1.6.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 142/36 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1061
tal-31 ta’ Mejju 2023
dwar l-istabbiliment tal-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar tal-Federazzjoni Russa maħruġa fi jew lil persuni residenti f’reġjuni jew territorji fl-Ukrajna li huma okkupati mill-Federazzjoni Russa jew territorji separatisti fil-Georgia li mhumiex taħt il-kontroll tal-gvern Ġeorġjan li mhumiex aċċettati bħala dokumenti tal-ivvjaġġar validi għall-finijiet tal-ħruġ ta’ viża jew tal-qsim tal-fruntieri esterni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni (UE) 2022/2512 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar in-nonaċċettazzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar tal-Federazzjoni Russa maħruġa fl-Ukrajna u l-Georgia (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,
Billi:
(1) |
F’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2022/2512, huwa meħtieġ li titfassal lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar tal-Federazzjoni Russa, maħruġa fi jew lil persuni residenti f’reġjuni jew territorji tal-Ukrajna li huma okkupati mill-Federazzjoni Russa jew territorji separatisti fil-Georgia li fit-22 ta’ Diċembru 2022 ma kinux taħt il-kontroll tal-gvern Ġeorġjan, li jenħtieġ li ma jiġux aċċettati bħala dokumenti tal-ivvjaġġar validi għall-finijiet tal-ħruġ ta’ viża f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u tal-qsim tal-fruntieri esterni f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
(2) |
Jenħtieġ li l-lista tiżgura li l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża u għat-twettiq ta’ kontrolli fil-fruntieri jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom informazzjoni preċiża u aġġornata dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar li jenħtieġ li ma jiġux aċċettati f’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2022/2512. L-għan tal-lista huwa li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-acquis tal-UE dwar il-viżi u l-kontrolli li għalihom huma soġġetti l-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni. |
(3) |
Fit-18 ta’ Marzu 2014, wara l-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta’ Sevastopol mill-Federazzjoni Russa, il-President tal-Federazzjoni Russa ffirma t-Trattat tal-annessjoni. Għalhekk, id-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa fi jew lir-residenti tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta’ Sevastopol wara t-18 ta’ Marzu 2014 għandhom ikunu fuq dik il-lista. |
(4) |
Fl-24 ta’ April 2019, permezz tad-Digriet tal-President tal-Federazzjoni Russa Nru 183, il-Federazzjoni Russa ssimplifikat il-proċedura għar-residenti tar-reġjuni mhux ikkontrollati mill-gvern ta’ Donetsk u Luhansk tal-Ukrajna biex jiksbu ċ-ċittadinanza Russa, inkluża l-proċedura għall-ħruġ ta’ passaporti internazzjonali Russi lil dawk ir-residenti. Għalhekk, id-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa fi jew lir-residenti tar-reġjun ta’ Donetsk u r-reġjun ta’ Luhansk wara l-24 ta’ April 2019 għandhom ikunu fuq dik il-lista. |
(5) |
Fil-25 ta’ Mejju 2022, il-Federazzjoni Russa estendiet il-proċedura simplifikata għall-kisba taċ-ċittadinanza Russa għar-reġjuni ta’ Kherson u Zaporizhzhia. Fl-11 ta’ Lulju 2022, ir-Russja espandiet il-passportizzazzjoni tagħha għat-territorju kollu tal-Ukrajna sabiex iċ-ċittadini kollha tal-Ukrajna jkunu jistgħu jitolbu ċ-ċittadinanza Russa u jiksbu passaport Russu fil-proċedura simplifikata. Abbażi tad-digriet tal-11 ta’ Lulju 2022, inħarġu dokumenti tal-ivvjaġġar Russi fir-reġjun ta’ Kharkiv mill-1 ta’ Awwissu 2022. Il-maġġoranza tar-reġjun ta’ Kharkiv ġie lliberat mill-Ukrajna fid-9 ta’ Settembru 2022. Id-dokumenti tal-ivvjaġġar Russi maħruġa f’dan ir-reġjun jistgħu jkunu fiċ-ċirkolazzjoni. Għalhekk, id-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa fi jew lir-residenti tar-reġjun ta’ Kherson u tar-reġjun ta’ Zaporizhzhia wara l-25 ta’ Mejju 2022 u r-reġjun ta’ Kharkiv wara l-1 ta’ Awwissu 2022 għandhom ikunu f’dik il-lista. |
(6) |
