27.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 161/68


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1305

tas-26 ta’ Ġunju 2023

li temenda d-Deċiżjoni 2013/233/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/233/PESK (1) li tistabbilixxi l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya).

(2)

Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1009 (2), li temenda l-mandat ta’ EUBAM Libya u li testendih sat-30 ta’ Ġunju 2023.

(3)

Fil-kuntest tar-Rieżami Strateġiku tal-Missjoni, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) qabel li EUBAM Libya jenħtieġ li tiġi estiża b’sentejn sat-30 ta’ Ġunju 2025 u li f’dan il-perjodu l-Missjoni jenħtieġ li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-awtoritajiet u l-aġenziji Libjani rilevanti għall-ġestjoni tal-fruntieri tal-Libja, għall-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera, inkluż it-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu.

(4)

Il-perjodu kopert mill-ammont ta’ referenza finanzjarja previst mid-Deċiżjoni (PESK) 2021/1009 jenħtieġ li jiġi estiż sat-30 ta’ Settembru 2023. Il-Kunsill jenħtieġ li jiddeċiedi fi stadju aktar tard dwar ammont ta’ referenza għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2025.

(5)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/233/PESK tiġi emendata skont dan.

(6)

EUBAM Libya ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif jinsab fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2013/233/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Objettiv

EUBAM Libya għandha tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-awtoritajiet u l-aġenziji Libjani rilevanti għall-ġestjoni tal-fruntieri tal-Libja, għall-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera, inkluż it-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu.”

;

(2)

fl-Artikolu 3, il-paragrafi 1 u 1a huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv stipulat fl-Artikolu 2, EUBAM Libya għandha:

(a)

tappoġġa lill-awtoritajiet u l-aġenziji Libjani responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri, inkluż fl-iffaċilitar tal-kooperazzjoni fl-aġenziji stess, bejn l-aġenziji u dik internazzjonali bħala prinċipji gwida tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri;

(b)

tappoġġa lill-awtoritajiet u l-aġenziji Libjani involuti fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera, inkluż it-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, u kontra t-terroriżmu, f’konformità mal-istandards internazzjonali f’dawn l-oqsma;

(c)

tiffaċilita u tappoġġa l-kooperazzjoni u l-interoperabbiltà tal-awtoritajiet u l-aġenziji Libjani f’dawn l-oqsma tematiċi sabiex tgħinhom itaffu l-lakuni jew id-duplikazzjonijiet possibbli fil-ġestjoni tal-fruntieri, jindirizzaw il-kriminalità transfruntiera, inkluż it-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, u l-ġlieda kontra t-terroriżmu;

(d)

tipprovdi valutazzjonijiet speċifiċi tal-ħtiġijiet u tiżviluppa proġetti relatati b’appoġġ għall-attivitajiet operazzjonali tal-Missjoni.

1a.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, EUBAM Libya għandha tipprovdi pariri tekniċi, attivitajiet ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-livelli operazzjonali u tekniċi u għandha twettaq proġetti, ikkomplementati kif xieraq u skont il-każ permezz ta’ taħriġ speċjalizzat. Barra minn hekk, EUBAM Libya għandha tipprovdi pariri strateġiċi meta mitluba mill-awtoritajiet Libjani.”

;

(3)

fl-Artikolu 13(1), l-aħħar subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa ta’ EUBAM Libya mill-1 ta’ Lulju 2021 sat-30 ta’ Settembru 2023 għandu jkun ta’ EUR 84 850 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa ta’ EUBAM Libya mill-1 ta’ Ottubru 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2025 għandu jkun deċiż mill-Kunsill.”;

(4)

fl-Artikolu 16, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Sat-30 ta’ Ġunju 2024, il-KPS għandu jwettaq valutazzjoni strateġika ta’ EUBAM Libya u l-mandat tagħha. Għandu jitwettaq rieżami strateġiku ta’ EUBAM Libya fi żmien xieraq qabel l-iskadenza ta’ din id-Deċiżjoni.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2025.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2023.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta’ Mejju 2013 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (ĠU L 138, 24.5.2013, p. 15).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1009 tat-18 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2013/233/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (ĠU L 222, 22.6.2021, p. 18).