4.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/35


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1600

tat-3 ta’ Awwissu 2023

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 dwar Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ April 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 (1), li stabbiliet il-Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) b’mandat sad-19 ta’ Settembru 2018.

(2)

Fit-28 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1334 (2), li estendiet l-EUTM RCA sal-20 ta’ Settembru 2023 u emendat il-mandat tagħha.

(3)

Fit-13 ta’ Lulju 2023, abbażi tal-eżami strateġiku olistiku tal-EUTM RCA u tal-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA), il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà irrakkomanda li l-mandat tal-EUTM RCA jiġi estiż, fil-prinċipju, sad-19 ta’ Settembru 2024 u li ssir valutazzjoni strateġika ta’ EUTM RCA u EUAM RCA mhux aktar tard minn Marzu 2024.

(4)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 10, jinżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-EUTM RCA għall-perjodu mill-20 ta’ Settembru 2023 sad-19 ta’ Settembru 2024 għandu jkun ta’ EUR 5 212 000. Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 51(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 għandu jkun 15 % f’impenji u 0 % għal pagamenti.”

;

(2)

fl-Artikolu 13, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Soġġett għal valutazzjoni strateġika li għandha titwettaq mill-KPS mhux aktar tard minn Marzu 2024, l-EUTM RCA għandha tintemm fid-19 ta’ Settembru 2024.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/610 tad-19 ta’ April 2016 dwar Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (ĠU L 104, 20.4.2016, p. 21).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1334 tat-28 ta’ Lulju 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 dwar missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (ĠU L 201, 1.8.2022, p. 27).