27.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/42


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1551

tal-25 ta’ Lulju 2023

li tawtorizza lill-Ġermanja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-10 ta’ Novembru 2022, il-Ġermanja talbet awtorizzazzjoni għal miżura speċjali biex tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tintroduċi fatturazzjoni elettronika obbligatorja għat-tranżazzjonijiet kollha mwettqa bejn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tal-Ġermanja (il-“miżura speċjali”).

(2)

B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-8 ta’ Frar 2023, il-Ġermanja speċifikat li d-data mitluba tad-dħul fis-seħħ tal-miżura speċjali kienet l-1 ta’ Jannar 2025.

(3)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba magħmula mill-Ġermanja lill-Istati Membri l-oħra b’ittri datati t-22 ta’ Frar 2023. B’ittra datata t-23 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ġermanja li kellha l-informazzjoni kollha neċessarja biex tivvaluta t-talba.

(4)

Il-Ġermanja beħsiebha ddaħħal fis-seħħ il-miżura speċjali bħala l-ewwel pass fl-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ rapportar ibbażata fuq it-tranżazzjonijiet. Tali sistema ta’ rapportar tipprovdi benefiċċji fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Dan jippermetti identifikazzjoni aktar bikrija tal-ktajjen ta’ frodi tal-VAT mill-awtoritajiet tat-taxxa. Dan jippermetti wkoll lill- awtoritajiet tat-taxxa jivverifikaw il-konsistenza bejn il-VAT iddikjarata u l-VAT dovuta b’mod f’waqtu u awtomatiku. Is-sistema ta’ rapportar ibbażata fuq it-tranżazzjonijiet tippermetti li diskrepanzi bħal dawn jinstabu u jiġu ċċekkjati kmieni. Barra minn hekk, il-Ġermanja tistenna li l-aċċess f’waqtu għad-data tal-fatturi jneħħi l-ħtieġa għal talba aktar burokratika għall-fatturi mill-awtoritajiet tat-taxxa, filwaqt li jħaffef u jiffaċilita l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT.

(5)

Il-Ġermanja tqis li l-introduzzjoni tal-miżura speċjali ma tkunx ta’ piż kbir għall-persuni taxxabbli peress li, fil-Ġermanja, il-fatturazzjoni elettronika diġà hija prattika komuni f’ħafna setturi tal-ekonomija u hija obbligatorja fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Barra minn hekk, il-miżura speċjali tkun ta’ benefiċċju għall-persuni taxxabbli permezz tad-diġitalizzazzjoni tal-proċessi u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv tagħhom. Fl-aħħarnett, l-użu ta’ fatturi elettroniċi jipprovdi ffrankar fit-tul minħabba l-eliminazzjoni ta’ fatturi fuq karta, u b’hekk inaqqas il-kostijiet tal-ħruġ, it-trażmissjoni, l-ipproċessar u l-ħżin tal-fatturi.

(6)

Fit-8 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali. Il- Kummissjoni tipproponi li temenda l-Artikolu 218 u tħassar l-Artikolu 232 tad-Direttiva 2006/112/KE. Għalhekk huwa possibbli li tiġi adottata direttiva li temenda dawk l-Artikoli li tkun tippermetti lill-Istati Membri jimplimentaw fatturazzjoni elettronika obbligatorja u telimina l-ħtieġa li jintalbu aktar miżuri speċjali għal derogi mid-Direttiva 2006/112/KE. Għalhekk, mid-data li fiha l-Istati Membri jkunu meħtieġa japplikaw kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva li temenda dawk l-Artikoli, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika.

(7)

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ u n-natura ġdida tal-miżura speċjali, huwa importanti li jiġi evalwat l-impatt tagħha fuq il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fuq il-persuni taxxabbli. Għalhekk, jekk il-Ġermanja tqis li estensjoni tal-miżura speċjali hija neċessarja, jenħtieġ li tippreżenta lill-Kummissjoni, flimkien mat-talba għal estensjoni, rapport li jinkludi valutazzjoni tal-miżura speċjali dwar l-effettività tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fis-simplifikazzjoni tal-ġbir tal-VAT.

(8)

Jenħtieġ li l-miżura speċjali ma taffettwax id-dritt tal-klijenti li jirċievi fatturi fuq karta f’każ ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji.

(9)

Il-miżura speċjali jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien biex tippermetti li ssir valutazzjoni dwar jekk hijiex xierqa u effettiva fid-dawl tal-objettivi tagħha.

(10)

Il-miżura speċjali hija proporzjonata għall-objettivi segwiti peress li hija limitata fiż-żmien u fil-kamp ta’ applikazzjoni. Barra minn hekk, il-miżura speċjali ma tagħtix lok għal riskju li l-frodi titmexxa lejn setturi oħra jew lejn Stati Membri oħra.

(11)

Il-miżura speċjali mhux se jkollha effett negattiv fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 218 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Ġermanja hija awtorizzata li taċċetta biss fatturi li jkunu nħarġu minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tal-Ġermanja fil-forma ta’ dokumenti jew messaġġi f’format elettroniku.

Artikolu 2

B’deroga mill-Artikolu 232 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Ġermanja hija awtorizzata tipprevedi li l-użu ta’ fatturi elettroniċi maħruġa minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tal-Ġermanja ma għandux ikun soġġett għal aċċettazzjoni mir-riċevitur stabbilit fit-territorju tal-Ġermanja.

Artikolu 3

Il-Ġermanja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri nazzjonali li jimplimentaw il-miżura speċjali stipulata fl-Artikoli 1 u 2.

Artikolu 4

1.   Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-aktar data kmieni minn dawn it-tnejn:

(a)

31 ta’ Diċembru 2027; jew

(b)

id-data minn meta l-Istati Membri jridu japplikaw kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li huma meħtieġa jadottaw f’każ li tiġi adottata direttiva li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali, b’mod partikolari l-Artikoli 218 u 232 ta’ dik id-Direttiva.

3.   Jekk il-Ġermanja tqis li estensjoni tal-miżura speċjali stipulata fl-Artikoli 1 u 2 hija neċessarja, il-Ġermanja għandha tippreżenta talba għal estensjoni lill-Kummissjoni, flimkien ma’ rapport li jivvaluta sa fejn il-miżuri nazzjonali msemmija fl-Artikolu 3 kienu effettivi fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fis-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa. Dak ir-rapport għandu jevalwa l-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq il-persuni taxxabbli u, b’mod partikolari, jekk dawk il-miżuri jżidux il-piżijiet amministrattivi u l-kostijiet tagħhom.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

L. PLANAS PUCHADES


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.