17.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/1


DEĊIŻJONI (UE) 2023/1461 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2023

li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq (il-Maċedonja ta’ Fuq) ikomplu jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u l-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq in-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni”). In-negozjati ta’ adeżjoni bejn l-Unjoni ur -l-Maċedonja ta’ Fuq ġew imnedija fid-19 ta’ Lulju 2022.

(2)

L-ekonomija tal-Maċedonja ta’ Fuq ġiet affettwata b’mod sinifikanti mir-reċessjoni fl-2020 li kienet ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll mill-kriżi riċenti tal-enerġija. Dawk iċ-ċirkostanzi kkontribwew għan-nuqqas imdaqqas fil-finanzjament tal-pajjiż, il-pożizzjoni esterna li qed tiddeterjora u l-ħtiġijiet fiskali li qed jiżdiedu.

(3)

Il-gvern tal-Maċedonja ta’ Fuq wera impenn qawwi sabiex jimplimenta aktar riformi, b’enfasi fuq oqsma ta’ politika ewlenin identifikati fil-Konklużjonijiet Konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija tal-24 ta’ Mejju 2022 u inklużi oqsma fundamentali bħall-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, governanza tajba u l-istat tad-dritt.

(4)

Il-Maċedonja ta’ Fuq lestiet b’suċċess l-operazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 skont id-Deċiżjoni (UE) 2020/701 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), minħabba li l-azzjonijiet ta’ riforma kollha miftiehma mal-Unjoni fil-Memorandum ta’ Qbil imsemmi f’dik id-Deċiżjoni twettqu.

(5)

F'April 2022, il-gvern tal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) laħqu ftehim fil-livell tal-persunal dwar linja ta’ prekawzjoni u likwidità ta’ 24 xahar għal sa EUR 530 000 000, li ġiet approvata uffiċjalment mill-Bord Eżekuttiv tal-FMI fit-22 ta’ Novembru 2022. Il-programm tal-FMI għandu l-għan li jtaffi s-sitwazzjoni esterna li qed tmur għall-agħar, li jappoġġa l-konsolidazzjoni fiskali u li jaċċellera r-riformi strutturali f’għadd ta’ oqsma, inklużi l-politika tat-taxxa u l-investiment pubbliku.

(6)

Fid-dawl tad-deterjorazzjoni fis-sitwazzjoni u l-prospetti ekonomiċi, il-Maċedonja ta’ Fuq talbet assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni biex tikkumplimenta l-programm tal-FMI, f’April 2022. Madankollu, il-Kummissjoni ssospendiet dik it-talba, minħabba li l-ekonomija tal-pajjiż kienet għadha qed turi li kienet pjuttost reżiljenti f’dak iż-żmien u kien hemm xi għażliet ta’ finanzjament oħra disponibbli biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern tal-2022. Il-gvern tal-Maċedonja ta’ Fuq ġedded it-talba tiegħu għal assistenza makrofinanzjarja f’Ottubru 2022.

(7)

Minħabba li l-Maċedonja ta’ Fuq hija pajjiż kandidat , u beda l-proċess ta’ negozjati tal-adeżjoni, huwa jitqies eliġibbli biex jirċievi assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni.

(8)

L-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni lill-Maċedonja ta’ Fuq jenħtieġ li tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta’ appoġġ mingħajr irbit u mhux speċifikat għall-bilanċi tal-pagamenti bl-għan li tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji esterni immedjati tal-Maċedonja ta’ Fuq, u jenħtieġ li tirfed l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ politika li fih miżuri qawwija ta’ riforma strutturali u ta’ aġġustament immedjat maħsuba biex itejbu l-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti tal-Maċedonja ta’ Fuq fuq perjodu ta’ żmien qasir.

(9)

Minħabba li għad hemm ħtiġijiet ta’ finanzjament estern residwu sinifikanti fil-bilanċi tal-pagamenti tal-Maċedonja ta’ Fuq, lil hinn mill-ħtiġijiet issodisfati mir-riżorsi pprovduti mill-FMI, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Maċedonja ta’ Fuq hija, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, meqjusa bħala rispons xieraq għat-talba tal-pajjiż għal appoġġ fl-istabbilizzazzjoni tal-ekonomija tiegħu, flimkien mal-programm tal-FMI. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika u l-aġenda ta’ riforma strutturali tal-Maċedonja ta’ Fuq, filwaqt li tissupplementa r-riżorsi magħmula disponibbli skont l-arranġament finanzjarju tal-FMI.

(10)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li jkollha l-għan li tappoġġa l-irkupru ta’ sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għall-Maċedonja ta’ Fuq, u b’hekk tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħha.

