|
9.6.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 149/81 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1136
tat-8 ta’ Ġunju 2023
dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati Niġerini b’tagħmir militari mfassal biex iwassal forza letali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF trid tintuża biex tiffinanzja miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali b’rabta ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża. |
|
(2) |
Ir-Repubblika tan-Niġer jaqdi rwol ewlieni f’inizjattivi reġjonali, Ewropej u internazzjonali ewlenin immirati lejn it-tisħiħ tal-paċi u l-iżvilupp fis-Saħel, inkluż fl-Istrateġija Integrata tal-Unjoni fis-Saħel, il-Koalizzjoni għas-Saħel u s-Sħubija għas-Sigurtà u l-Istabbiltà fis-Saħel (P3S), kif ukoll fl-Alleanza għas-Saħel. Il-komunità internazzjonali, inkluż l-Unjoni, investiet sforzi konsiderevoli biex tappoġġa lir-Repubblika tan-Niġer fil-ġlieda tiegħu kontra t-terroriżmu f’dawn l-aħħar snin. |
|
(3) |
Fl-10 ta’ Ġunju 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà irċieva talba mir-Repubblika tan-Niġer biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati Niġerini (Forces armées nigériennes - FAN) bl-akkwist ta’ tagħmir importanti sabiex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ appoġġ mill-qrib bl-ajru tal-Forza tal-Ajru tan-Niġer (Armée de l’air du Niger - AAN). Fl-4 ta’ April 2023, waslet talba riveduta mir-Repubblika tan-Niġer li tirrifletti s-sejbiet ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet imwettqa mill-Unjoni fi Frar 2023. |
|
(4) |
Din id-Deċiżjoni dwar miżura ta’ assistenza taħt l-EPF b’appoġġ għall-Forzi Armati Niġerini b’tagħmir militari mfassal biex iwassal forza letali hija kkomplementata minn Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1137 (2). Dawk iż-żewġ Deċiżjonijiet jenħtieġ li jiġu implimentati fl-istess ħin, iżda amministrati separatament. |
|
(5) |
Miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (3), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u nefqa ffinanzjati taħt l-EPF. |
|
(6) |
Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jirrealizza d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
1. Hija b’dan stabbilita miżura ta’ assistenza (il-“miżura ta’ assistenza”) għall-benefiċċju tar-Repubblika tan-Niġer (il-“benefiċjarju”), li għandha tiġi ffinanzjata fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF).
2. L-objettiv tal-miżura ta’ assistenza huwa li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Forzi Armati Niġerini (Forces armées nigériennes - FAN) sabiex jiddefendu l-integrità territorjali u s-sovranità tar-Reppubblika tan-Niġer u biex jipproteġu aħjar il-popolazzjoni ċivili, inkluż mit-theddida terroristika dejjem akbar, f’konformità sħiħa mal-liġi internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali.
3. Biex jintlaħaq l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja l-forniment ta’ munizzjon mill-ajru għall-art (ML4 fil-Lista Militari Komuni tal-UE) għall-ħelikopters MI-35 u MI-171.
4. L-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ikkomplementata minn attivitajiet immirati li jiżguraw l-użu, il-manutenzjoni, il-ħżin u l-monitoraġġ adegwati tal-munizzjon mill-ajru għall-art, li għandhom jiġu ffinanzjati skont id-Deċiżjoni (PESK)2023/1137.
5. Il-miżura ta’ assistenza għandha ddum 30 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 4 702 998.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u r-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti b’din id-Deċiżjoni bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ skont il-miżura ta’ assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
|
(a) |
il-konformità tal-Forza tal-Ajru tan-Niġer mal-liġi internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari l-liġi internazzjonali tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali; |
|
(b) |
l-użu xieraq u effiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovduti skont il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti; |
|
(c) |
il-manutenzjoni suffiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovduti skont il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
|
(d) |
li kwalunkwe assi pprovduti skont il-miżura ta’ assistenza mhux ser jintilfu, jew jiġu ttrasferiti mingħajr l-approvazzjoni tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ skont il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u r-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa skont l-EPF, f’konformità mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza skont l-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mid-Défense Conseil International - DCI Group.
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità mill-benefiċjarju tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dan il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji ta’ ksur tal-obbligi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali mill-Forza tal-Ajru tan-Niger.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u tal-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
|
(a) |
il-verifika tal-kunsinna, fejn iċ-ċertifikati tal-kunsinna jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda; |
|
(b) |
ir-rappurtar, fejn il-benefiċjarju jirrapporta b’mod annwali dwar l-attivitajiet imwettqa bit-tagħmir, servizzi u infrastruttura pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza u dwar l-inventarju ta’ oġġetti deżinjati sakemm tali rappurtar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS); |
|
(c) |
l-ispezzjonijiet fuq il-post, fejn fuq talba l-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli biex iwettaq kontrolli fuq il-post. |
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-miżura ta’ assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta’ assistenza kkontribwietx biex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6
Rappurtar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda wkoll li l-Kunsill jittermina l-miżura ta’ assistenza.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ġunju 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
M. MALMER STENERGARD
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1137 tat-8 ta’ Ġunju 2023 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati Niġerini (Ara paġna 85 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Il-pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).