15.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 228/251


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1778

tat-12 ta’ Settembru 2023

dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-Iżvezja

(notifikata bid-dokument C(2023) 6246)

(It-test bl-Iżvediż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-deni tal-ħnieżer Afrikan huwa marda virali infettiva li taffettwa lill-annimali porċini miżmuma u selvaġġi u jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, li jikkawża tfixkil fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi.

(2)

Fil-każ ta’ tifqigħat tad-deni tal-ħnieżer Afrikan f’annimali porċini selvaġġi, ikun hemm riskju serju li dik il-marda tinfirex f’annimali porċini selvaġġi oħra u f’azjendi tal-annimali porċini miżmuma.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategorija A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari l-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu ċerti miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ konferma uffiċjali tat-tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A f’annimali selvaġġi, inkluż id-deni tal-ħnieżer Afrikan f’annimali porċini selvaġġi. B’mod notevoli, dawk id-dispożizzjonijiet jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona infettata u projbizzjonijiet fuq il-movimenti tal-annimali selvaġġi tal-ispeċijiet elenkati u tal-prodotti li joriġinaw minnhom.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/594 (4) jistabbilixxi miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard rigward id-deni tal-ħnieżer Afrikan. B’mod partikolari, fil-każ tat-tifqigħa ta’ dik il-marda f’annimali porċini selvaġġi f’żona ta’ Stat Membru, l-Artikolu 3(b) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi l-istabbiliment ta’ żona infettata f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Minbarra dan, l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi li dik iż-żona trid tiġi elenkata bħala żona ristretta II fil-Parti II tal-Anness I tiegħu u li ż-żona infettata, stabbilita f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, tiġi aġġustata mingħajr dewmien biex tkun tinkludi mill-inqas iż-żona ristretta II. Il-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni tal-ħnieżer Afrikan stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594, fost l-oħrajn, jinkludu projbizzjonijiet fuq il-movimenti tal-kunsinni tal-annimali porċini miżmuma fiż-żoni ristretti II u tal-prodotti tagħhom barra minn dawk iż-żoni ristretti.

(5)

Barra minn hekk, l-Iżvezja għarrfet lill-Kummissjoni dwar il-konferma, fil-muniċipalità ta’ Fagersta, ta’ tifqigħa waħda tad-deni tal-ħnieżer Afrikan f’annimali porċini selvaġġi fl-Iżvezja fis-6 ta’ Settembru 2023. Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru stabbiliet żona infettata f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594.

(6)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn fil-kummerċ fl-Unjoni u sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni tiġi identifikata ż-żona infettata għad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-Iżvezja b’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru.

(7)

Sabiex ikun evitat aktar tixrid tad-deni tal-ħnieżer Afrikan, sakemm iż-żona tal-Iżvezja milquta mit-tifqigħat riċenti f’annimali porċini selvaġġi tiġi elenkata bħala żona ristretta II fil-Parti II tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594, il-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni tal-ħnieżer Afrikan stipulati fih, li japplikaw għall-movimenti tal-kunsinni tal-annimali porċini miżmuma fiż-żoni ristretti II u tal-prodotti tagħhom barra minn dawn iż-żoni, jenħtieġ li jkunu japplikaw ukoll għall-movimenti ta’ dawk il-kunsinni miż-żona infettata stabbilita mill-Iżvezja wara dik it-tifqigħa riċenti, flimkien mal-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li ż-żona infettata tiġi elenkata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li tkun soġġetta għall-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni tal-ħnieżer Afrikan li japplikaw għaż-żoni ristretti II stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594. Madankollu, minħabba din is-sitwazzjoni epidemjoloġika ġdida tad-deni tal-ħnieżer Afrikan u filwaqt li titqies iż-żieda fir-riskju immedjat li din il-marda tkompli tinxtered, jenħtieġ li, f’konformità ma’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, ma jiġux awtorizzati movimenti tal-kunsinni tal-annimali porċini miżmuma u tal-prodotti tagħhom miż-żona infettata lejn Stati Membri oħra u lejn il-pajjiżi terzi. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll id-durata ta’ dan it-tqassim f’żoni.

(9)

Għalhekk, sabiex jittaffew ir-riskji li jfeġġu mit-tifqigħa reċenti tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-annimali porċini selvaġġi fl-Iżvezja, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tipprevedi li l-movimenti lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi ta’ kunsinni ta’ annimali porċini miżmuma fiż-żona infettata u tal-prodotti tagħhom jenħtieġ li ma jiġux awtorizzati mill-Iżvezja sad-data tal-iskadenza ta’ din id-Deċiżjoni.

(10)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tad-deni tal-ħnieżer Afrikan, huwa importanti li l-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

(11)

Għaldaqstant, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, jenħtieġ li ż-żona infettata fl-Iżvezja tiġi stabbilita minnufih u elenkata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, u li d-durata ta’ dak it-tqassim f’żoni tiġi stabbilita.

(12)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Iżvezja għandha tiżgura li tiġi stabbilita minnufih mill-Iżvezja żona infettata għad-deni tal-ħnieżer Afrikan f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mal-Artikolu 3(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594, u li din tkun tinkludi mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Iżvezja għandha tiżgura li l-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni tal-ħnieżer Afrikan applikabbli għaż-żoni ristretti II stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 ikunu japplikaw fiż-żoni elenkati bħala żoni infettati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, flimkien mal-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

Artikolu 3

L-Iżvezja għandha tiżgura li l-kunsinni tal-annimali porċini miżmuma fiż-żoni elenkati bħala żoni infettati fl-Anness u l-prodotti tagħhom ma jiġux awtorizzati għall-movimenti lejn Stati Membri oħra u lejn il-pajjiżi terzi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sas-6 ta’ Diċembru 2023.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Settembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/594 tas-16 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard għad-deni tal-ħnieżer Afrikan u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605 (ĠU L 79, 17.3.2023, p. 65).


ANNESS

Żoni stabbiliti bħala ż-żona infettata fl-Iżvezja kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Il-Kontea ta’ Västmanland:

30 % tal-muniċipalità ta’ Surahammar ’l isfel fil-Lvant ħdejn it-triq nru 66,

Total ta’ 100 % tal-muniċipalità ta’ Fagersta,

68 % tal-muniċipalità ta’ Norberg fit-Tramuntana ħdejn it-triq nru 270 u nru 68,

6 % tal-muniċipalità ta’ Skinnskatteberg ’l isfel fin-Nofsinhar ħdejn it-triq nru 250,

0,4 % tal-muniċipalità ta’ Västerås ’l isfel fix-Xlokk ħdejn it-triq nru 685,

12 % tal-muniċipalità ta’ Sala fil-Lvant ħdejn it-triq nru 681

Il-Kontea ta’ Dalarna:

1 % tal-muniċipalitajiet ta’ Avesta fil-Grigal ħdejn it-triq nru 693,

6 % tal-muniċipalitajiet ta’ Smedjebacken fil-Punent ħdejn it-triq nru 66

6.12.2023