8.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 221/6 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1716
tat-8 ta’ Settembru 2023
li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta’ Diċembru 2020 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fis-7 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999. |
(2) |
Fit-8 ta’ Diċembru 2020, fid-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom lejn il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem jenfasizza d-determinazzjoni tal-Unjoni li ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-indirizzar ta’ ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Il-kisba tat-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-bniedem minn kulħadd hija għan strateġiku tal-Unjoni. Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem huwa valur fundamentali tal-Unjoni u tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tagħha. |
(3) |
L-Unjoni ma tirrikonoxxix l-annessjoni illegali tal-Krimea u ta’ Sevastopol mill-Federazzjoni Russa u tibqa’ tikkundannaha bħala ksur tad-dritt internazzjonali. L-Unjoni għadha soda fl-impenn tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u hija ddedikata għall-implimentazzjoni sħiħa tal-politika tagħha ta’ nonrikonoxximent. |
(4) |
L-Unjoni hija mħassba dwar id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola tal-Krimea, b’mod partikolari fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. |
(5) |
F’dak il-kuntest, jenħtieġ li sitt persuni jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999. |
(6) |
Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 huwa emendat f’konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Settembru 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
P. NAVARRO RÍOS
ANNESS
L-entrati li ġejjin huma miżjuda mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fit-Taqsima A (“Persuni fiżiċi”) fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999:
|
Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin) |
Ismijiet |
Informazzjoni ta’ identifikazzjoni |
Raġunijiet għall-elenkar |
Data tal-elenkar |
“63. |
Elena Victorovna PODOLNAYA |
Елена Викторовна ПОДОЛЬНАЯ (ortografija Russa) |
Pożizzjoni(jiet): Prosekutur Russu; Viċi Prosekutur fis-‘Simferopol District Court in the Republic of Crimea’ Data tat-twelid: 5.9.1978 Sess: mara Numru tal-karta tal-identità tat-taxxa: 261803847664 |
Elena Podolnaya hija l-Viċi Prosekutur fil-‘Qorti Distrettwali ta’ Simferopol fir-Repubblika tal-Krimea’ stabbilita mill-forza okkupanti tar-Russja fil-Krimea annessa illegalment. F’dik il-pożizzjoni, Elena Podolnaya ħadet sehem fil-proċedimenti tal-qorti politikament motivati kontra Vladyslav Yesypenko, ġurnalist, u għalih ipproponiet sentenza ta’ 11-il sena ħabs. Vladyslav Yesypenko ġie kkundannat għal 6 snin ħabs. Il-proċedimenti tal-qorti kontra Vladyslav Yesypenko kienu mmirati lejn l-attiviżmu tiegħu u servew bħala proċess eżemplari fir-Russja biex l-ilħna kritiċi tar-reġim fil-gvern jitrażżnu milli jleħħnu oppożizzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Ir-reġim Russu qed juża l-ġudikatura tal-pajjiż bħala għodda mifruxa ma’ kullimkien f’għadd kbir ta’ każijiet ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Is-sistema ġudizzjarja mhijiex indipendenti u tintuża biex tikser b’mod sistematiku u gravi d-drittijiet tal-bniedem tal-individwi li jopponu r-reġim fil-gvern, billi tikser il-libertà tagħhom tal-opinjoni u tal-espressjoni. Għalhekk, hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa u fit-territorji okkupati minnha, inkluż ksur tal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni. |
8.9.2023 |
64. |
Denis Vladimirovich KOROVIN |
Денис Владимирович КОРОВИН (ortografija Russa) |
Pożizzjoni(jiet): Uffiċjal tal-Federal Security Service of the Russian Federation (FSB) Sess: raġel |
Denis Korovin huwa uffiċjal tas-Servizz tas-Sigurtà Federali tal-Federazzjoni Russa (FSB). Fil-pożizzjoni tiegħu, huwa ħa sehem fit-tortura ta’ Vladyslav Yesypenko, ġurnalist, li ġie kkundannat għal 6 snin ħabs. Il-proċedimenti tal-qorti kontra Vladyslav Yesypenko kienu mmirati lejn l-attiviżmu tiegħu u servew bħala proċess eżemplari fir-Russja biex l-ilħna kritiċi tar-reġim fil-gvern jitrażżnu milli jleħħnu oppożizzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Ir-reġim Russu qed juża l-ġudikatura tal-pajjiż bħala għodda mifruxa ma’ kullimkien f’għadd kbir ta’ każijiet ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Is-sistema ġudizzjarja mhijiex indipendenti u tintuża biex tikser b’mod sistematiku u gravi d-drittijiet tal-bniedem tal-individwi li jopponu r-reġim fil-gvern, billi tikser il-libertà tagħhom tal-opinjoni u tal-espressjoni. Għalhekk, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa u fit-territorji okkupati minnha, inkluż tortura, trattament inuman u degradanti u ksur tal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni. |
8.9.2023 |
65. |
Dliaver Memetovich BERBEROV |
Длявер Меметович БЕРБЕРОВ (ortografija Russa) |
Pożizzjoni(jiet): Imħallef fis-‘Simferopol District Court of the Republic of Crimea’ Data tat-twelid: 17.8.1978 Post tat-twelid: Uzbekistan Sess: raġel |
