19.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 182/197


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1487

tal-11 ta’ Lulju 2023

dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Nintaxxaw il-ġid kbir għall-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika u soċjali”

(notifikata bid-dokument C(2023) 4751)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Nintaxxaw il-ġid kbir għall-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika u soċjali” ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fit-8 ta’ Ġunju 2023.

(2)

L-objettivi tal-inizjattiva kif ġew spjegati mill-organizzaturi huma: “biex tiġi stabbilita taxxa Ewropea fuq il-ġid kbir. Dan jikkontribwixxi għar-riżorsi proprji tal-Unjoni, u d-dħul tagħhom jagħmilha possibbli li jiġu amplifikati u pperpetwati l-politiki Ewropej ta’ tranżizzjoni ekoloġika u soċjali u ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, kofinanzjati mill-Istati Membri. Il-kontribuzzjoni tintuża biex jiġu miġġielda t-tibdil fil-klima u l-inugwaljanza u tgħin biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej iħallsu s-sehem ġust tagħhom lejn il-kisba ta’ dawn l-objettivi.”

(3)

L-inizjattiva tinkludi anness li jipprovdi dettalji ulterjuri dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-isfond tal-inizjattiva. Huwa jirreferi għall-objettiv tal-Unjoni li tippromwovi l-benesseri tal-popli tagħha, tiġġieled l-esklużjoni soċjali, tiggarantixxi l-ġustizzja soċjali u l-protezzjoni soċjali kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Huwa jispjega li filwaqt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni “impenjaw ruħhom li jiżguraw aktar ġustizzja, b’mod partikolari f’termini ta’ tassazzjoni, l-inugwaljanza kibret b’mod kostanti” u li “llum, il-1 % tan-nies l-aktar sinjuri fid-dinja għandhom kważi nofs il-ġid tad-dinja, u dan il-1 % jipproduċi wkoll aktar emissjonijiet tas-CO2 mill-ifqar nofs tal-popolazzjoni tad-dinja.” L-organizzaturi jiddikjaraw li biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, huwa meħtieġ li l-Unjoni tiġi diretta mill-ġdid lejn tranżizzjoni klimatika ġusta u demokratika u li l-inizjattivi Ewropej b’rispons għall-kriżijiet klimatiċi, il-pandemija tal-COVID-19 u l-aggressjoni fl-Ukrajna jenħtieġ li jissaħħu permezz tal-istabbiliment ta’ taxxa fuq il-ġid kbir. L-organizzaturi jqisu li l-introduzzjoni ta’ taxxa Ewropea fuq il-ġid kbir tkun teħtieġ tliet miżuri leġiżlattivi u għalhekk jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea biex: (i) titfassal proposta għal direttiva dwar taxxa Ewropea fuq il-ġid kbir abbażi tal-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE); (ii) tiġi proposta emenda għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (2) abbażi tal-Artikolu 311, it-tielet paragrafu, TFUE; (iii) jiġu proposti miżuri biex issaħħaħ il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-fondi marbuta mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Politika ta’ Koeżjoni.

(4)

Ġie ppreżentat ukoll dokument addizzjonali mehmuż mal-inizjattiva b’analiżi legali tal-atti proposti mill-grupp ta’ organizzaturi bħala parti mit-talba ta’ reġistrazzjoni tagħhom.

(5)

Fir-rigward tal-objettivi tal-inizjattiva, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tipproponi direttiva li tistabbilixxi taxxa Ewropea fuq il-ġid kbir, abbażi tal-Artikolu 115 tat-TFUE, emenda tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053, abbażi tal-Artikolu 311, it-tielet paragrafu, TFUE, kif ukoll emendi għar-Regolamenti (UE) 2021/1056 (3) u (UE) 2021/241 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 175 TFUE.

(6)

Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li l-ebda waħda mill-partijiet tal-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

(7)

Din il-konklużjoni ma taffettwax l-evalwazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa sabiex il-Kummissjoni taġixxi, inkluż l-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ sussidjarjetà u ta’ kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, humiex issodisfatti f’dan il-każ.

(8)

Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament.

(9)

L-inizjattiva mhijiex manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja, u lanqas ma hija manifestament kuntrarja għall-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE jew għad-drittijiet minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

L-inizjattiva intitolata “Nintaxxaw il-ġid kbir għall-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika u soċjali” għalhekk jenħtieġ li tiġi rreġistrata.

(11)

Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “nintaxxaw il-ġid kbir għall-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika u soċjali” għandha tiġi rreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Nintaxxaw il-ġid kbir għall-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika u soċjali”, irrappreżentat mis-Sur Paul MAGNETTE u s-Sinjura Anne LAMBELIN li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Strażburgu, il-11 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Viċi President


(1)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).