21.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 206/70


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1646

tas-17 ta’ Awwissu 2023

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/76 fir-rigward tal-istandards armonizzati dwar regoli tas-sikurezza għall-kostruzzjoni u l-installazzjoni tal-liftijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-liftijiet u l-komponenti tas-sikurezza għal-liftijiet li jkunu konformi mal-istandards armonizzati, jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu preżunti konformi mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva koperti minn dawk l-istandards, jew minn partijiet minnhom.

(2)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 5884 (3), il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) biex jabbozza standards armonizzati billi jirrevedi l-istandards armonizzati eżistenti b’appoġġ għad-Direttiva 2014/33/UE biex jiżgura li jibqgħu jirriflettu l-aħħar avvanzi rikonoxxuti b’mod ġenerali u jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2014/33/UE u, meta rilevanti, ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif stabbilit fil-punt 1.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2014/33/UE.

(3)

Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 5884, is-CEN irreveda l-istandards armonizzati EN 81-21:2009 kif emendat b’EN 81-21:2009+A1:2012, EN 81-28:2003, EN 81-58:2003, EN 81-70:2003 kif emendat b’EN 81-70:2003/A1:2004 u l-istandard armonizzat EN 81-77:2013, li r-referenza tiegħu hija ppubblikata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/76 (5). Ir-reviżjoni saret biex dawk l-istandards jiġu adattati għall-qafas legali tad-Direttiva 2014/33/UE u biex jiżdiedu ċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali billi tingħata informazzjoni aktar preċiża fl-Anness ZA ta’ dawk l-istandards u jiddaħħlu referenzi normattivi datati. Għaldaqstant, is-CEN adotta l-istandards EN 81-21:2022 dwar il-liftijiet ġodda għall-passiġġieri u għal oġġetti u passiġġieri f’bini eżistenti, EN 81-28:2022 dwar l-allarm mill-bogħod f’liftijiet għal passiġġieri u liftijiet għal passiġġieri u oġġetti, EN 81-58:2022 dwar it-test ta’ reżistenza għan-nar tal-bibien li jagħtu għal indana, EN 81-70:2021+A1:2022 dwar l-aċċessibbiltà għal liftijiet għal persuni inkluż il-persuni b’diżabbiltà, u l-istandard armonizzat EN 81-77:2022 dwar il-liftijiet soġġetti għal kundizzjonijiet siżmiċi, iżda ma sar l-ebda tibdil tekniku sostantiv f’dawn l-istandards.

(4)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandards armonizzati EN 81-21:2022, EN 81-28:2022, EN 81-58:2022, EN 81-70:2021+A1:2022 u l-istandard armonizzat EN 81-77:2022 kinux konformi mat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2016) 5884.

(5)

L-istandards armonizzati EN 81-21:2022, EN 81-28:2022, EN 81-58:2022, EN 81-70:2021+A1:2022 u EN 81-77:2022 jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza li għandhom l-għan ikopru u li huma stabbiliti fid-Direttiva 2014/33/UE. Għalhekk, jixraq li r-referenzi ta’ dawk l-istandards jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/76 jipprovdi r-referenzi tal-istandards armonizzati li jikkonferixxu preżunzjoni ta’ konformità mad-Direttiva 2014/33/UE. Biex ikun żgurat li r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/33/UE jkunu elenkati kollha f’att wieħed, ir-referenzi tal-istandards armonizzati EN 81-21:2022, EN 81-28:2022, EN 81-58:2022, EN 81-70:2021+A1:2022 u EN 81-77:2022 jenħtieġ li jiġu inklużi f’dak l-Anness.

(7)

Jeħtieġ jiġu rtirati r-referenzi tal-istandards armonizzati EN 81-21:2009 kif emendat b’EN 81-21:2009+A1:2012, EN 81-28:2003, EN 81-58:2003, EN 81-70:2003 kif emendat b’EN 81-70:2003/A1:2004 u l-istandard armonizzat EN 81-77:2013 ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, peress li dawk l-istandards ġew riveduti. Għalhekk jixraq li dawk ir-referenzi jitħassru mill-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/76.

(8)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/76 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(9)

Biex il-manifatturi jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju għall-applikazzjoni tal-istandards riveduti, jeħtieġ jiġi differit l-irtirar tar-referenzi tal-istandards armonizzati EN 81-21:2009 kif emendat b’EN 81-21:2009+A1:2012, EN 81-28:2003, EN 81-58:2003, EN 81-70:2003 kif emendat b’EN 81-70:2003/A1:2004 u l-istandard armonizzat EN 81-77:2013.

(10)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza tat-tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/76 hu emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punti (1), (3), (5), (7) u (9) tal-Anness għandhom japplikaw mill-21 ta’ Frar 2025.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Id-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal liftijiet u komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet (ĠU L 96, 29.3.2014 p. 251).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 5884 tal-21 ta’ Settembru 2016 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni rigward il-liftijiet u l-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet b’appoġġ għad-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(4)  Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/76 tas-26 ta’ Jannar 2021 dwar standards armonizzati għal-liftijiet u għall-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 27, 27.1.2021, p. 20).


ANNESS

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrata 2 hija mħassra;

(2)

tiddaħħal l-entrata 2a li ġejja:

“2a.

EN 81-21:2022

Regoli tas-sikurezza għall-kostruzzjoni u l-installazzjoni tal-liftijiet – Liftijiet għat-trasport ta’ persuni u oġġetti – Parti 21: Liftijiet ġodda għall-passiġġieri u għal oġġetti u passiġġieri f’bini eżistenti”;

(3)

l-entrata 4 hija mħassra;

(4)

tiddaħħal l-entrata 4a li ġejja:

“4a.

EN 81-28:2022

Regoli tas-sikurezza għall-kostruzzjoni u l-installazzjoni tal-liftijiet – Liftijiet għat-trasport ta’ persuni u oġġetti – Parti 28: Alarm mill-bogħod f’liftijiet għal passiġġieri u liftijiet għal passiġġieri u oġġetti”;

(5)

l-entrata 6 hija mħassra;

(6)

tiddaħħal l-entrata 6a li ġejja:

“6a.

EN 81-58:2022

Regoli tas-sikurezza għall-kostruzzjoni u l-installazzjoni tal-liftijiet – Eżamijiet u testijiet – Parti 58: Test ta’ reżistenza għan-nar tal-bibien li jagħtu għal indana”;

(7)

l-entrata 7 hija mħassra;

(8)

tiddaħħal l-entrata 7a li ġejja:

“7a.

EN 81-70:2021+A1:2022 Regoli tas-sikurezza għall-kostruzzjoni u l-installazzjoni tal-liftijiet – Applikazzjonijiet partikolari għal liftijiet għal passiġġieri u liftijiet għal passiġġieri u oġġetti – Parti 70: Aċċessibbiltà għal liftijiet għal persuni inkluż il-persuni b’diżabbiltà,”

(9)

l-entrata 11 hija mħassra;

(10)

tiddaħħal l-entrata 11a li ġejja:

“11a.

EN 81-77:2022

Regoli tas-sikurezza għall-kostruzzjoni u l-installazzjoni tal-liftijiet – Applikazzjonijiet partikolari għal liftijiet għal passiġġieri u liftijiet għal passiġġieri u oġġetti – Parti 77: Liftijiet soġġetti għal kundizzjonijiet siżmiċi”.