(11)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija mistennija li timxi id f’id mal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(12)

Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Maċedonja ta' Fuq jenħtieġ li tkun ibbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern residwu tal-Maċedonja ta’ Fuq u tqis il-kapaċità tal-pajjiż ta’ awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, partikolarment ir-riżervi internazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Maċedonja ta' Fuq jenħtieġ li tikkomplementa l-programmi u r-riżorsi pprovduti mill-FMI u mill-Bank Dinji. Jenħtieġ li d-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi multilaterali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-implimentazzjoni diġà eżistenti tal-istrumenti ta’ finanzjament esterni l-oħrajn tal-Unjoni fil-Maċedonja ta’ Fuq u l-valur miżjud tal-involviment ġenerali tal-Unjoni fil-Maċedonja ta’ Fuq.

(13)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Maċedonja ta' Fuq tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-prinċipji u l-objettivi tal-oqsma differenti ta’ azzjoni esterna, mal-miżuri meħuda fir-rigward ta’ dawk l-oqsma u ma’ politiki oħrajn rilevanti tal-Unjoni.

(14)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni rigward il-Maċedonja ta’ Fuq. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jenħtieġ li jaħdmu mill-qrib matul l-operazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja kollha sabiex jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u jiggarantixxu l-konsistenza tagħha.

(15)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-impenn tal-Maċedonja ta’ Fuq fir-rigward tal-valuri kondiviżi mal-Unjoni, inkluż id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-impenn tagħha lejn il-prinċipji ta’ kummerċ miftuħ, ibbażat fuq regoli, u ġust.

(16)

Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun li l-Maċedonja ta’ Fuq tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluż sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll il-governanza u s-superviżjoni tas-settur finanzjarju, fil-Maċedonja ta’ Fuq u jenħtieġ li jippromwovu riformi strutturali li għandhom l-għan li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, il-ħolqien tal-impjiegi diċenti u l-konsolidazzjoni fiskali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tissorvelja regolarment it-twettiq mill-Maċedonja ta’ Fuq ta’ dik il-prekundizzjoni kif ukoll l-ilħuq ta’ dawk l-objettivi.

(17)

Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni b’mod effiċjenti tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-assistenza makrofinanzjarja tagħha, jenħtieġ li l-Maċedonja ta’ Fuq tadotta l-miżuri xierqa biex jipprevjenu u jikkumbattu l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra marbuta ma’ dik l-assistenza. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi previst li l-Kummissjoni twettaq verifiki, li l-Qorti tal-Awdituri twettaq l-awditi u li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jeżerċita l-kompetenzi tiegħu fir-rigward tal-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Maċedonja ta’ Fuq.

(18)

Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Maċedonja ta’ Fuq huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bħala awtorità baġitarja.

(19)

L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Maċedonja ta’ Fuq ipprovduti fl-għamla ta’ self jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji definiti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

(20)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Maċedonja ta' Fuq jenħtieġ li tiġi mmaniġġata mill-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi relatati ma’ dik l-assistenza u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

(21)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(22)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Maċedonja ta' Fuq jenħtieġ li tkun soġġetta għal kundizzjonijiet ta’ politika ekonomika, li għandhom jiġu stabbiliti f’memorandum ta’ qbil (MtQ). Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta’ effiċjenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tinnegozja dawn il-kundizzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Maċedonja ta’ Fuq taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Skont dan ir-Regolament, bħala regola ġenerali jenħtieġ li tapplika l-proċedura konsultattiva fil-każijiet kollha ħlief kif previst f’dan ir-Regolament. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjalment sinifikanti tal-assistenza ta’ aktar minn EUR 90 000 000, huwa xieraq li l-proċedura ta’ eżaminazzjoni kif speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tintuża għal operazzjonijiet li jeċċedu dak il-limitu. Meta jitqies l-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Maċedonja ta’ Fuq, jenħtieġ li l-proċedura ta’ eżami tapplika għall-adozzjoni tal-MtQ, u għal kwalunkwe tnaqqis, sospensjoni jew kanċellazzjoni ta' dik l-assistenza.

