11.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/7


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1628

tal-10 ta’ Awwissu 2023

li tirrifjuta talba għall-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(“Лидский квас/Lidski kvas” (IĠP))

(notifikata bid-dokument C(2023) 5371)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(1) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-ismijiet “Лидский квас/Lidski kvas” bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP). L-applikazzjoni tirreferi għal xarba ffermentata prodotta fil-belt ta’ Lida fil-Belarussja u tressqet mill-Kumpanija b’Ishma Konġunti “Lidskoe Pivo” mill-Belarussja fil-21 ta’ Lulju 2021 (PGI-BY-02788).

(2)

Wara l-iskrutinju, il-Kummissjoni bagħtet ittra li fiha talbet kjarifika ta’ wħud mill-aspetti tal-fajl. B’mod partikolari, filwaqt li jitqies li l-ilma għall-produzzjoni ta’ “Лидский квас/Лiдскi квас” għandu jiġi minn nixxigħat partikolari li jinsabu fuq art li tkun proprjetà tal-applikant, u l-produzzjoni tal-prodott issir skont “struzzjoni teknoloġika unika separata”, kif iddikjarat fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, is-sid u l-uniku utent li huwa l-applikant, l-applikant intalab jispjega jekk il-parteċipazzjoni ta’ produtturi oħra hijiex possibbli f’konformità mal-prinċipji tal-iskema ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi fl-UE.

(3)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat li persuna fiżika jew ġuridika unika tista’ tiġi ttrattata bħala grupp, meta tressaq applikazzjoni, meta jintwera li ż-żewġ kundizzjonijiet tal-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ikunu ssodisfati: (a) il-persuna kkonċernata tkun l-uniku produttur lest li jressaq applikazzjoni; u (b) fir-rigward ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, iż-żona ġeografika ddefinita jkollha karatteristiċi li jvarjaw sew minn dawk ta’ żoni ġirien jew il-karatteristiċi tal-prodott ikunu differenti minn dawk prodotti f’żoni ġirien. L-applikant intalab jipprovdi tali ġustifikazzjonijiet.

(4)

Fit-tweġiba, l-applikant ipprovda Dokument Uniku u Speċifikazzjoni tal-Prodott aġġornati, li skonthom il-Kumpanija b’Ishma Konġunti “Lidskoe Pivo” hija l-uniku sid u operatur tal-bjar li jridu jintużaw għall-produzzjoni ta’ “Лидский квас/Lidski kvas” u li l-proċess kollu tal-produzzjoni jsir fit-territorju tal-belt ta’ Lida mill-applikant u skont “struzzjoni teknoloġika unika separata”, li s-sid u l-uniku utent tagħha huwa l-applikant.

(5)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u fl-ittra ta’ rifjut infurmat lill-applikant li jekk ma tasal l-ebda osservazzjoni fi żmien xahrejn mill-wasla tal-ittra, biħsiebha tniedi l-proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni formali tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(6)

Il-Kummissjoni qieset li s-sistema tal-IĠ ġiet żviluppata u mfassla sabiex tippermetti lill-produtturi, ta’ ċertu żona u li l-prodott tagħhom ikun distint minn kwalunkwe prodott ieħor fis-suq minħabba l-ambjent naturali/soċjali li fih ikun ġie prodott, jipproteġu l-prodotti tagħhom.

(7)

Il-Kummissjoni qieset li l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jikkonferixxu, għad-differenza ta’ trademarks individwali, drittijiet kollettivi u għall-kuntrarju ta’ trademarks li jkunu proprjetà ta’ detenturi identifikabbli b’mod ċar, l-IĠ jitqiesu li huma proprjetà ta’ komunità astratta kollettiva, li tinkludi l-produtturi kollha — attwali jew potenzjali — li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni relatata. Dan ifisser li kwalunkwe produttur li jirrispetta r-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jista’ juża d-deżinjazzjoni protetta.

(8)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li huwa ċar li l-parteċipazzjoni ta’ produtturi oħra mhijiex possibbli fil-każ ta’ “Лидский квас/Lidski kvas”, meta l-applikant ikun l-uniku sid u operatur tal-bjar li jridu jintużaw għall-produzzjoni tal-prodott inkwistjoni.

(9)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li s-sid u l-uniku utent tal-“istruzzjoni teknoloġika unika separata”, li skontha l-prodott jiġi prodott, huwa l-applikant. Għalhekk, il-karatteristiċi tal-prodott mhumiex attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu kif meħtieġ mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 iżda għal “metodu ta’ produzzjoni speċjali”, kif deskritt mill-applikant, li huwa fil-pussess esklużiv tal-applikant. It-tekniki tal-produzzjoni huma deskritti b’mod ġenerali billi sempliċement ġew elenkati l-passi tal-produzzjoni, mingħajr ma ġew ipprovduti xi dettalji li jippermettu l-parteċipazzjoni ta’ produtturi potenzjali oħra.

(10)

Barra minn hekk, l-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jipprevedi li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni tal-IĠ jenħtieġ li bħala regola jitressqu minn grupp ta’ produtturi. Huwa biss meta l-kundizzjonijiet addizzjonali tal-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, jiġu ssodisfati, li produttur uniku jista’ japplika għal tali protezzjoni. Il-Kummissjoni nnotat li l-applikant ma pprovda l-ebda ġustifikazzjoni f’dan ir-rigward.

(11)

L-applikant ma weġbitx għall-ittra ta’ rifjut li ntbagħtet mill-Kummissjoni fl-iskadenza stabbilita.

(12)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ “Лидский квас/Lidski kvas” bħala IĠP ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jiġifieri l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 49(1) tar-Regolament imsemmi.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li l-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Лидский квас/Lidski kvas” bħala indikazzjoni ġeografika protetta tiġi rrifjutata.

(14)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Лидский квас/Lidski kvas” hija rrifjutata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-rappreżentant legali tal-applikant:

EUROMARKPAT GERMANY

v.Füner Ebbinghaus Finck Hano

European Patent, Trademark and Design Attorneys

Mariahilfplatz 3

81541 München

Il-Ġermanja

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kummissjoni

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.