21.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/41


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1518

tal-20 ta’ Lulju 2023

dwar miżura ta’ assistenza fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) biex tinżamm il-paċi, jiġu prevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 21(2), punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża biex tiffinanzja azzjonijiet ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali b’rabta ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.

(2)

Il-kriżi attwali fil-provinċji tal-lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo turi l-prezz traġiku uman li ser ikompli jitħallas jekk ma tinkisibx paċi dejjiema u komprensiva. L-instabbiltà kontinwa rriżultat f’waħda mill-agħar u l-itwal kriżijiet umanitarja fid-dinja u ħalliet lir-reġjun f’riskju li jsir fortizza tat-terroriżmu u networks kriminali tranżnazzjonali.

(3)

L-iżgurar tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fit-tul fil-provinċji tal-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fir-reġjun b’mod aktar ġenerali, f’konformità ma’ approċċ integrat, huwa prijorità ewlenija għall-Unjoni. L-Unjoni hija konxja tal-importanza tal-elezzjonijiet ġenerali msejħa għal Diċembru 2023.

(4)

Fit-13 ta’ Frar 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ("ir-Rappreżentant Għoli") irċieva talba mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo bl-akkwist ta’ tagħmir importanti u l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura bażika fil-qafas tal-EPF.

(5)

Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kunsiderazzjoni tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u tan-nefqa ffinanzjati fil-qafas tal-EPF.

(6)

L-implimentazzjoni ser tkun soġġetta wkoll għall-valutazzjoni regolari tal-iżviluppi politiċi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, f’konformità mal-qafas metodoloġiku integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni u l-kontrolli meħtieġa għal miżuri ta’ assistenza taħt il-FEP.

(7)

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata

1.   Miżura ta’ assistenza li tibbenifika minnha r-Repubblika Demokratika tal-Kongo ("il-benefiċjarju") li tiġi ffinanzjata fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-"miżura ta’ assistenza") hija b’dan stabbilita.

2.   L-objettiv tal-miżura ta’ assistenza huwa li ssaħħaħ il-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo sabiex ikunu jistgħu jiddefendu aħjar l-integrità territorjali u s-sovranità tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u biex tipproteġi aħjar il-popolazzjoni ċivili, b’mod partikolari, minn gruppi armati fil-provinċji tal-lvant tal-pajjiż.

3.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja l-komponenti li ġejjin:

(a)

tagħmir individwali, mhux imfassal biex iwassal forza letali, għas-suldati;

(b)

tagħmir kollettiv, mhux imfassal biex iwassal forza letali, fil-livell tal-brigata, tal-battaljun u tal-kumpanija;

(c)

infrastruttura fil-livell tal-kwartieri ġenerali tal-brigata.

4.   Il-miżura ta’ assistenza għandha ddum 48 xahar mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt iffirmat mill-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza, li jaġixxi bħala uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 32(2), il-punt (a), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-implimentazzjoni tal-kuntratt ma għandhiex tibda qabel l-1 ta’ Marzu 2024.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 20 000 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u r-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u tan-nefqa ffinanzjata fil-qafas tal-EPF.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarju

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti minn din id-Deċiżjoni bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza.

2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

(a)

il-konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo appoġġati fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza mal-liġi internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali;

(b)

l-użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ġew ipprovduti;

(c)

il-manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-utilizzabbiltà tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d)

li l-assi kollha pprovduti fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza ma jintilfux jew jiġu trasferiti mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet minbarra dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u tan-nefqa ffinanzjata fil-qafas tal-EPF, f’konformità mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza fil-qafas tal-EPF.

2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mill-Ministeru tad-Difiża tar-Renju tal-Belġju.

Artikolu 5

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja li l-benefiċjarju jikkonforma mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jipprovdi għarfien tal-kuntest u tar-riskji ta’ ksur tal-obbligi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3, u għandu jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo appoġġati fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza.

2.   Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:

(a)

il-verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda;

(b)

ir-rappurtar, li permezz tiegħu l-benefiċjarju jirrapporta kull sena dwar l-attivitajiet imwettqa bit-tagħmir provdut fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza u dwar l-inventarju ta’ oġġetti deżinjati sakemm tali rappurtar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS);

(c)

l-ispezzjonijiet fuq il-post, fejn il-benefiċjarju jagħti lir-Rappreżentant Għoli aċċess biex iwettaq kontroll fuq il-post meta mitlub.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali hekk kif titlesta l-miżura ta’ assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta’ assistenza kkontribwietx biex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 6

Rappurtar

Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u tan-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.

Artikolu 7

Sospensjoni u terminazzjoni

1.   Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   Il-KPS jista’ wkoll jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(2)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).