31.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/57


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1055

tat-30 ta’ Mejju 2023

li tistabbilixxi r-regoli dwar il-kondiviżjoni u l-prijoritizzazzjoni tal-kapaċitajiet tas-servizzi u tat-tagħmir tal-utenti ta’ komunikazzjoni bis-satellita biex tiġi ssodisfata l-funzjoni msemmija fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni 541/2014/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 66(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2021/696 jipprovdi li skont il-komponent tal-GOVSATCOM, il-kapaċitajiet u s-servizzi tal-komunikazzjoni bis-satellita għandhom jiġu kkombinati f’ġabra komuni tal-Unjoni ta’ kapaċitajiet u servizzi ta’ komunikazzjoni bis-satellita, b’rekwiżiti xierqa ta’ sigurtà.

(2)

Skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2021/696, il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli dettaljati dwar il-kondiviżjoni u l-prijoritizzazzjoni tal-kapaċitajiet, tas-servizzi u tat-tagħmir tal-utenti tal-komunikazzjoni bis-satellita, filwaqt li tqis id-domanda mistennija għall-każijiet ta’ użu differenti tal-GOVSATCOM, l-analiżi tar-riskji għas-sigurtà għal dawk il-każijiet tal-użu u, fejn ikun xieraq, il-kosteffiċjenza.

(3)

Il-kondiviżjoni u l-prijoritizzazzjoni jenħtieġ li jipprovdu użu ġust u ottimizzat tar-riżorsi disponibbli tal-GOVSATCOM, imfassla għall-ħtiġijiet ta’ kull parteċipant. Sabiex jiġi żgurat l-aħjar tqabbil bejn il-provvista u d-domanda għas-servizzi tal-GOVSATCOM, hemm bżonn li d-disponibbiltà tas-servizzi tiġi bbażata fuq il-provvista u d-domanda tal-kapaċitajiet u tas-servizzi satellitari miġbura u kondiviżi akkwistati.

(4)

Ir-riżorsi tal-fornituri tar-riżorsi jenħtieġ li jinġabru f’ġabra Komuni tal-Unjoni. Il-kondiviżjoni u l-prijoritizzazzjoni jenħtieġ li jipprovdu mekkaniżmi għall-allokazzjoni tas-servizzi lill-parteċipanti skont il-ħtiġijiet tagħhom għas-servizzi tal-GOVSATCOM. Għalhekk, il-ġabra Komuni tal-Unjoni jenħtieġ li tinqasam f’allokazzjoni fissa u f’allokazzjoni dinamika. Il-forniment garantit tas-servizzi huwa appoġġat permezz ta’ allokazzjoni fissa ta’ servizzi għal kull parteċipant, filwaqt li l-ħtiġijiet mhux ippjanati huma appoġġati permezz ta’ allokazzjoni dinamika ta’ servizzi. Jenħtieġ li fil-ġabra Komuni tal-Unjoni jiġi inkluż volum ta’ riżorsi bħala marġni ta’ kriżi, sabiex jiġi appoġġat il-forniment ta’ servizzi għal ħtiġijiet mhux ippjanati, urġenti u ta’ prijorità għolja ta’ kwalunkwe parteċipant.

(5)

Il-kondiviżjoni u l-prijoritizzazzjoni jenħtieġ li jappoġġaw prijoritajiet differenti tat-talbiet tal-parteċipanti għas-servizzi tal-GOVSATCOM u jimplimentaw mekkaniżmi xierqa għall-ipproċessar tagħhom. Jenħtieġ li jiġi previst mekkaniżmu ta’ kumpens għas-servizzi tal-GOVSATCOM sabiex jiġi ffaċilitat l-użu effiċjenti tar-riżorsi u jiġu evitati d-distorsjonijiet tas-suq. Għal dan il-għan, jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema ta’ tokens b’valuri ta’ kumpens ibbażati fuq il-livell ta’ prijorità tat-talbiet. Jenħtieġ li tiġi prevista wkoll il-possibbiltà li jinxtraw tokens addizzjonali jew li jingħataw tokens lil parteċipant ieħor.

(6)

L-għadd totali ta’ tokens disponibbli abbażi tal-baġit disponibbli jenħtieġ li jinqasam fis-sehem totali tal-Istati Membri, is-sehem tal-istituzzjoni tal-UE u l-marġni ta’ kriżi.

(7)

Ir-riżorsi miġbura jenħtieġ li jiġu allokati għas-servizzi skont it-talbiet ta’ servizz tal-parteċipanti li jaqbdu maċ-ċentru tal-GOVSATCOM. Għal dak il-għan, kull parteċipant jenħtieġ li jiddetermina r-rilevanza tal-utenti tiegħu u l-kritikalità tat-talba tiegħu.

