14.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/22


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1633

tal-10 ta’ Awwissu 2023

li tirrifjuta applikazzjoni għall-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(“Лидское пиво/Lidskoe pivo/Лiдскае пiва/Lidskae piva” (IĠP))

(notifikata bid-dokument C(2023) 5372)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(1) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta’ “Лидское пиво/Lidskoe pivo/Лiдскае пiва/Lidskae piva” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP). L-applikazzjoni tirreferi għal birra prodotta fil-belt ta’ Lida fil-Belarussja u tressqet mill-Kumpanija b’Ishma Konġunti “Lidskoe Pivo” mill-Belarussja fil-21 ta’ Lulju 2021 (PGI-BY-02789).

(2)

Wara l-iskrutinju, il-Kummissjoni bagħtet ittra li fiha talbet kjarifika ta’ wħud mill-aspetti tal-fajl. B’mod partikolari, filwaqt li jitqies li l-ilma għall-produzzjoni ta’ “Лидское пиво/Lidskoe pivo/Лiдскае пiва/Lidskae piva” għandu jiġi minn nixxigħat partikolari li jinsabu fuq art li tkun proprjetà tal-applikant, u l-produzzjoni tal-prodott issir skont “struzzjoni teknoloġika unika separata”, (kif iddikjarat fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott inizjali), is-sid u l-uniku utent li huwa l-applikant, l-applikant intalab jispjega jekk il-parteċipazzjoni ta’ produtturi oħra hijiex possibbli f’konformità mal-prinċipji tal-iskema ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi fl-UE.

(3)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat li persuna fiżika jew ġuridika unika tista’ tiġi ttrattata bħala grupp, meta tressaq applikazzjoni, meta jintwera li ż-żewġ kundizzjonijiet tal-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ikunu ssodisfati: (a) il-persuna kkonċernata tkun l-uniku produttur lest li jressaq applikazzjoni; u (b) fir-rigward ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, iż-żona ġeografika ddefinita jkollha karatteristiċi li jvarjaw sew minn dawk ta’ żoni ġirien jew il-karatteristiċi tal-prodott ikunu differenti minn dawk prodotti f’żoni ġirien. L-applikant intalab jipprovdi tali ġustifikazzjonijiet.

(4)

Fit-tweġiba, l-applikant ipprovda Dokument Uniku u Speċifikazzjoni tal-Prodott aġġornati, li skonthom il-Kumpanija b’Ishma Konġunti “Lidskoe Pivo” hija l-uniku sid u operatur tal-bjar li jridu jintużaw għall-produzzjoni ta’ “Лидское пиво/Lidskoe pivo/Лiдскае пiва/Lidskae piva” u li l-proċess kollu tal-produzzjoni jsir fit-territorju tal-belt ta’ Lida mill-applikant u skont “struzzjoni teknoloġika unika separata”, li s-sid u l-uniku utent tagħha huwa l-applikant.

(5)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u fl-ittra ta’ rifjut infurmat li jekk ma tasal l-ebda osservazzjoni fi żmien xahrejn mill-wasla tal-ittra, biħsiebha tniedi l-proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni formali tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(6)

Il-Kummissjoni qieset li s-sistema tal-IĠ ġiet żviluppata u mfassla sabiex tippermetti lill-produtturi, ta’ ċertu żona u li l-prodott tagħhom ikun distint minn kwalunkwe prodott ieħor fis-suq minħabba l-ambjent naturali/soċjali li fih ikun ġie prodott, jipproteġu l-prodotti tagħhom.

(7)

Il-Kummissjoni qieset li huwa ċar li l-parteċipazzjoni ta’ produtturi oħra mhijiex possibbli fil-każ ta’ “Лидское пиво/Lidskoe pivo/Лiдскае пiва/Lidskae piva”, meta l-applikant ikun l-uniku sid u operatur tal-bjar li jridu jintużaw għall-produzzjoni tal-prodott inkwistjoni.

(8)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li s-sid u l-uniku utent tal-“istruzzjoni teknoloġika unika separata”, li skontha l-prodott jiġi prodott, huwa l-applikant. Għalhekk, il-karatteristiċi tal-prodott mhumiex attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu kif meħtieġ mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 iżda għal metodu ta’ produzzjoni speċjali li huwa fil-pussess esklużiv tal-applikant.

(9)

Barra minn hekk, l-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jipprevedi li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni tal-IĠ jenħtieġ li bħala regola jitressqu minn grupp ta’ produtturi. Huwa biss meta l-kundizzjonijiet addizzjonali tal-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, jiġu ssodisfati, li produttur uniku jista’ japplika għal tali protezzjoni. Il-Kummissjoni nnotat li l-applikant ma pprovda l-ebda ġustifikazzjoni f’dan ir-rigward.

