17.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/41


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1467

tal-14 ta’ Lulju 2023

li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK (1).

(2)

Il-Kunsill jibqa’ mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja. Wara aktar minn deċennju, il-kunflitt fis-Sirja għadu ’l bogħod milli jintemm u għadu sors ta’ tbatija u instabbiltà. It-terremot traġiku tas-6 ta’ Frar 2023 ikompli jżid it-tbatija tal-popolazzjoni Sirjana.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 ta’ Frar 2023, il-Kunsill Ewropew offra l-kondoljanzi profondi tiegħu lill-vittmi tat-terremot traġiku tas-6 ta’ Frar 2023 u esprima s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tat-Turkija u s-Sirja. Il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid li l-Unjoni tinsab lesta li tipprovdi aktar assistenza biex ittaffi t-tbatija fir-reġjuni affettwati kollha. Huwa appella lil kulħadd biex jiżgura l-aċċess umanitarju għall-vittmi tat-terremot fis-Sirja irrispettivament minn fejn jinsabu u appella lill-komunità umanitarja, taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti, biex tiżgura t-twassil rapidu tal-għajnuna.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-azzjoni umanitarja tal-UE: sfidi ġodda, l-istess prinċipji”, il-Kunsill afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jevita u fejn ma jistax jagħmel dan, itaffi kemm jista’ jkun kwalunkwe impatt negattiv potenzjali mhux intenzjonat tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni fuq azzjoni umanitarja msejsa fuq il-prinċipji. Il-Kunsill tenna li l-miżuri restrittivi tal-Unjoni jikkonformaw mal-obbligi kollha skont id-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati. Huwa ssottolinja l-importanza li l-prinċipji umanitarji u d-dritt umanitarju internazzjonali jiġu rispettati b’mod sħiħ fil-politika ta’ sanzjonijiet tal-Unjoni, inkluż permezz tal-inklużjoni konsistenti ta’ eċċezzjonijiet umanitarji fir-reġimi ta’ miżuri restrittivi fejn rilevanti, u billi jiġi żgurat li jkun hemm qafas effettiv biex jintuża f’dawn l-eċċezzjonijiet minn organizzazzjonijiet umanitarji.

(5)

Il-Kunsill ifakkar li l-miżuri restrittivi tal-Unjoni, inkluż dawk adottati fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, mhumiex maħsuba biex jostakolaw u lanqas jimpedixxu l-provvista ta’ għajnuna umanitarja, inkluż l-assistenza medika. Il-maġġoranza tas-setturi – inkluż l-ikel, il-mediċini, u t-tagħmir mediku – mhumiex fil-mira tal-miżuri restrittivi adottati fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ miżuri individwali, diġà hemm eċċezzjonijiet fis-seħħ li jippermettu li fondi u riżorsi ekonomiċi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni u l-entitajiet iddeżinjati, meta tali fondi u riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa biss għall-fini ta’ għoti tal-għajnuna umanitarja fis-Sirja jew tal-assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja. F’ċerti każijiet, hija meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti nazzjonali rilevanti.

(6)

Fit-23 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/408 (2), li introduċiet eżenzjoni għall-iffriżar tal-assi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u l-entitajiet iddeżinjati, u għar-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi lilhom, għall-benefiċċju ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ċerti kategoriji definiti ta’ atturi involuti fl-attivitajiet umanitarji. Il-Kunsill iddeċieda li din l-eżenzjoni, li ma teħtieġx awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti, kellha tapplika għal perjodu inizjali ta’ sitt xhur, jiġifieri sal-24 ta’ Awwissu 2023.

(7)

Fid-dawl tal-gravità tal-kriżi umanitarja fis-Sirja, u bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat it-twassil rapidu tal-għajnuna, huwa xieraq li din l-eżenzjoni tiġi estiża sal-24 ta’ Frar 2024.

(8)

Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri f’din id-Deċiżjoni.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/255/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 28a(1) tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK, id-data “24 ta’ Awwissu 2023” hija sostitwita b’“24 ta’ Frar 2024”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

N. CALVIÑO SANTAMARÍA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/408 tat-23 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 56 I, 23.2.2023, p. 4).