(8)

Sabiex jiġi żgurat l-ipproċessar bla xkiel tat-talbiet għas-servizz, jenħtieġ li ċ-ċentru tal-GOVSATCOM ilaqqa’ t-talba għas-servizz mar-riżorsi tal-ġabra. F’każijiet fejn it-talbiet għal servizz ma jistgħux jitqabblu mar-riżorsi disponibbli tal-ġabra, jenħtieġ li jiġi previst mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) 2021/696,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

(1)   Din id-deċiżjoni stabbiliet ir-regoli dwar il-kondiviżjoni u l-prijoritizzazzjoni tal-GOVSATCOM għall-inklużjoni ta’ riżorsi għal Ġabra Komuni tal-Unjoni u l-kondiviżjoni tas- servizzi fost il-parteċipanti.

(2)   Din id-deċiżjoni tapplika għas-servizzi tal-GOVSATCOM kif definiti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1054 (2). L-utenti jinteraġixxu maċ-Ċentru tal-GOVSATCOM permezz tal-awtorità kompetenti tal-GOVSATCOM (CGA) rispettiva.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

(1)   Riżorsa allokata: Riżorsa allokata għal servizz għal perjodu ta’ żmien speċifiku, skont it-talba għal servizz rilevanti.

(2)   Riżorsa disponibbli: Riżorsa li ma hijiex allokata lil servizz għal perjodu ta’ żmien speċifiku.

(3)   Ġabra komuni tal-Unjoni jew ġabra: Il-ġabra ta’ riżorsi li jsiru disponibbli għall-GOVSATCOM permezz ta’ kuntratti jew ftehimiet mal-fornituri tar-riżorsi.

(4)   Kumpens: Mekkaniżmu ta’ pagament ibbażat fuq it-tokens.

(5)   Awtorità Kompetenti tal-GOVSATCOM (CGA): L-entità maħtura minn parteċipant skont l-Artikolu 68(4) tar-Regolament (UE) 2021/696 biex twettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 68(5).

(6)   Kunflitt: Is-sitwazzjoni fejn il-volum ta’ ċerta riżorsa fil-ġabra jkun anqas mill-volum aggregat meħtieġ mit-talbiet għal servizz għal perjodu ta’ żmien speċifiku; għalhekk, it-talbiet għal servizz ikollhom kunflitt fuq l-istess riżorsa.

(7)   Marġni tal-kriżi: Ir-riżorsi tal-ġabra li jibqgħu disponibbli għall-allokazzjoni dinamika f’każ ta’ talba/talbiet ta’ prijorità għolja li għalihom ma jinstab l-ebda tqabbil jew riżorsi disponibbli fil-partijiet l-oħra tal-ġabra.

(8)   Allokazzjoni dinamika: L-allokazzjoni ta’ servizzi u riżorsi lill-parteċipant skont it-talbiet ta’ servizz tal-utenti tiegħu li jinħarġu matul Terminu ta’ Programmazzjoni tal-Ġabra (PPT).

(9)   Allokazzjoni fissa: L-allokazzjoni ta’ servizzi u riżorsi għall-PPT kollu skont il-pjan espress ta’ kull parteċipant, qabel id-data tal-bidu tal-PPT.

(10)   Servizzi tal-GOVSATCOM jew servizzi: Is-servizzi inklużi fil-portafoll tas-servizzi tal-GOVSATCOM.

(11)   Servizzi taċ-Ċentru tal-GOVSATCOM: Is-servizzi li huma pprovduti miċ-Ċentru tal-GOVSATCOM biex jappoġġaw l-operat tas-sistema tal-GOVSATCOM. L-appoġġ għas-servizzi taċ-Ċentru tal-GOVSATCOM, bħall-għażla, il-prenotazzjoni, l-istabbiliment, il-forniment tas-servizzi tal-GOVSATCOM, l-allokazzjoni u d-deallokazzjoni tar-riżorsi eċċ. u li ma humiex inklużi fil-portafoll tas-servizzi tal-GOVSATCOM.

