21.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/40


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1517

tal-20 ta’ Lulju 2023

li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (1).

(2)

Il-Kunsill Ewropew, fil-Konklużjonijiet tiegħu adottati fid-29-30 ta’ Ġunju 2023, tenna l-kundanna tiegħu għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li tikkostitwixxi ksur ċar tal-Karta tan-NU, u fakkar fl-appoġġ sod tal-Unjoni għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha u għad-dritt inerenti tagħha ta’ awtodifiża kontra l-aggressjoni Russa. Il-Kunsill Ewropew ikkundanna bil-qawwa wkoll il-qerda intenzjonata tad-diga fl-impjant tal-enerġija idroelettrika ta’ Kakhovka, kif ukoll id-deportazzjoni illegali tar-Russja u t-trasferiment lejn ir-Russja u l-Belarussja ta’ tfal Ukreni u ta’ ċivili oħra.

(3)

Sakemm l-azzjonijiet illegali mill-Federazzjoni Russa jkomplu jiksru l-projbizzjoni fuq l-użu tal-forza, li hija regola perentorja tal-liġi internazzjonali, huwa xieraq li jinżammu fis-seħħ il-miżuri kollha imposti mill-Unjoni u li jittieħdu miżuri addizzjonali, jekk ikun meħtieġ. Konsegwentement, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/512/PESK tiġġedded għal sitt xhur oħra.

(4)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2014/512/PESK jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fid-Deċiżjoni 2014/512/PESK, l-Artikolu 9(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Jannar 2024.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).