija |
17 |
|
Iċ-Ċekja |
21 |
|
Id-Danimarka |
15 |
|
Il-Ġermanja |
96 |
|
L-Estonja |
7 |
|
L-Irlanda |
14 |
|
Il-Greċja |
21 |
|
Spanja |
61 |
|
Franza |
81 |
|
Il-Kroazja |
12 |
|
L-Italja |
76 |
|
Ċipru |
6 |
|
Il-Latvja |
9 |
|
Il-Litwanja |
11 |
|
Il-Lussemburgu |
6 |
|
L-Ungerija |
21 |
|
Malta |
6 |
|
In-Netherlands |
31 |
|
L-Awstrija |
20 |
|
Il-Polonja |
53 |
|
Il-Portugall |
21 |
|
Ir-Rumanija |
33 |
|
Is-Slovenja |
9 |
|
Is-Slovakkja |
15 |
|
Il-Finlandja |
15 |
|
L-Iżvezja |
21 |
Artikolu 4
Fi żmien suffiċjenti qabel il-bidu tal-leġiżlatura 2029–2034, u jekk possibbli sa tmiem l-2027, il-Parlament Ewropew għandu jressaq quddiem il-Kunsill Ewropew, f’konformità mal-Artikolu 14(2) TUE, proposta għal allokazzjoni aġġornata tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Settembru 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
C. MICHEL
(1) Proposta adottata fil-15 ta’ Ġunju 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Approvazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar statistika demografika Ewropea (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 39).