Dliaver Berberov huwa mħallef fil-‘Qorti Distrettwali ta’ Simferopol fir-Repubblika tal-Krimea’ stabbilita mill-forza okkupanti tar-Russja fil-Krimea annessa illegalment. F’dik il-pożizzjoni, ħa sehem fil-proċedimenti tal-qorti politikament motivati kontra Vladyslav Yesypenko, ġurnalist. Fis-16 ta’ Frar 2021, Dliaver Berberov ħabbar il-verdett tal-każ ta’ Vladyslav Yesypenko u kkundannah għal 6 snin ħabs. |
8.9.2023 |
|
|
|
Indirizz: 6 Turkenicha St., Simferopol, Crimea, Ukraine АР Крим, г. Симферополь, ул. Туркенича 6 Kodiċi DRFO: 2871801456 |
Il-proċedimenti tal-qorti kontra Vladyslav Yesypenko kienu mmirati lejn l-attiviżmu tiegħu u servew bħala proċess eżemplari fir-Russja biex l-ilħna kritiċi tar-reġim fil-gvern jitrażżnu milli jleħħnu oppożizzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Ir-reġim Russu qed juża l-ġudikatura tal-pajjiż bħala għodda mifruxa ma’ kullimkien f’għadd kbir ta’ każijiet ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Is-sistema ġudizzjarja mhijiex indipendenti u tintuża biex tikser b’mod sistematiku u gravi d-drittijiet tal-bniedem tal-individwi li jopponu r-reġim fil-gvern, billi tikser il-libertà tagħhom tal-opinjoni u tal-espressjoni. Għalhekk, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa u fit-territorji okkupati minnha, inkluż ksur tal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni. |
|
66. |
Vitaliy Olegovich VLASOV |
Виталий Олегович ВЛАСОВ (ortografija Russa) |
Pożizzjoni(jiet): Investigatur fil-Federal Security Service of the Russian Federation (FSB) Data tat-twelid: 7.5.1986 Post tat-twelid: Shimanovsk/Amur Oblast/Russian Federation Nazzjonalità: Russa Sess: raġel |
Vitaliy Vlasov huwa investigatur fis-Servizz tas-Sigurtà Federali tal-Federazzjoni Russa (FSB). F’dik il-pożizzjoni, huwa mexxa l-investigazzjonijiet fil-każijiet tal-ġurnalist Vladyslav Yesypenko, ta’ membri tal-komunità tat-Tatari tal-Krimea fil-Krimea, inkluż Nariman Dzhelyalov, kif ukoll ta’ membri tax-Xhieda ta’ Jehovah, inkluż Aleksandr Dubovenko u Aleksandr Litvinyuk. F’dak il-kuntest, Vlasov kien involut fil-kampanji ta’ persekuzzjoni sistematika kontra l-komunità tat-Tatari tal-Krimea u membri tax-Xhieda ta’ Jehovah minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom. Għalhekk, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa u fit-territorji okkupati minnha, inkluż tortura, trattament inuman u degradanti, arrest u detenzjoni arbitrarji u ksur tal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni. |
8.9.2023 |
67. |
Viktor Viktorovich KRAPKO |
Виктор Викторович КРАПКО (ortografija Russa) |
Pożizzjoni(jiet): Imħallef tas-‘Supreme Court of the Republic of Crimea’; Eks Imħallef fil-Kiev District Court of Simferopol Data tat-twelid: 22.1.1989 Nazzjonalità: Russa Sess: raġel |
Viktor Krapko huwa mħallef fil-‘Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Krimea’ stabbilita mill-forza okkupanti tar-Russja fil-Krimea annessa illegalment. F’dik il-pożizzjoni, ħa sehem fil-proċedimenti tal-qorti politikament motivati kontra Vladyslav Yesypenko, ġurnalist, u Nariman Dzhelyalov, Tatar tal-Krimea. Krapko huwa responsabbli wkoll għall-awtorizzazzjoni ta’ tfittxijiet fid-djar ta’ membri tax-Xhieda ta’ Jehovah fl-2021 fil-Krimea okkupata mir-Russja. Ir-reġim Russu qed juża l-ġudikatura tal-pajjiż bħala għodda mifruxa ma’ kullimkien f’għadd kbir ta’ każijiet ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Is-sistema ġudizzjarja mhijiex indipendenti u tintuża biex tikser b’mod sistematiku u gravi d-drittijiet tal-bniedem tal-individwi li jopponu r-reġim fil-gvern, billi tikser il-libertà tagħhom tal-opinjoni u tal-espressjoni. F’dak il-kuntest, Krapko kien involut fil-kampanji ta’ persekuzzjoni sistematika kontra l-komunità tat-Tatari tal-Krimea u membri tax-Xhieda ta’ Jehovah minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom. Għalhekk, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa u fit-territorji okkupati minnha, inkluż ksur tal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni. |
8.9.2023 |
68. |
Anastasia Ivanovna SUPRYAGA |
Анастасия Ивановна СУПРЯГА (ortografija Russa) |
Pożizzjoni(jiet): Prosekutur fil-“Prosecutor’s Office of Crimea” Data tat-twelid: 15.3.1983 Post tat-twelid: Vinohradove, Saksky district, Autonomous Republic of Crimea, Ukraine Nazzjonalità: Russa Sess: mara |
Anastasia Supryaga hija prosekutur tal-“Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Krimea” stabbilita mill-forza okkupanti tar-Russja fil-Krimea annessa illegalment. F’dik il-pożizzjoni, ħadet sehem fil-proċedimenti tal-qorti politikament motivati u l-prosekuzzjoni ta’ Akhtem Chiygoz, Viċi President tal-Mejlis tal-poplu Tatar tal-Krimea u ta’ membri tal-komunità tat-Tatari tal-Krimea, inkluż Nariman Dzhelyalov. F’dak il-kuntest, Supryaga kienet involuta fil-kampanji ta’ persekuzzjoni sistematika kontra l-komunità tat-Tatari tal-Krimea u membri tax-Xhieda ta’ Jehovah tal-Krimea minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom. Għalhekk, hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa u fit-territorji okkupati minnha, inkluż arresti jew detenzjonijiet arbitrarji. |
8.9.2023”. |