31.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 192/32


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1576

tat-28 ta’ Lulju 2023

li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Irlanda fir-Regolament (UE) 2021/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat il-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Wara li kkunsidrat in-notifika mill-Irlanda li tixtieq taċċetta u tkun marbuta bir-Regolament (UE) 2021/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 (1),

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Marzu 2023, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 21), li taċċetta u tkun marbuta bir-Regolament (UE) 2021/2303.

(2)

L-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) jipprovdu ċertu għadd ta’ esperti għar-riżerva ta’ intervent għall-ażil imsemmija fl-Artikolu 19(6) tar-Regolament (UE) 2021/2303. Sabiex l-Irlanda tkun tista’ tipparteċipa fir-Regolament (UE) 2021/2303, jeħtieġ li jiġi stabbilit, bħala kundizzjoni speċifika li għandha tiġi ssodisfata mill-Irlanda, li l-Irlanda jenħtieġ li tipprovdi lir-riżerva ta’ intervent għall-ażil għadd speċifiku ta’ esperti. Billi l-Irlanda, bl-istess mod bħall-Istati Membri li diġà qed jipparteċipaw fl-EUAA, aċċettat li tipprovdi għadd speċifiku ta’ esperti lir-riżerva ta’ intervent għall-ażil, il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-Irlanda ġew issodisfati, u l-parteċipazzjoni tagħha fir-Regolament (UE) 2021/2303 jenħtieġ li tiġi kkonfermata, f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 331(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Jenħtieġ li l-Irlanda tipprovdi l-għadd speċifiku ta’ esperti għar-riżerva ta’ intervent għall-ażil imsemmija fl-Artikolu 19(6) tar-Regolament (UE) 2021/2303 sakemm jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2021/2303 fir-rigward tar-riżerva ta’ intervent għall-ażil,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-parteċipazzjoni tal-Irlanda fir-Regolament (UE) 2021/2303 hija kkonfermata.

2.   L-Irlanda għandha tagħmel disponibbli tmien esperti għar-riżerva ta’ intervent għall-ażil imsemmija fl-Artikolu 19(6) tar-Regolament (UE) 2021/2303.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 468, 30.12.2021, p. 1.