1.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 216/105


DEĊIŻJONI (UE) 2023/1681 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-17 ta’ Awwissu 2023

dwar l-għoti lill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ data superviżorja rrapportata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-entitajiet taħt superviżjoni (BĊE/2023/18)

(riformulazzjoni)

IL-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 21 u l-Artikolu 140(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord Superviżorju,

Billi:

(1)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar regolari skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2070 (4), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/451 (5) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/453 (6).

(2)

Fi ħdan il-qafas tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu kompetenza esklużiva biex iwettaq, għal għanijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti stipulati fl-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament. Il-BĊE għandu, meta jwettaq dawk il-kompiti, jiżgura konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jimponu rekwiżiti prudenzjali fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward tar-rapportar.

(3)

Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), kemm il-BĊE kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) huma soġġetti għal obbligu li jiskambjaw l-informazzjoni. Mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-BĊE li jirċievi direttament informazzjoni rrapportata minn istituzzjonijiet tal-kreditu, jew li jkollu aċċess dirett għal dik l-informazzjoni fuq bażi kontinwa, l-ANK għandhom jipprovdu speċifikament lill-BĊE l-informazzjoni meħtieġa kollha għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(4)

Skont l-Artikolu 140(3) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), l-entitajiet taħt superviżjoni huma obbligati li jikkomunikaw lill-ANK rilevanti tagħhom kull informazzjoni li għandha tiġi rrapportata fuq bażi regolari, skont il-liġi tal-Unjoni rilevanti. Ħlief jekk ikun ipprovdut speċifikament mod ieħor, kull informazzjoni rrapportata mill-entitajiet taħt superviżjoni hija meħtieġa li tiġi ppreżentata lill-ANK. L-ANK huma meħtieġa jwettqu l-verifiki tad-data inizjali u jagħmlu l-informazzjoni rrapportata mill-entitajiet taħt superviżjoni disponibbli għall-BĊE.

(5)

Sabiex jiġu eżerċitati l-kompiti tal-BĊE fir-rigward ta’ rapportar superviżorju, jeħtieġ li jiġi speċifikat ulterjorment il-mod kif l-ANK jissottomettu lill-BĊE l-informazzjoni li huma jirċievu mingħand entitajiet taħt superviżjoni. Għal dan l-għan, fl-2014, il-BĊE adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/29 tal-Bank Ċentrali Ewropew (7), li tiddefinixxi l-formati, il-frekwenza u ż-żmien fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ tali informazzjoni, kif ukoll id-dettalji tal-kontrolli tal-kwalità li l-ANK għandhom iwettqu qabel ma jissottomettu informazzjoni lill-BĊE.

(6)

Id-Deċiżjoni BĊE/2014/29 ġiet emendata sostanzjalment bosta drabi (8). Billi jridu jsiru emendi ulterjuri, dik id-Deċiżjoni għandha tkun riformulata fl-interessi taċ-ċarezza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u Kamp ta’ applikazzjoni

Bis-saħħa tal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), din id-Deċiżjoni tistabbilixxi proċeduri li jikkonċernaw is-sottomissjoni lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ta’ informazzjoni rrapportata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) minn entitajiet taħt superviżjoni, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2070, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/451 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/453.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet fir-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17)

Artikolu 3

Dati ta’ rimessa

1.   L-ANK għandhom jissottomettu lill-BĊE l-informazzjoni msemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/451 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/453 u rrapportata lilhom mill-entitajiet taħt superviżjoni skont dan li ġej:

(a)

għal entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni, malli jirċievu sottomissjonijiet ta’ data, u wara li jwettqu l-kontrolli inizjali tad-data speċifikati fl-Artikolu 6, l-ANK għandhom jissottomettu l-informazzjoni kollha lill-BĊE mingħajr dewmien żejjed;

(b)

għal entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni li jirrapportaw fuq bażi konsolidata jew fuq bażi individwali, jekk ma jkunux meħtieġa jirrapportaw fuq bażi konsolidata u li jkunu inklużi fil-lista tal-Ikbar Istituzzjonijiet fl-Istat Membru kif ippubblikata mill-ABE skont l-Artikolu 2(6) tad-Deċiżjoni tal-ABE tas-27 ta’ Lulju 2021 dwar ir-rapportar superviżorju mill-awtoritajiet kompetenti lill-ABE (ABE/DC/404) (9), l-ANK għandhom jissottomettu lill-BĊE dik l-informazzjoni sa 12:00 Ħin tal-Ewropa Ċentrali (CET) sal-10 jum tax-xogħol wara d-dati ta’ rimessa rilevanti msemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/451 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/453;

(c)

għal entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni li mhumiex koperti mill-punt (b), l-ANK għandhom jissottomettu l-informazzjoni kollha lill-BĊE sa 12:00 CET sal-25 jum tax-xogħol wara d-dati ta’ rimessa rilevanti msemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/451 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/453.