(10)

L-applikant wieġeb għall-ittra ta’ rifjut mibgħuta mill-Kummissjoni li l-bjar infushom ma jiddeterminawx il-kompożizzjoni speċjali tal-ilma, iżda li l-ilma huwa uniku minħabba s-sorsi naturali tal-ilma ta’ taħt l-art li jinsabu fil-belt ta’ Lida. Fil-fehma tal-applikant, ma hemm l-ebda ostaklu għal xi produttur ieħor li jopera bir ġdid jew li jakkwista drittijiet għal xi bir eżistenti.

(11)

L-applikant spjega li r-rabtiet bejn il-prodott u ż-żona ġeografika jintwerew fid-dokumentazzjoni pprovduta u li l-użu ta’ teknoloġija ta’ produzzjoni speċjali ma jikkontradixxix ir-rekwiżiti.

(12)

L-applikant informa li milli jidher il-Kumpanija b’Ishma Konġunti “Lidskoe Pivo” hija l-uniku produttur li lest iressaq l-applikazzjoni u li l-ilma pprovdut mis-sorsi naturali fil-belt ta’ Lida għandu karatteristiċi uniċi li jikkontribwixxu l-iktar għall-awtentiċità tal-prodott.

(13)

L-applikant ma pprovda l-ebda kumment rigward “struzzjoni teknoloġika unika separata” iżda ssostitwixxa d-dikjarazzjoni b’referenza għal “trattament tal-ilma”.

(14)

Il-Kummissjoni qieset il-kjarifiki pprovduti mill-applikant u tikkonkludi li l-applikazzjoni inkwistjoni ma tippermettix il-parteċipazzjoni ta’ produtturi possibbli oħra.

(15)

Skont id-Dokument Uniku aġġornat “l-applikant huwa s-sid u l-operatur ta’ żewġ bjar alimentati mill-akwifer ta’ taħt l-art li jinsab fil-belt ta’ Lida. L-ilma għall-produzzjoni ta’ “Лидское пиво/Lidskoe pivo/Лiдскае пiва/Lidskae piva” qed jiġi esklużivament minn dan is-sors”. Għalhekk, l-operaturi li jixtiequ jaderixxu mar-regoli tal-produzzjoni tal-birra inkwistjoni jiffaċċjaw ostakli li mhumiex oġġettivament iġġustifikati peress li l-bjar huma proprjetà tal-applikant u jinsabu fuq art li hu s-sid tagħha.

(16)

Barra minn hekk, skont l-Ispeċifikazzjoni tal-prodott aġġornata, “l-ippakkjar u l-produzzjoni ta’ “Лидское пиво/Lidskoe pivo/Лiдскае пiва/Lidskae piva” ssir mill-Kumpanija b’Ishma Konġunti “Lidskoe Pivo” nnifisha li tikkonferma li, għall-kuntrarju tal-prinċipji tal-iskema tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fl-UE, il-parteċipazzjoni ta’ produtturi oħra mhijiex possibbli.

(17)

It-tekniki tal-produzzjoni huma deskritti wkoll b’mod ġenerali, mingħajr ma jiġu pprovduti xi dettalji li jippermettu l-parteċipazzjoni ta’ produtturi potenzjali oħra.

(18)

L-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jikkonferixxu, għad-differenza ta’ trademarks individwali, drittijiet kollettivi u għall-kuntrarju ta’ trademarks li jkunu proprjetà ta’ detenturi identifikabbli b’mod ċar, l-IĠ jitqiesu li huma proprjetà ta’ komunità astratta kollettiva, li tinkludi l-produtturi kollha — attwali jew potenzjali — li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni relatata. Dan ifisser li kwalunkwe produttur li jirrispetta r-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jista’ juża d-deżinjazzjoni protetta.

(19)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ “Лидское пиво/Lidskoe pivo/Лiдскае пiва/Lidskae piva” bħala IĠP ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jiġifieri l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 49(1) tar-Regolament imsemmi.

(20)

Għalhekk, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-ismijiet “Лидское пиво/Lidskoe pivo/Лiдскае пiва/Lidskae piva” jenħtieġ li tiġi rrifjutata.

(21)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Лидское пиво/Lidskoe pivo/Лiдскае пiва/Lidskae piva” hija rrifjutata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-rappreżentant legali tal-applikant:

EUROMARKPAT GERMANY

v.Füner Ebbinghaus Finck Hano

European Patent, Trademark and Design Attorneys

Mariahilfplatz 3

81541 München

Il-Ġermanja

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kummissjoni

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.