(12)   Sistema tal-GOVSATCOM: Is-sistema li tinkludi ċ-Ċentru/i tal-GOVSATCOM, l-Infrastruttura tal-Monitoraġġ tas-Sigurtà tal-GOVSATCOM, l-interfaċċi bejn iċ-Ċentru/i tal-GOVSATCOM u l-Awtoritajiet Kompetenti tal-GOVSATCOM, l-interfaċċi bejn iċ-Ċentru/i tal-GOVSATCOM u l-fornituri tar-riżorsi, u kwalunkwe infrastruttura oħra tal-UE meħtieġa biex tippermetti l-forniment tal-kapaċitajiet u s-servizzi bis-satellita miġbura u kondiviżi mill-fornituri tar-riżorsi u magħmula disponibbli għall-utenti tal-GOVSATCOM.

(13)   Kont tal-parteċipant: Il-kont tal-parteċipant li jkollu t-tokens tiegħu.

(14)   Sehem tal-parteċipant: Is-sehem tar-riżorsi tal-ġabra li jikkorrispondi għall-parteċipant tal-GOVSATCOM. Is-sehem huwa espress f’tokens.

(15)   Terminu ta’ Programmazzjoni tal-Ġabra (PPT): Il-perjodu ta’ żmien fiss li għalih ġew konklużi kuntratti jew ftehimiet bejn il-Kummissjoni u l-fornituri tar-riżorsi għall-inklużjoni tar-riżorsi tagħhom fil-ġabra Komuni tal-Unjoni.

(16)   Prelazzjoni: It-twaqqigħ, l-interruzzjoni jew it-tnaqqis fil-grad ta’ servizz minħabba riżoluzzjoni tal-kunflitti.

(17)   Riżorsa: Kapaċità, servizz, assi u tagħmir tal-utenti ta’ komunikazzjoni bis-satellita użati għall-forniment ta’ servizzi identifikati fl-Atti ta’ Implimentazzjoni tal-Portafoll tas-Servizzi [referenza] li huma allokati lill-parteċipanti tal-GOVSATCOM fil-forma ta’ servizzi.

(18)   Fornitur tar-riżorsi: Entità msemmija fl-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2021/696 li tipprovdi riżorsi għall-ġabra Komuni tal-Unjoni, permezz ta’ kuntratti jew ftehimiet mal-Unjoni, li jkollha s-sjieda u/jew li topera s-sistemi spazjali u s-segment u n-networks terrestri assoċjati.

(19)   Talba għal riżorsi: It-talba maħruġa miċ-Ċentru tal-GOVSATCOM lill-fornitur tar-riżorsi bil-għan li jiġu allokati/deallokati r-riżorsi miġbura

(20)   Talba għal servizz: It-talba maħruġa mis-CGA liċ-Ċentru tal-GOVSATCOM bl-għan li tiġi kkonfermata d-disponibbiltà tar-riżorsi u li titkompla l-allokazzjoni tagħhom għall-forniment tas-servizz.

(21)   Token: L-unità użata għall-ħlas (kumpens) tas-Servizzi tal-GOVSATCOM.

Artikolu 3

Ġabra Komuni tal-Unjoni

(1)   Is-servizzi tal-GOVSATCOM għandhom ikunu disponibbli għall-parteċipanti bl-inklużjoni tar-riżorsi tal-fornituri tar-riżorsi f’ġabra.

(2)   Ir-riżorsi tal-ġabra għandhom ikunu disponibbli permezz ta’ kuntratti jew ftehimiet konklużi bejn il-Kummissjoni u l-fornituri tar-riżorsi matul Terminu Programmatiku wieħed tal-Ġabra (PPT) għal kull waħda mill-partijiet tal-ġabra.

(3)   Il-ġabra għandha tikkonsisti minn erba’ (4) partijiet:

(a)

parti ta’ allokazzjoni fissa li tinkludi r-riżorsi għall-forniment tas-servizzi ta’ allokazzjoni fissa lill-parteċipanti f’konformità mal-Artikolu 6;

(b)

il-parti dinamika tal-allokazzjoni mħallsa minn qabel li tinkludi r-riżorsi għall-forniment ta’ servizzi mitluba permezz tal-mekkaniżmu ta’ allokazzjoni dinamika mħallsa minn qabel f’konformità mal-Artikoli 7 u 8;

(c)

il-parti dinamika tal-allokazzjoni fuq talba li tinkludi r-riżorsi għall-forniment ta’ servizzi mitluba permezz tal-mekkaniżmu ta’ allokazzjoni dinamika fuq talba f’konformità mal-Artikoli 7 u 8;

(d)

il-parti tal-marġni tal-kriżi li tinkludi riżorsi għall-forniment ta’ servizzi f’każ ta’ talbiet dinamiċi ta’ prijorità għolja meta r-riżorsi ta’ partijiet oħra tal-ġabra ma jkunux biżżejjed, f’konformità mal-Artikolu 7.