2.   L-ANK għandhom jissottomettu lill-BĊE l-informazzjoni msemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2070 skont dan li ġej:

(a)

għal entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni, malli jirċievu sottomissjonijiet ta’ data, u wara li jwettqu l-kontrolli inizjali tad-data speċifikati fl-Artikolu 6, l-ANK għandhom jissottomettu l-informazzjoni kollha lill-BĊE mingħajr dewmien żejjed;

(b)

għal entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni li jirrapportaw fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fl-Istati Membri parteċipanti, sa fejn dawn jirrappreżentaw l-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fl-Unjoni, u għal entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni fuq bażi individwali jekk ma jkunux parti minn grupp taħt superviżjoni, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-ABE tal-5 ta’ Ġunju 2020 dwar data għall-parametraġġ referenzjarju superviżorju (ABE/DC/2020/337) (10), l-ANK għandhom jissottomettu lill-BĊE d-data kollha sa 12:00 CET sal-10 jum tax-xogħol wara d-data ta’ rimessa rilevanti għal kull partita ta’ data msemmi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2070;

(c)

għal entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni li mhumiex koperti mill-punt (b), l-ANK għandhom jirrapportaw l-informazzjoni kollha lill-BĊE sal-ħin tal-għeluq tal-jum tax-xogħol fil-25 jum tax-xogħol wara d-data ta’ rimessa rilevanti għal kull partita ta’ data msemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2070.

Artikolu 4

Kontrolli tal-kwalità tad-data

1.   L-ANK għandhom:

(a)

jimmonitorjaw u jivvalutaw l-kwalità u l-affidabbiltà tal-informazzjoni magħmula disponibbli lill-BĊE skont din id-Deċiżjoni;

(b)

japplikaw ir-regoli ta’ validazzjoni rilevanti żviluppati, miżmuma u ppubblikati mill-ABE;

(c)

japplikaw kontrolli addizzjonali tal-kwalità tad-data ddefiniti mill-BĊE f’kooperazzjoni mal-ANK.

2.   L-ANK għandhom iwettqu l-valutazzjoni tal-kwalità tagħhom tad-data sottomessa lilhom f’konformità ma’ dan li ġej:

(a)

għall-entitajiet taħt superviżjoni li ġejjin, sal-10 jum tax-xogħol wara d-dati ta’ rimessa rilevanti msemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/451, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/453, u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2070;

(i)

entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti;

(ii)

entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni li ma humiex parti minn grupp taħt superviżjoni;

(iii)

entitajiet taħt superviżjoni li huma kklassifikati bħala sinifikanti skont il-kriterju tat-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu l-iktar sinifikanti fl-Istat Membru tagħhom u li jirrapportaw fuq bażi konsolidata jew fuq bażi individwali, jekk mhumiex meħtieġa jirrapportaw fuq bażi kkonsolidata;

(iv)

entitajiet taħt superviżjoni oħra li jirrapportaw fuq bażi konsolidata jew fuq bażi individwali, jekk mhumiex meħtieġa jirrapportaw fuq bażi konsolidata u li huma inklużi fil-lista tal-Ikbar Istituzzjonijiet fl-Istat Membru kif ippubblikat mill-ABE skont l-Artikolu 2(6) tad-Deċiżjoni ABE/DC/2021/404;

(b)

għall-entitajiet taħt superviżjoni sinifikanti li mhumiex koperti bil-punt (a), sal-25 jum tax-xogħol wara d-dati ta’ rimessa rilevanti msemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/451, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/453, u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2070.

3.   Minbarra l-konformità mar-regoli ta’ validazzjoni u l-kontrolli tal-kwalità tad-data msemmija fil-paragrafu 1, l-informazzjoni għandha tiġi sottomessa skont l-istandards minimi addizzjonali li ġejjin għall-eżattezza:

(a)

l-ANK għandhom jipprovdu informazzjoni, jekk applikabbli, dwar l-iżviluppi sottointiżi mill-informazzjoni ppreżentata; u

(b)

l-informazzjoni għandha tkun kompluta, il-lakuni eżistenti għandhom jiġu rikonoxxuti u spjegati lill-BĊE u, jekk applikabbli, dawn il-lakuni għandhom jimtlew mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 5

Informazzjoni kwalitattiva

1.   L-ANK għandhom jissottomettu lill-BĊE mingħajr dewmien żejjed l-ispjegazzjonijiet korrispondenti f’każ li l-kwalità tad-data għal tabella partikolari fit-tassonomija ma tkunx iġġustifikata.

