|
20.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 231/115 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1794
tat-18 ta’ Settembru 2023
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu għall-għażla tal-President
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku huwa ftehim plurilaterali, fi ħdan il-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li għandu l-għan li jiftaħ is-swieq tal-akkwist pubbliku b’mod reċiproku fost il-Partijiet tiegħu. Il-verżjoni riveduta ta’ dak il-Ftehim daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ April 2014 (“il-GPA Rivedut”). |
|
(2) |
L-Artikolu XXI:1 tal-GPA Rivedut jistabbilixxi Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku (“il-Kumitat”) bl-għan li jagħti l-opportunità lill-Partijiet li jikkonsultaw dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-operat tal-GPA Rivedut jew mat-tkomplija tal-objettivi tiegħu. |
|
(3) |
L-Artikolu XXI:1 tal-GPA Rivedut jistipula li l-Kumitat għandu jeleġġi l-President tiegħu stess. |
|
(4) |
L-abbozz tar-regoli ta’ proċedura għall-għażla tal-President tqassam mill-Kumitat fit-12 ta’ Mejju 2023. |
|
(5) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu peress li dawk ir-regoli se jkunu vinkolanti għall-Unjoni. |
|
(6) |
Għalhekk, l-abbozz tar-regoli ta’ proċedura għall-għażla tal-President, imqassma mill-Kumitat fit-12 ta’ Mejju 2023, jenħtieġ li jiġu adottati sabiex jirregolaw il-funzjonament tal-Kumitat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewopea fil-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku stabbilit mill-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu għall-għażla tal-President.
It-test ta’ dawk ir-regoli ta’ proċedura huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Settembru 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
L. PLANAS PUCHADES
Regoli ta' Proċedura għall-għażla tal-President tal-Kumitat tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku (il-“Kumitat”)
(1)
Il-Partijiet għandhom jagħżlu President minn fost ir-rappreżentanti tagħhom fil-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku fuq bażi annwali.
(2)
Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jestendu t-terminu tal-President, abbażi tal-pjan ta' ħidma tal-President għas-sena ta' wara.
(3)
Kandidat għandu jintgħażel bħala President abbażi tal-kapaċità, l-esperjenza, id-disponibbiltà u l-kompetenzi tal-kandidat biex jaqdi r-responsabbiltajiet assoċjati. Il-President ser iservi fil-kapaċità personali.
(4)
Il-President uxxenti għandu jagħmel konsultazzjonijiet biex jiffaċilita l-għażla. Jekk ma jkunx hemm President, il-Partijiet jistgħu jaħtru President interim bil-konsensus, jew jistiednu lill-Parti li kienet ipprovdiet il-President preċedenti biex tagħmel dawn il-konsultazzjonijiet.
(5)
Qabel il-konsultazzjonijiet jew matulhom, il-kandidat(i) għall-pożizzjoni tal-President għandhom jingħataw l-opportunità li jippreżentaw il-pjanijiet proposti lill-Partijiet għall-perjodu tal-presidenza tal-Kumitat.
(6)
Il-ħatra għandha ssir fl-ewwel laqgħa regolari tas-sena tal-Kumitat. Jekk il-kariga ta' President issir vakanti f'nofs sena, il-Partijiet għandhom ifittxu li jsibu sostituzzjoni fl-iqsar żmien possibbli.
(7)
Il-ħatra għandha tidħol fis-seħħ fi tmiem il-laqgħa prevista fil-paragrafu preċedenti. Jekk ma jkun hemm l-ebda President f'dak iż-żmien, il-ħatra għandha tidħol fis-seħħ immedjatament.
(8)
Il-President għandu jibqa' fil-kariga sa tmiem l-ewwel laqgħa regolari tas-sena kalendarja ta' wara, għajr meta l-President ma jkunx jista' jibqa' jservi jew jirriżenja qabel.
(9)
Jekk il-Partijiet ma jkunux jistgħu jilħqu konsensus dwar l-għażla ta' President, b'tali mod li l-Kumitat ma jkunx jista' jissodisfa l-obbligu tiegħu li jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena, il-Kumitat jista' jaħtar President interim minn fost il-kandidati bil-konsensus, jew inkella jistieden lill-Parti li kienet ipprovdiet il-President preċedenti biex tiffaċilita il-laqgħat tal-Kumitat b'mod temporanju, sakemm ikun jista' jinħatar President.
(10)
Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jkomplu jikkumplimentaw dawn ir-regoli ta' proċedura. Ir-regoli ta' proċedura jistgħu jiġu rieżaminati fi żmien ħames snin mill-adozzjoni tagħhom.