Fis-26 ta’ Awwissu 2008, il-President tal-Federazzjoni Russa ddeċieda li r-Russja tirrikonoxxi formalment lill-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar bħala stati indipendenti. Għalhekk, id-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa fi jew lir-residenti tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar wara s-26 ta’ Awwissu 2008 għandhom ikunu f’dik il-lista. |
(7) |
Il-fatt li pajjiż jew entità jidhru fuq il-lista ma għandux jitqies li jimplika li huwa rikonoxxut skont id-dritt internazzjonali minn Stat Membru wieħed jew aktar. |
(8) |
Billi d-Deċiżjoni (UE) 2022/2512 tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka nnotifikat l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2512 fil-liġi nazzjonali tagħha. Għaldaqstant, id-Danimarka hija marbuta bid-dritt internazzjonali li timplimenta din id-Deċiżjoni. |
(9) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); Għaldaqstant, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(10) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6). |
(11) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi fi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punti A u B tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8). |
(12) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (9) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punti A u B tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10). |
(13) |
Fir-rigward ta’ Ċipru, il-Bulgarija u r-Rumanija, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011 fir-rigward tal-ħruġ ta’ viżi skont ir-Regolament (KE) Nru 810/2009, kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2512, filwaqt li jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa relatat miegħu, rispettivament, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 u l-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 fir-rigward tal-qsim tal-fruntieri esterni skont ir-Regolament (UE) 2016/399 kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2512. |
(14) |
Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni malajr u uniformi tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2512, u minħabba s-sitwazzjoni ta’ emerġenza fir-reġjuni u t-territorji fl-Ukrajna okkupati mir-Russja kif ukoll f’territorji separatisti fil-Georgia, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar tal-Federazzjoni Russa msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2512 hija kif tinsab fl-Anness.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 326, 21.12.2022, p. 5.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(5) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(7) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(9) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
ANNESS
Il-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar tal-Federazzjoni Russa msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2512 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1 (1) 1
1. L-Ukrajna:
Passaport ordinarju
Passaport diplomatiku
Permess ta’ residenza għal persuna apolida
Ċertifikat ta’ ritorn
Dokument ta’ Identità tal-Baħħara
Ktieb il-baħħara
Maħruġ fi jew lil residenti ta’:
|
ir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta’ Sevastopol wara t-18 ta’ Marzu 2014; |
|
ir-reġjun ta’ Donetsk wara l-24 ta’ April 2019; |
|
ir-reġjun ta’ Luhansk wara l-24 ta’ April 2019; |
|
ir-reġjun ta’ Kherson wara l-25 ta’ Mejju 2022; |
|
ir-reġjun ta’ Zaporizhzhia wara l-25 ta’ Mejju 2022; |
|
ir-reġjun ta’ Kharkiv wara l-1 ta’ Awwissu 2022; |
2. Il-Georgia:
Passaport ordinarju
Passaport diplomatiku
Permess ta’ residenza għal persuna apolida
Ċertifikat ta’ ritorn
Dokument ta’ Identità tal-Baħħara
Ktieb il-baħħara
Maħruġ fi jew lil residenti ta’:
|
L-Abkażja wara s-26 ta’ Awwissu 2008; |
|
L-Ossezja tan-Nofsinhar wara s-26 ta’ Awwissu 2008. |
(1) Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2512 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar in-nonaċċettazzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar tal-Federazzjoni Russa maħruġa fl-Ukrajna u l-Georgia (ĠU L 326, 21.12.2022, p. 1).