2.   L-ANK għandhom jikkomunikaw dan li ġej lill-BĊE:

(a)

ir-raġunijiet għal kwalunkwe sottomissjoni mill-ġdid minn entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni;

(b)

raġunijiet għal kwalunkwe reviżjoni sinifikanti sottomessa minn entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni.

Għall-finijiet tal-punt (b), “reviżjoni sinifikanti” tfisser kwalunkwe reviżjoni ta’ punt tad-data wieħed jew aktar, kemm f’termini ta’ ċifri assoluti rrapportati kif ukoll f’termini ta’ perċentwal ta’ varjazzjonijiet, li jħallu impatt sinifikanti fuq l-analiżi prudenzjali jew finanzjarja li ssir bl-użu ta’ dawn il-punti tad-data fil-livell tal-entità.

Artikolu 6

Format tat-trażmissjoni

1.   L-ANK għandhom jissottomettu l-informazzjoni speċifikata f’din id-Deċiżjoni skont il-Mudell tal-Punti tad-Data rilevanti u t-tassonomija applikabbli eXtensible Business Reporting Language (XBRL), żviluppata, miżmuma u ppubblikata mill-ABE.

2.   F’konformità mal-Artikolu 140(3) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), malli jirċievu l-informazzjoni msemmija f’din id-Deċiżjoni, l-ANK għandhom iwettqu kontrolli inizjali tad-data biex jiżguraw li s-sottomissjonijiet jikkostitwixxu rapport XBRL validu f’konformità mal-paragrafu 1.

3.   L-entitajiet taħt superviżjoni għandhom jiġu identifikati fit-trażmissjoni korrispondenti bl-użu ta’ Legal Entity Identifier.

Artikolu 7

Revoka

1.   Id-Deċiżjoni BĊE/2014/29 hija rrevokata.

2.   Ir-referenzi għad-Deċiżjoni rrevokata għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lid-destinatarji.

Artikolu 9

Destinatarji

Din id-Deciżjoni hija indirizzata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri partecipanti.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-17 ta’ Awwissu 2023.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2070 tal-14 ta’ Settembru 2016 li jistipula l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-formoli, definizzjonijiet, u soluzzjonijiet tal-IT li għandhom jintużaw mill-istituzzjonijiet meta jirrapportaw lill-Awtorità Bankarja Ewropea u lil awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 78(2) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 2.12.2016, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/451 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rapportar superviżorju tal-istituzzjonijiet u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 (ĠU L 97, 19.3.2021, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/453 tal-15 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi ta’ rapportar għar-riskju tas-suq (ĠU L 89, 16.3.2021, p. 3).

(7)  Id-Deċiżjoni BĊE/2014/29 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta’ Lulju 2014 dwar l-għoti lill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ dejta superviżorja rrapporata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-entitajiet taħt superviżjoni (ĠU L 214, 19.7.2014, p. 34).

(8)  Ara l-Anness I.

(9)  Disponibbli fuq is-sit web tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) fuq www.eba.europa.eu

(10)  Disponibbli fuq is-sit web tal-ABE.


ANNESS I

Deċiżjoni rrevokata b’lista tal-emendi suċċessivi tagħha

Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 2 ta’ Lulju 2014 dwar l-għoti lill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ dejta superviżorja rrapporata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-entitajiet taħt superviżjoni skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 (BĊE/2014/29) (ĠU L 214 19.7.2014, p. 34).

Deċiżjoni (UE) 2017/1493 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Awwissu 2017 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/29 dwar l-għoti lill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ dejta superviżorja rrapportata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-entitajiet taħt superviżjoni skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 (BĊE/2017/23) (ĠU L 216 22.8.2017, p. 23).

Deċiżjoni (UE) 2021/1396 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta’ Awwissu 2021 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/29 dwar l-għoti lill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ dejta superviżorja rrapportata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-entitajiet taħt superviżjoni skont ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 u (UE) 2016/2070 (BĊE/2021/39) (ĠU L 300, 24.8.2021, p. 74).


ANNESS II

Tabella ta’ korrelazzjoni

Deċiżjoni BĊE/2014/29

Din id-Deċiżjoni

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, punt (b)

Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, punt (a), u 5(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(3)

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 7a

Artikolu 7b

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9