(4)   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-parteċipanti l-ishma tagħhom, is-servizzi disponibbli u l-attributi relatati għall-PPT li jmiss flimkien mal-valuri tagħhom fit-tokens, l-aħħar 30 ġimgħa qabel id-data tal-bidu tat-terminu tal-PPT.

(5)   L-ewwel PPT għandu jibda mad-dħul fis-servizz taċ-ċentru tal-GOVSATCOM, u t-tul ta’ żmien tiegħu għandu jkun ta’ sentejn. Ladarba jiskadi l-PPT, għandu jibda PPT ieħor għall-istess tul ta’ żmien.

Artikolu 4

Kumpens, tokens u kontijiet tas-servizzi tal-GOVSATCOM

(1)   Is-servizzi tal-GOVSATCOM għandhom jiġu kondiviżi u jingħataw prijorità bejn l-utenti permezz ta’ kumpens bl-użu tat-tokens.

(2)   Il-valur tal-kumpens bażi ta’ servizz għandu jkun is-somma tal-kumpensi li jingħataw lill-fornituri tar-riżorsi biex jagħmlu disponibbli r-riżorsi meħtieġa għall-forniment tas-servizz bl-attributi u d-durata speċifiċi indikati fit-talba għal servizz rispettiva. Il-valur tal-kumpens ta’ servizz għandu jkun a) 80 % tal-valur tal-kumpens bażi tiegħu f’każ ta’ talbiet ta’ prijorità baxxa, b) 100 % tal-valur tal-kumpens bażi tiegħu f’każ ta’ talbiet ta’ prijorità medja c) 130 % tal-valur tal-kumpens bażi tiegħu f’każ ta’ talbiet ta’ prijorità għolja.

(3)   Kull parteċipant għandu jkollu l-kont tal-parteċipant tiegħu li jkollu t-tokens tiegħu. Kull kont parteċipant għandu jinqasam f’żewġ partijiet: a) il-partijiet imħallsa minn qabel u b) dawk imħallsa fuq talba, li jintużaw għall-kumpens tas-servizzi mitluba bl-użu ta’ mekkaniżmi ta’ allokazzjoni dinamika mħallsa minn qabel jew imħallsa fuq talba rispettivament.

Il-qsim tat-tokens tal-parteċipanti f’kull parti tal-kont għandu jiġi stabbilit mill-parteċipant qabel id-data tal-bidu tal-PPT msemmija fl-Artikolu 6 u t-tokens ma għandhomx jiġu ttrasferiti minn parti għall-oħra matul il-PPT.

It-tokens li jifdal fil-parti mħallsa minn qabel tal-kont għandhom jiġu kklerjati fl-aħħar tal-PPT skont il-paragrafu 6.

Iċ-ċentru tal-GOVSATCOM iżomm il-kontijiet tal-parteċipanti.

(4)   Matul il-PPT, il-parteċipant jista’ juża l-euro biex jixtri tokens addizzjonali permezz tal-Kummissjoni skont il-proporzjon tal-konverżjoni ta’ tokens għal euro definit għal dak il-PPT.

Il-Kummissjoni għandha tinforma liċ-ċentru tal-GOVSATCOM u t-tokens addizzjonali għandhom jiżdiedu mal-parti tal-“ħlas fuq talba” tal-kont tal-parteċipant rispettiv.

(5)   Parteċipant jista’ jagħti tokens mill-kont tiegħu lil parteċipant ieħor.

It-trasferiment tat-tokens minn kont ta’ parteċipant għal ieħor għandu jintalab mis-CGA tal-parteċipant li jagħti d-donazzjoni liċ-ċentru tal-GOVSATCOM u l-aċċettazzjoni tad-donazzjoni mis-CGA tal-parteċipant riċeventi.

It-tokens għandhom jiġu ttrasferiti mill-istess parti tal-kont tal-parteċipant li jagħti t-tokens (il-parti mħallsa minn qabel jew fuq talba) għall-istess parti tal-kont tal-parteċipant riċeventi.

Il-parteċipant jista’ jagħti tokens mis-sehem tiegħu għall-allokazzjoni fissa ta’ servizzi f’konformità mal-Artikolu 6 lil parteċipant ieħor, u jinforma lill-Kummissjoni.

(6)   L-għadd ta’ tokens disponibbli għal kull parteċipant fil-parti imħallsa minn qabel tal-kont tiegħu għandu jiġi kklerjat fl-aħħar tal-PPT u l-għadd ta’ tokens fil-parti mħallsa minn qabel tal-kontijiet tal-parteċipanti kollha għandu jiġi ssettjat għal żero.