(23)

Minħabba l-ammont limitat tal-assistenza finanzjarja, jiġifieri EUR 100 000 000, in-natura ta’ darba tagħha, u l-perjodu ta’ żmien mixtieq tal-iżborż, l-approċċ ta’ finanzjament back-to-back jiżgura aktar flessibbiltà u effiċjenza tal-operazzjonijiet ta’ self meta mqabbel mal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata. Għalhekk, bħala eċċezzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiffinanzja l-pagamenti tas-self fis-suq kapitali back-to-back aktar milli permezz tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata tagħha prevista fl-Artikolu 220a tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Għalhekk huwa xieraq li tiġi ffinanzjata l-assistenza makrofinanzjarja lill-Maċedonja ta' Fuq permezz ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji individwali,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tagħmel assistenza makrofinanzjarja ta’ ammont massimu ta’ EUR 100 000 000 disponibbli għall-Maċedonja ta’ Fuq (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”), bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Maċedonja ta’ Fuqu aġenda ta’ riforma sostantiva. L-ammont totali tal-assistenza għandu jingħata fil-forma ta’ self. Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa soġġett għall-adozzjoni tal-baġit tal-Unjoni għas-sena rilevanti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-bilanċi tal-pagamenti tal-Maċedonja ta’ Fuq kif inhuma identifikati fil-programm tal-FMI.

2.   Sabiex jiġi ffinanzjat is-self, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li, f’isem l-Unjoni, issellef il-fondi meħtieġa fis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji u li ssellef l-ammonti korrispondenti lill-Maċedonja ta’ Fuq skont il-kundizzjonijiet applikabbli għas-self. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

3.   Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi mmaniġġat mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-ftehimiet jew l-arranġamenti milħuqa bejn il-FMI u l-Maċedonja ta’ Fuq, u mal-prinċipji u l-objettivi ċentrali tar-riforma ekonomika stipulati fil-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż l-iżborżi tagħha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet bid-dokumenti rilevanti fi żmien xieraq.

4.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli għal perjodu ta’ sentejn u nofs, li jibda mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-MtQ imsemmi fl-Artikolu 3(1).

5.   Jekk il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Maedonja ta’ Fuq jonqsu b’mod fundamentali matul il-perjodu tal-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbla mal-projezzjonijiet inizjali, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza jew tissospendiha jew tikkanċellaha.

Artikolu 2

1.   Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li l-Maċedonja ta’ Fuq tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluż sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

2.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja t-twettiq mill-Maċedonja ta' Fuq tal-prekundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (7).

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha taqbel mal-awtoritajiet tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar politika ekonomika u kundizzjonijiet finanzjarji ddefiniti b’mod ċar, b’enfasi fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għalihom, Dawk il-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika u finanzjarji għandhom jiġu stabbiliti f’ f’memorandum ta’ qbil (MtQ) li għandu jinkludi perjodu ta’ żmien għat-twettiq ta’ dawk il-kundizzjonijiet. Dawk il-kundizzjonijiet ta’ politika ekonomika u finanzjarji għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew qbil imsemmija fl-Artikolu 1(3), inklużi l-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku u ta’ riforma strutturali implimentati mill-Maċedonja ta’ Fuq bl-appoġġ tal-FMI.

2.   Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jimmiraw, b’mod partikolari, li jtejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Maċedonja ta’ Fuq, inkluż għall-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress fil-ftuħ reċiproku tas-swieq, l-iżvilupp ta’ kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni għandhom ukoll jitqiesu kif xieraq fit-tfassil tal-miżuri ta’ politika. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja regolarment il-progress tal-Maċedonja ta’ Fuq fl-ilħuq ta’ dawk l-objettivi.

3.   It-termini finanzjarji dettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stipulati fi ftehim dwar is-self li għandu jintlaħaq bejn il-Kummissjoni u l-Maċedonja ta’ Fuq.

4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika, f’intervalli regolari, li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(3) jibqgħu jiġu ssodisfati, inkluż jekk il-politiki ekonomiki tal-Maċedonja ta’ Fuq ikunu f’konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Għal finijiet ta' din il-verifika, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.

Artikolu 4

1.   Soġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun disponibbli mill-Kummissjoni f’żewġ pagamenti indaqs.

2.   L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu pprovduti, fejn meħtieġ, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti, soġġetti għat-twettiq tal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-prekundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(1);

(b)

rekord sodisfaċenti kontinwu fl-implimentazzjoni ta’ programm ta’ politika li jkun fih miżuri ta’ aġġustament u ta’ riforma strutturali b’saħħithom appoġġati minn l-iżborż ta’ arranġament ta’ kreditu tal-FMI mhux prekawzjonarju;

(c)

l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-politika ekonomika u tal-kundizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-MtQ.

4.   Ir-rilaxx tat-tieni pagament ma għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara r-rilaxx tal-ewwel pagament.

5.   Meta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ma jiġux issodisfati, il-Kummissjoni għandha temporanjament tissospendi jew tikkanċella l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F’dawn il-każijiet, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-raġunijiet għas-sospensjoni jew il-kanċellazzjoni.

6.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi żborzata lill-Bank Nazzjonali tal-Maċedonja ta’ Fuq. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet miftiehma stabbiliti fil-MtQ, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lill-Ministeru tal-Finanzi tal-Maċedonja ta’ Fuq bħala l-benefiċjarju finali.

