|
31.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 192/19 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1573
tal-14 ta’ Lulju 2023
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea rigward id-deċiżjoni tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati dwar emendi għall-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Enerġija Rinnovabbli, il-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u l-Adattament għalih, u l-Proġetti tal-Ilma, li jinsab fl-Anness IV ta’ dak l-Arranġament
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l-“Arranġament”), żviluppati fi ħdan il-qafas tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (‘OECD’), inkluż il-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Enerġija Rinnovabbli, il-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u l-Adattament għalih, u l-Proġetti tal-Ilma (il-“Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima”) li jinsab fl-Anness IV tal-Arranġament, ġew trasposti u għalhekk saru legalment vinkolanti fl-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). |
|
(2) |
Il-Parteċipanti fl-Arranġament (il-“Parteċipanti”)għandhom jaqblu dwar emendi għall-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima bl-objettiv li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jitkabbar u li l-Anness III tiegħu jiġi eżaminat mill-ġdid. Jenħtieġ li kull emenda tkun konformi mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni skont il-Ftehim ta’ Pariġi u l-politika dwar il-klima tal-Unjoni. |
|
(3) |
Bħalissa, il-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima, li ġie aġġornat l-aħħar fl-2014, jiffoka biss fuq xi setturi tal-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni tal-enerġija. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima jillimita l-impatt tal-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima u ma jappoġġax b’mod effettiv l-impenji tal-Parteċipanti skont il-Ftehim ta’ Pariġi jew l-ambizzjonijiet tal-Unjoni kif espressi fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. |
|
(4) |
L-emendi proposti għall-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima jwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex jiġu inklużi esportazzjonijiet minn setturi tal-industrija li bħalissa mhumiex koperti minnu. B’hekk, l-emendi jippermettu li l-esportazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji applikabbli minn firxa usa’ ta’ setturi tal-industrija jibbenefikaw mit-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti skont il-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima. Dan imbagħad jippermetti lill-aġenziji tal-kreditu għall-esportazzjoni mill-Unjoni u Parteċipanti oħra jkollhom rwol akbar fl-appoġġ tat-tranżizzjoni ekoloġika u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Parteċipanti għandhom iwettqu rieżami tal-Appendiċi III sa tmiem l-2020, bil-ħsieb li jiġu vvalutati l-inizjattivi internazzjonali relatati mal-adattament, il-kundizzjonijiet tas-suq, u l-korp ta’ esperjenza żviluppat mill-proċess ta’ notifika biex jiġi ddeterminat jekk id-definizzjonijiet, il-kriterji, il-patti u l-kundizzjonijiet tal-proġett għandhomx jitkomplew u/jew jiġu emendati. Bħala parti mir-rieżami, deher ċar li l-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ proġetti ta’ adattament, li bħalissa jirrikjedu li l-adattament ikun l-objettiv prinċipali tal-proġett, mhumiex adatti għal tranżazzjonijiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni, li normalment jinvolvu wkoll attivitajiet kummerċjali biex jiġġeneraw fluss tal-flus. Konsegwentement, huwa xieraq li jiġu emendati l-kriterji għall-proġetti ta’ adattament stabbiliti fl-Appendiċi III tal-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima billi jiġu allinjati aktar mill-qrib mal-istandards użati mill-banek tal-iżvilupp. |
|
(6) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni rigward id-deċiżjoni tal-Parteċipanti dwar emendi għall-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima, peress li d-deċiżjoni ser tkun vinkolanti fuq l-Unjoni u tista’ tinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011. |
|
(7) |
Jenħtieġ għaldaqstant li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li jiġu appoġġati l-emendi abbażi tal-abbozz tal verżjoni konsolidata mehmuża tal-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni rigward id-deċiżjoni tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Arranġament dwar emendi għall-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Enerġija Rinnovabbli, il-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u l-Adattament għalih, u l-Proġetti tal-Ilma (il-“Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima”) li jinsab fl-Anness IV tal-Arranġament għandha tkun li jiġu appoġġati l-emendi abbażi tal-abbozz tal-verżjoni konsolidata tal-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima, mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni (2).
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
N. CALVIÑO SANTAMARÍA
(1) Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45).
(2) Ara d-dokument ST 10121/23 ADD1 fuq http://register.consilium.europa.eu.