(7)   Kull fornitur tar-riżorsi għandu jirċievi kumpens f’euro għal kull servizz imwettaq b’suċċess bl-użu tar-riżorsi tiegħu, skont il-ftehim jew il-kuntratt tiegħu mal-Kummissjoni.

Artikolu 5

Ishma tal-parteċipanti

(1)   Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi l-għadd totali ta’ tokens li għandhom jiġu distribwiti għall-PPT li jmiss skont il-baġit disponibbli u skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratti u l-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 3(2). Dawn it-tokens għandhom ikunu disponibbli għall-parteċipanti tal-GOVSATCOM f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5.

(2)   L-għadd totali ta’ tokens għandu jinqasam fi tliet partijiet:

(a)

Is-sehem totali tal-Istati Membri, li huwa ssettjat għal 75 % tal-għadd totali ta’ tokens

(b)

Il-marġni tal-kriżi, li huwa ssettjat għal 10 % tal-għadd totali ta’ tokens

(c)

Is-sehem totali tal-istituzzjonijiet tal-UE, li huwa ssettjat għal 15 % tal-għadd totali ta’ tokens

(3)   Is-sehem totali tal-Istati Membri għandu jinqasam ulterjorment fl-ishma tal-Istati Membri. Kull Stat Membru għandu jirċievi perċentwal (f’tokens) tas-sehem totali tal-Istati Membri proporzjonali għall-għadd ta’ voti tiegħu fil-Kunsill. L-għadd ta’ tokens riċevuti minn kull Stat Membru għandu jkun is-sehem tal-parteċipant għall-Istat Membru rispettiv għall-PPT li jmiss.

Jekk Stat Membru ma jkunx innomina l-awtorità kompetenti tal-GOVSATCOM tiegħu mill-inqas 32 ġimgħa qabel id-data tal-bidu tat-terminu tal-PPT, it-tokens tiegħu għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri li jkunu ħatru s-CGA tagħhom pro rata s-sehem tagħhom.

(4)   Is-sehem totali tal-istituzzjonijiet tal-UE għandu jinqasam ulterjorment fl-ishma tal-istituzzjonijiet tal-UE. Kull istituzzjoni tal-UE għandha tirċievi perċentwal (f’tokens) tas-sehem totali tal-istituzzjonijiet tal-UE skont il-pjan ta’ kondiviżjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE li għandu jiġi ddefinit mill-Kummissjoni għal kull PPT. L-għadd ta’ tokens riċevuti minn kull istituzzjoni tal-UE għandu jkun is-sehem tal-parteċipant għall-istituzzjoni rispettiva tal-UE għall-PPT li jmiss.

Jekk istituzzjoni tal-UE ma tkunx ħatret l-awtorità kompetenti tal-GOVSATCOM tagħha mill-inqas 32 ġimgħa qabel id-data tal-bidu tal-PPT, it-tokens tagħha għandhom jitqassmu fost l-istituzzjonijiet tal-UE li jkunu ħatru s-CGA tagħhom pro rata s-sehem tagħhom fil-pjan ta’ kondiviżjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE.

(5)   It-tokens ta’ kull sehem ta’ parteċipant għal PPT ġdid għandhom jiżdiedu mat-tokens li setgħu tħallew fil-parti tal-ħlas fuq talba tal-kont tal-parteċipant rispettiva fi tmiem il-PPT preċedenti. Qabel din iż-żieda, it-tokens li jifdal fil-parti tal-ħlas fuq talba tal-kont tal-parteċipant għandhom jiġu kkonvertiti f’tokens għall-PPT il-ġdid skont il-proporzjon ta’ konverżjoni tat-tokens f’euro għall-PPT il-ġdid.

Artikolu 6

Riżorsi għall-allokazzjoni fissa tas-servizzi

(1)   Kull parteċipant għandu jagħżel is-servizzi li għandhom jiġu allokati lilu permezz ta’ allokazzjoni fissa. Il-valur aggregat tas-servizzi magħżula ma għandux jaqbeż in-numru ta’ tokens tal-kont tiegħu.

Abbażi ta’ dan, il-parteċipanti għandhom iħejju pjan li jikkonsisti minn dawn:

(a)

it-talbiet għal servizz għas-servizzi magħżula, u;

(b)

il-qsim tat-tokens li jifdal tal-parteċipant fil-partijiet imħallsa minn qabel u dawk imħallsa fuq talba tal-kont tiegħu.

