19.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/33


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1180

tat-8 ta’ Ġunju 2023

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' ċerti riżoluzzjonijiet li għandu jittieħed vot dwarhom fil-21 Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid, li ser issir fid-9 ta’ Ġunju 2023

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) ser teżamina u possibbilment tadotta riżoluzzjonijiet (“abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet tal-OIV”) fl-Assemblea Ġenerali li jmiss tagħha fid-9 ta’ Ġunju 2023. Dawk ir-riżoluzzjonijiet ser ikollhom effetti legali għall-finijiet tal-Artikolu 218(9) tat-Trattat.

(2)

L-Unjoni mhijiex membru tal-OIV. Madankollu, fl-20 ta' Ottubru 2017, l-OIV tat lill-Unjoni l-istatus partikolari previst fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta' Proċedura tal-OIV.

(3)

20 Stat Membru huma membri tal-OIV. Dawk l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipproponu emendi għall-abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet tal-OIV u ser jintalbu jadottaw dawk ir-riżoluzzjonijiet fl-Assemblea Ġenerali li jmiss tal-OIV skedata għad-9 ta' Ġunju 2023.

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni waqt il-laqgħat tal-OIV fir-rigward tal-abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet tal-OIV b'rabta mal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha. Dik il-pożizzjoni jenħtieġ li tiġi espressa fil-laqgħat tal-OIV mill-Istati Membri li huma membri tal-OIV, filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

(5)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 (2), ċerti riżoluzzjonijiet adottati u ppubblikati mill-OIV ser ikollhom effetti legali.

(6)

L-Artikolu 80(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li, meta tawtorizza l-prattiki enoloġiċi, il-Kummissjoni trid tqis il-prattiki enoloġiċi u l-metodi ta' analiżi rrakkomandati u ppubblikati mill-OIV.

(7)

L-Artikolu 80(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li meta tistabbilixxi l-metodi ta' analiżi sabiex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid, il-Kummissjoni għandha tibbaża dawk il-metodi fuq xi metodu rilevanti rrakkomandat u ppubblikat mill-OIV, sakemm dawn il-metodi jkunu ineffikaċi jew mhux xierqa fid-dawl tal-objettiv fil-mira tal-Unjoni.

(8)

L-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-prodotti tas-settur tal-inbid importati fl-Unjoni għandhom ikunu magħmulin f'konformità mal-prattiki enoloġiċi awtorizzati mill-Unjoni skont dak ir-Regolament jew, qabel dik l-awtorizzazzjoni, prodotti f'konformità mal-prattiki enoloġiċi rrakkomandati u ppubblikati mill-OIV.

(9)

L-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-SCMA 20-666 jistabbilixxi metodu ta' analiżi ġdid għall-inbejjed. L-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-SCMA 21-687 jemenda l-metodu ta' analiżi użat għad-determinazzjoni tal-kontenut ta' aċidu sorbiku, benżojku u saliċiliku fl-inbid bl-użu tal-kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja. F'konformità mal-Artikolu 80(3)(a) u mal-Artikolu 80(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawk ir-Riżoluzzjonijiet ser ikollhom effetti legali.

(10)

L-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-TECHNO 19-657 jissostitwixxi prattika enoloġika eżistenti u l-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-TECHNO 19-658 jistabbilixxi prattika enoloġika ġdida fil-ħall tal-inbid. F'konformità mal-Artikolu 80(3)(a) u mal-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawk ir-Riżoluzzjonijiet ser ikollhom effetti legali.

(11)

Dawk l-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV ġew diskussi estensivament mal-esperti xjentifiċi u tekniċi tas-settur tal-inbid. Huma jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-inbid u ser jistabbilixxu qafas li ser jiżgura kompetizzjoni ġusta fin-negozjar tal-prodotti tas-settur tal-inbid. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu appoġġati.

(12)

Sabiex ikun hemm il-flessibbiltà meħtieġa matul in-negozjati qabel l-Assemblea Ġenerali tal-OIV fid-9 ta' Ġunju 2023, jenħtieġ li l-Istati Membri li huma membri tal-OIV ikunu awtorizzati li jaqblu mal-bidliet f'dawk l-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV sakemm tali il-bidliet ma jbiddlux is-sustanza tagħhom,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV skedata għad-9 ta' Ġunju 2023 hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma Membri tal-OIV, filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

1.   Meta jkun hemm il-probabbiltà li l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 tiġi affettwata b'informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li tkun ippreżentata qabel jew waqt il-laqgħat tal-OIV, l-Istati Membri li huma Membri tal-OIV għandhom jitolbu biex il-votazzjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni tkun stabbilita abbażi tal-informazzjoni l-ġdida.

2.   Wara laqgħat ta’ koordinazzjoni u mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, l-Istati Membri li huma Membri tal-OIV, filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, jistgħu jaqblu ma' bidliet tekniċi fl-abbozzi tar’ riżoluzzjonijiet tal-OIV imsemmija fl-Anness għal din id-Deċiżjoni li ma jbiddlux is-sustanza tagħhom.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MALMER STENERGARD


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 tat-12 ta' Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li jirrigwarda ż-żoni ta' vitikultura li fihom tista' tiżdied il-qawwa alkoħolika, il-prattiki enoloġiċi awtorizzati u r-restrizzjonijiet applikabbli għall-produzzjoni u l-konservazzjoni tal-prodotti tad-dielja, il-persentaġġ minimu tal-alkoħol għall-prodotti sekondarji u r-rimi tagħhom, u l-pubblikazzjoni tal-fajls tal-OIV (ĠU L 149, 7.6.2019, p. 1).


ANNESS

L-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) li jaġixxu b'mod konġunt f'isem l-Unjoni għandhom jappoġġaw l-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet li ġejjin fl-istadju 7 tul l-Assemblea Ġenerali tal-OIV skedata għad-9 ta' Ġunju 2023:

OENO-SCMA 20-666: Analiżi multi elementali fl-inbid bl-użu tal-Ispettrometrija tal-Massa bi Plażma Akkoppjata Induttivament (ICP-MS)

OENO-SCMA 21-687: Validazzjoni tal-metodu ta' assaġġ tal-aċidu sorbiku fl-inbejjed bl-użu tal-kromatografija likwida (OIV-OENO 06-2006)

OENO-TECHNO 19-657: Trattament tal-inbid bl-użu ta' teknoloġija tal-membrana akkoppjata b'adsorbiment fuq il-karbonju attivat jew polimeri oħra għall-użu enoloġiku biex jitnaqqsu l-fenoli volatili żejda

OENO-TECHNO 19-658: Ħall tal-inbid - Tneħħija tal-metalli mill-ħall permezz ta' kelazzjoni tar-reżini