19.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 182/23


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1476

tas-26 ta’ Ġunju 2023

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Madagascar u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (2023–2027)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218, il-paragrafu 5,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika ta’ Madagascar (minn hawn’il quddiem imsejħa “Madagascar”) u l-Komunità Ewropea (1) (minn hawn’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim tal-2007”), approvat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 31/2008 (2), japplika b’mod provviżorju mill-1 ta’ Jannar 2007. Il-Protokoll tiegħu li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim tal-2007, li daħal fis-seħħ fl-istess jum, ġie sostitwit diversi drabi.

(2)

Il-Protokoll preċedenti għall-Ftehim tal-2007 skada fil-31 ta’ Diċembru 2018.

(3)

Fl-4 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma’ Madagascar għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija ġdid dwar is-Sajd Sostenibbli (minn hawn’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) u protokoll ġdid li jimplimenta l-Ftehim (minn hawn’il quddiem “Protokoll”).

(4)

Bejn Lulju 2018 u Ottubru 2022, saru tmien ċikli ta’ negozjati ma’ Madagascar għall-Ftehim u l-Protokoll. Dawn in-negozjati ġew finalizzati u l-Ftehim kif ukoll il-Protokoll ġew inizjalati fit-28 ta’ Ottubru 2022.

(5)

Il-Ftehim u l-Protokoll għandhom l-għan li jippermettu lill-bastimenti tal-Unjoni jwettqu l-attivitajiet tas-sajd tagħhom fiż-żona tas-sajd ta’ Madagascar u li jippermettu lill-Unjoni u lil Madagascar jaħdmu flimkien mill-qrib biex ikomplu jippromwovu l-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd ta’ Madagascar u fl-Oċean Indjan. Din il-kooperazzjoni tikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti fis-settur tas-sajd.

(6)

Il-Ftehim u l-Protokoll jenħtieġ li jiġu ffirmati.

(7)

Il-Ftehim u l-Protokoll jenħtieġ li jiġu applikati malajr kemm jista’ jkun minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd ta’ Madagascar u l-ħtieġa li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-perjodu li fih dawn l-attivitajiet jiġu interrotti.

(8)

Il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll tiegħu jenħtieġ li japplikaw fuq bażi provviżorja mill-1 ta’ Lulju 2023, jew mill-iffirmar tagħhom jekk dan isir aktar tard, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tagħhom.

(9)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u ta opinjoni fl-1 ta’ Ġunju 2023,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Madagascar u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim (2023–2027) huwa awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni ta’ dawk l-atti (4).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar il-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim u l-Protokoll f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja, f’konformità mal-Artikolu 19 tiegħu, mill-1 ta’ Lulju 2023 soġġett għall-iffirmar tiegħu, jew mid-data tal-iffirmar tiegħu jekk jiġi ffirmat wara l-1 ta’ Lulju 2023, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 4

Il-Protokoll għandu japplika fuq bażi provviżorja, f’konformità mal-Artikolu 19 tiegħu, mill-1 ta’ Lulju 2023 soġġett għall-iffirmar tiegħu, jew mid-data tal-iffirmar tiegħu jekk jiġi ffirmat wara l-1 ta’ Lulju 2023, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KULLGREN


(1)   ĠU L 331, 17.12.2007, p. 7.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 31/2008 tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Madagascar (ĠU L 15, 18.1.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(4)  It-testi tal-Ftehim u tal-Protokoll ġew ppubblikati f’paġna 84 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.