Il-parteċipant għandu jibgħat il-pjan liċ-Ċentru tal-GOVSATCOM, sa mhux aktar tard minn 20 ġimgħa qabel id-data tal-bidu tal-PPT.

(2)   Malli jirċievi l-pjanijiet imsemmija fil-paragrafu 1, iċ-ċentru tal-GOVSATCOM għandu jaggrega r-riżorsi li huma meħtieġa għas-servizzi mitluba u jikkomunikahom lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn 18-il ġimgħa qabel id-data tal-bidu tal-PPT.

Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi l-kuntratti jew il-ftehimiet rispettivi mal-fornituri tar-riżorsi għar-riżorsi meħtieġa għall-allokazzjoni fissa tas-servizzi.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-kuntratti u l-ftehimiet mal-fornituri tar-riżorsi liċ-Ċentru tal-GOVSATCOM mhux aktar tard minn 10 ġimgħat qabel id-data tal-bidu tal-PPT.

Iċ-ċentru tal-GOVSATCOM għandu jivvaluta d-disponibbiltà tar-riżorsi meħtieġa għall-allokazzjoni fissa tas-servizzi u f’każ li xi wħud mis-servizzi mitluba ma jkunux jistgħu jiġu pprovduti minħabba nuqqas ta’ riżorsi suffiċjenti mill-fornituri tar-riżorsi jew għal kwalunkwe raġuni oħra, iċ-ċentru tal-GOVSATCOM għandu jwaqqa’ t-talba għal servizz rispettiva f’konformità mal-Artikolu 11(4).

It-tokens relatati mas-servizz imwaqqa’ għandhom jibqgħu jintużaw fil-partijiet dinamiċi tal-kont tal-parteċipant affettwat.

(3)   Iċ-ċentru tal-GOVSATCOM għandu jinforma lill-parteċipanti bis-servizzi li se jkunu disponibbli għalihom permezz tal-allokazzjoni fissa u skont il-pjan ta’ kull parteċipant mhux aktar tard minn 6 ġimgħat qabel id-data tal-bidu tal-PPT.

L-għadd ta’ tokens ta’ kull parteċipant għandu jitnaqqas bil-valur totali tas-servizzi li jkunu saru disponibbli għal dan il-parteċipant permezz tal-mekkaniżmu ta’ allokazzjoni fissa u l-għadd ta’ tokens li jifdal fil-kont tal-parteċipant jiġi kkomunikat lil kull parteċipant.

(4)   Wara l-konklużjoni tal-kuntratti jew tal-ftehimiet għall-allokazzjoni fissa tas-servizzi u d-dħul fis-seħħ tagħhom, ir-riżorsi rispettivi għandhom jiġu inklużi fil-parti korrispondenti tal-ġabra.

Artikolu 7

Riżorsi għall-allokazzjoni dinamika tas-servizzi u l-parti tal-ġestjoni tal-kriżijiet

(1)   L-għadd ta’ tokens li jifdal fil-kont tal-parteċipant jista’ jintuża mill-parteċipant biex joħroġ talbiet għal servizz għal allokazzjoni dinamika ta’ servizzi. Kull parteċipant għandu jiddefinixxi l-qsim tat-tokens li jifdal tiegħu għall-partijiet imħallsa minn qabel u fuq talba tal-kont tiegħu, mhux aktar tard minn 4 ġimgħat qabel id-data tal-PPT, u għandu jinforma liċ-ċentru tal-GOVSATCOM.

(2)   Il-kuntratti jew il-ftehimiet mal-fornituri msemmija fl-Artikolu 3(2) għandhom jinkludu riżorsi fil-ġabra Komuni tal-Unjoni li għandhom ikunu disponibbli permezz tal-mekkaniżmu ta’ allokazzjoni dinamika mħallsa minn qabel matul il-PPT.

(3)   Il-kuntratti jew il-ftehimiet mal-fornituri msemmija fl-Artikolu 3(2) għandhom jinkludu wkoll riżorsi fil-ġabra li huma riżervati f’każ ta’ kriżi (“marġni tal-kriżi”). L-użu ta’ tali riżorsi għandu jkun riżervat għal talbiet li jinħarġu bi prijorità għolja f’konformità mal-Artikolu 9 li għalihom ma jinstabu l-ebda riżorsi korrispondenti u disponibbli fil-partijiet l-oħra tal-ġabra.