Artikolu 5

1.   L-operazzjonijiet ta’ għoti u teħid b’self marbutin mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isiru fil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u ma għandhomx jinvolvu lill-Unjoni fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, jew jesponu lill-Unjoni għal kwalunkwe riskju marbut mar-rata tal-kambju jew mar-rata tal-imgħax, jew għal kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

2.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu, u jekk il-Maċedonja ta’ Fuq titlob dan, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tiddaħħal klawżola dwar ir-rimborż bikri fit-termini u l-kundizzjonijiet tas-self u li din tkun appoġġata minn klawżola korrispondenti fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self.

3.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self, u jekk il-Maċedonja ta’ Fuq titlob dan, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tiffinanzja mill-ġdid it-teħid b’self inizjali kollu jew parti minnu jew tista’ tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid jew ta’ ristrutturar għandhom isiru f’konformità mal-paragrafi 1 u 4 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità tat-teħid ta’ self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta’ kapital pendenti fid-data tal-finanzjament mill-ġdid jew tar-ristrutturar.

4.   Il-Maċedonja ta’ Fuq għandha ġġarrab il-kostijiet kollha mġarrba mill-Unjoni li huma relatati mal-operazzjonijiet ta’ għoti u teħid b’self skont din id-Deċiżjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fir-rigward tal-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 6

1.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

2.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun implimentata taħt ġestjoni diretta.

3.   Il-ftehim ta’ self li għandu jiġi miftiehem mal-awtoritajiet tal-Maċedonja ta’ Fuq għandu jkun fih id-dispożizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

li jiżguraw li l-Maċedonja ta’ Fuq tivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut mill-baġit ġenerali tal-Unjoni jkun intuża kif suppost, li din tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi u fejn ikun meħtieġ, tieħu azzjoni legali biex tirkupra kwalunkwe fond ipprovdut skont din id-Deċiżjoni li jkun ġie miżapproprjat;

(b)

li jiggarantixxu l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari billi jipprevedu miżuri speċifiċi biex jipprevjenu u jikkumbattu l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra li taffettwa l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, f’konformità mar-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (9) u (Euratom, KE) Nru 2185/96 (10), u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u, għal dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa rigward l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, ukoll skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (12);

(c)

li espressament jawtorizzaw lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post inklużi operazzjonijiet forensiċi diġitali u intervisti;

(d)

li espressament jawtorizzaw lill-Kummissjoni jew lir-rappreżentanti tagħha biex iwettqu kontrolli, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post;

(e)

li espressament jawtorizzaw lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri jagħmlu awditjar matul u wara l-perjodu ta’ disponibbiltà tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż awditjar ta’ dokumenti u awditjar fuq il-post, bħal pereżempju valutazzjonijiet operazzjonali;

(f)

li jiggarantixxu li l-Unjoni tkun intitolata għal ripagament bikri tas-self meta jkun ġie stabbilit li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Maċedonja ta’ Fuq tkun ipparteċipat fi kwalunkwe att ta’ frodi jew ta’ korruzzjoni jew fi kwalunkwe attività illegali oħra li tkun ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(g)

l-iżgurar li l-Maċedonja ta’ Fuq tħallas il-kostijiet kollha mġarrba mill-Unjoni li huma relatati ma l-operazzjonijiet ta' għoti u teħid b’self taħt din id-Deċiżjoni.

4.   Qabel l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, permezz ta’ valutazzjoni operazzjonali, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji tal-Maċedonja ta’ Fuq, il-proċeduri amministrattivi, u l-mekkaniżmi ta’ kontroll interni u esterni li huma rilevanti għall-assistenza.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

1.   Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena ta’ qabel, inkluża evalwazzjoni ta’ din l-implimentazzjoni. Dak ir-rapport għandu:

(a)

jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni;

(b)

jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-Maċedonja ta’ Fuq, kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ politika msemmija fl-Artikolu 3(1);

(c)

jindika r-rabta bejn il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika stipulati fil-Mt Q, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tal-pajjiż u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

2.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perjodu ta’ disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport ta’ evalwazzjoni ex post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja kompleta tal-Unjoni u sa liema punt din ikkontribwiet għall-għanijiet tal-assistenza.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Lulju 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Ġunju 2023 [(ĠU …)/(għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Lulju 2023.

(2)  ĠU L 84, 20.3.2004, p. 13.

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/701 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar il-forniment ta’ assistenza makrofinanzjarja lis-sħab tat-tkabbir u tal-viċinat fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 165, 27.5.2020, p. 31).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2021 li jistabbilixxi Strument għall-assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (ĠU L 330, 20.9.2021, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(11)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).