20.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 183/58


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1503

tal-20 ta’ Lulju 2023

li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (1)u b’mod partikolari l-Artikolu 30(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK.

(2)

Il-Kunsill jibqa’ mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja. Wara aktar minn deċennju, il-kunflitt fis-Sirja għadu ’l bogħod milli jintemm u għadu sors ta’ tbatija u instabbiltà.

(3)

Il-Kunsill jinnota li r-reġim Sirjan ikompli jsegwi l-politika ta’ repressjoni tiegħu. Il-Kunsill jqis li hu meħtieġ li jżomm u jiżgura l-effettività tal-miżuri restrittivi stabbiliti billi jkompli jiżviluppahom waqt li jżomm l-approċċ immirat u differenzjat tagħhom, filwaqt li jqis il-kundizzjonijiet umanitarji tal-popolazzjoni Sirjana. Il-Kunsill iqis li ċerti kategoriji ta’ persuni u entitajiet huma ta’ rilevanza partikolari għall-effettività ta’ dawk il-miżuri restrittivi, minħabba l-kuntest speċifiku dominanti fis-Sirja.

(4)

Il-Kunsill ivvaluta li l-Iran jipprovdi appoġġ militari lir-reġim Sirjan. Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li persuna waħda involuta fl-iżvilupp u t-twassil ta’ sistemi ta’ difiża tal-ajru lis-Sirja tiżdied mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi stabbiliti fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2013/255/PESK.

(5)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2013/255/PESK jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Deċiżjoni 2013/255/PESK huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14.


ANNESS

L-entrata li ġejja tiżdied mal-lista li tinsab fit-Taqsima A (Persuni) taħt l-Anness I għad-Deċiżjoni 2013/255/PESK:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“352

Fereydoun Mohammadi SAGHAEI

فریدون محمدی سقایی

Data tat-twelid: 1964;

Nazzjonalità: Iranjana;

Sess: raġel

Fereydoun Mohammadi Saghaei huwa l-Viċi Kmandant tal-Forza Ajruspazjali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC). Huwa responsabbli għall-proġett ta’ difiża tal-ajru tal-IRGC fis-Sirja. Dak il-proġett qed iseħħ fil-kuntest tal-appoġġ mogħti mill-Iran lir-reġim Sirjan permezz tat-twassil ta’ tagħmir u persunal militari lis-Sirja. Għaldaqstant, Fereydoun Mohammadi Saghaei qed jappoġġa lir-reġim Sirjan.

20.7.2023”.