(4)   Wara l-konklużjoni tal-kuntratti jew tal-ftehimiet għall-allokazzjoni dinamika tas-servizzi u soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 7, ir-riżorsi rispettivi għandhom jiġu inklużi fil-partijiet korrispondenti tal-ġabra. Il-valur totali ta’ dawn il-kuntratti jew ftehimiet ma għandux jaqbeż l-għadd totali ta’ tokens disponibbli għall-marġni ta’ kriżi u għall-allokazzjoni dinamika mħallsa minn qabel tas-servizzi matul il-PPT.

(5)   Il-Kummissjoni għandha tqis is-servizzi li ntalbu mill-parteċipanti għal allokazzjoni fissa, għall-għażla ta’ riżorsi li għandhom jiġu inklużi fil-ġabra għall-allokazzjoni dinamika mħallsa minn qabel u għall-marġni tal-kriżi.

(6)   Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi kuntratti jew ftehimiet mal-fornituri tar-riżorsi għall-inklużjoni ta’ riżorsi għall-parti tal-allokazzjoni dinamika fuq talba tal-ġabra permezz tal-mekkaniżmu tal-allokazzjoni dinamika ta’ ħlas fuq talba. Tali kuntratti jew ftehimiet jistgħu jiġu konklużi wkoll matul id-durata tal-PPT.

(7)   Wara l-konklużjoni tal-kuntratti jew tal-ftehimiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, ir-riżorsi għandhom jiġu inklużi fil-parti tal-allokazzjoni dinamika mħallsa minn qabel, fil-parti tal-allokazzjoni dinamika fuq talba, u fil-parti tal-marġni tal-kriżi tal-ġabra komuni tal-Unjoni, mad-dħul fis-seħħ tal-kuntratt jew tal-ftehim rispettiv bejn il-Kummissjoni u l-fornitur tar-riżorsi rispettiv.

(8)   Ir-riżorsi għandhom jiġu esklużi mill-ġabra komuni tal-Unjoni mat-terminazzjoni tal-kuntratt jew tal-ftehim rispettiv.

Artikolu 8

Attivazzjoni tas-servizzi ta’ allokazzjoni dinamika

(1)   Matul il-PPT, kull CGA tista’ titlob servizzi bl-użu tal-mekkaniżmu ta’ allokazzjoni dinamika.

(2)   L-allokazzjoni dinamika tas-servizzi għandha titwettaq permezz tal-ħruġ ta’ talbiet għal servizz f’konformità mal-Artikoli 9 u 10. It-talbiet għal servizz għall-allokazzjoni dinamika tas-servizzi għandhom isiru permezz ta’ talba għal servizz imħallas minn qabel jew talba għal servizz ta’ ħlas fuq talba.

(3)   Kull CGA għandha tiddefinixxi l-proporzjon bejn il-partijiet imħallsa minn qabel u mħallsa fuq talba tat-tokens assenjati lis-servizzi ta’ allokazzjoni dinamika qabel il-bidu ta’ kull PPT.

(4)   It-talbiet għal servizz għandhom jinħarġu mis-CGA tal-parteċipant liċ-ċentru tal-GOVSATCOM.

Artikolu 9

Talbiet għal Servizz

(1)   Kull parteċipant għandu jiddetermina r-rilevanza tal-utenti tiegħu fuq bażi ta’ skala minn 0 sa 2.

(2)   Kull utent għandu jiddetermina l-kritikalità tat-talba tiegħu (3) fuq bażi ta’ skala minn 0 sa 2 u għandu jinforma lis-CGA tiegħu b’dan.

(3)   Il-prijorità ta’ talba għal servizz għandha tiġi ddeterminata abbażi tar-rilevanza tal-utent u l-kritikalità tat-talba. Il-punteġġ prijoritarju jiġi ddeterminat mill-prodott tar-rilevanza u l-kritikalità f’konformità mar-regola definita fl-Anness.

(4)   Kull talba għal servizz maħruġa mis-CGA liċ-ċentru tal-GOVSATCOM għandha tinkludi l-punteġġ ta’ prijorità msemmi fil-paragrafu 3. Il-firxa tal-punteġġ ta’ prijorità għandha tkun minn żero (0) sa erbgħa (4) u għandha tiġi mmappjata għal tliet livelli ta’ prijorità: i) prijorità baxxa għall-punteġġ ta’ prijorità ugwali għal żero, ii) prijorità medja għall-punteġġi ta’ prijorità ogħla minn żero u anqas minn erbgħa, iii) prijorità għolja għall-punteġġ ta’ prijorità ugwali għal erbgħa.

Kull talba għal servizz ta’ allokazzjoni dinamika għandha tidentifika s-subkategorija li għaliha tappartjeni: i) imħallas minn qabel jew ii) imħallas fuq talba.

It-talba għal servizz għandha tinkludi wkoll l-identifikatur tal-parteċipant rispettiv.

(5)   Il-proċedura u r-regoli ta’ kondiviżjoni u ta’ prijoritizzazzjoni bejn l-utenti tal-GOVSATCOM li huma awtorizzati minn parteċipant simili għandhom jiġu ddeterminati minn dak il-parteċipant u implimentati mis-CGA tiegħu.

(6)   It-talbiet għal servizzi ta’ prijorità għolja għandhom jinkludu għażla ta’ persistenza ta’ 30 jum. L-ipproċessar tat-talbiet għal servizzi ta’ prijorità għolja bl-għażla ta’ persistenza attivata jsegwi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10. Sakemm ma tkun ġiet allokata l-ebda riżorsa għat-talba għal servizz s’issa u tiġi attivata l-għażla għall-persistenza, iċ-ċentru tal-GOVSATCOM iwettaq tlaqqigħ regolari tat-talba għal servizz mar-riżorsi disponibbli tal-ġabra. F’każ li jinstabu riżorsi ġodda ta’ tlaqqigħ fil-ġabra, iċ-ċentru tal-GOVSATCOM jaġġorna l-proposta tas-servizz u jibgħatha lill-utent permezz tas-CGA rispettiva.

(7)   Is-CGA tista’ titlob il-kanċellazzjoni ta’ servizz allokat b’mod dinamiku billi toħroġ talba għall-kanċellazzjoni ta’ servizz liċ-ċentru tal-GOVSATCOM. L-ipproċessar tat-talba għall-kanċellazzjoni ta’ servizz jitwettaq skont l-Artikolu 10(5).

Artikolu 10

Ipproċessar tat-talba għal servizz

(1)   Malli jirċievi talba għal servizz, iċ-ċentru tal-GOVSATCOM għandu jivvaluta l-validità u l-kompletezza tagħha, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 u mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1054 Iċ-ċentru tal-GOVSATCOM għandu jirrifjuta talbiet invalidi jew mhux kompluti u l-emittent għandu jiġi infurmat.

(2)   Iċ-ċentru tal-GOVSATCOM għandu jwettaq tlaqqigħ tat-talba għal servizz mar-riżorsi tal-ġabra. It-tlaqqigħ tal-allokazzjoni dinamika tat-talbiet għal servizzi mħallsin minn qabel għandu jsir bir-riżorsi tal-parti tal-allokazzjoni dinamika mħallsa minn qabel tal-ġabra. It-tlaqqigħ tal-allokazzjoni dinamika ta’ talbiet għal servizz fuq talba għandu jitwettaq bir-riżorsi tal-parti tal-allokazzjoni dinamika fuq talba tal-ġabra u d-disponibbiltà tar-riżorsi għandha tiġi kkonfermata mill-fornituri tar-riżorsi mid-data tal-attivazzjoni tas-servizz sad-data tad-diżattivazzjoni tas-servizz. Il-każijiet li ġejjin għandhom jiġu identifikati skont ir-riżultati tat-tlaqqigħ:

(a)

l-ebda riżorsa ta’ tlaqqigħ misjuba fil-ġabra, it-talba għal servizz għandha tiġi miċħuda u l-emittent għandu jiġi infurmat;

(b)

tlaqqigħ u riżorsi disponibbli jinsabu fil-ġabra, l-għażliet ta’ servizz disponibbli inklużi l-valuri ta’ kumpens rispettivi tagħhom fit-tokens għandhom jintbagħtu bħala proposta ta’ servizz miċ-Ċentru tal-GOVSATCOM permezz tas-CGA lill-utent, għall-klassifikazzjoni tiegħu;

(c)

ir-riżorsi ta’ tlaqqigħ kollha fil-ġabra huma allokati għal talba/talbiet għal servizz minn qabel. Jekk il-prijorità tat-talba għal servizz tkun baxxa jew medja, it-talba għal servizz għandha taqa’ u l-emittent għandu jiġi informat. Jekk il-prijorità tat-talba għal servizz tkun għolja, il-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitti jiġi attivat f’konformità ma’ Article 11. Jekk il-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti jagħti lura riżorsi korrispondenti, l-emittent għandu jiġi nnotifikat skont il-paragrafu (b); jekk ma tinstab l-ebda riżorsa ta’ tlaqqigħ, it-talba għal servizz għandha taqa’ u l-emittent għandu jiġi infurmat.

(3)   L-utent għandu jikklassifika l-għażliet tas-servizzi tal-proposta f’ordni ta’ preferenza u għandu jissottomettihom liċ-Ċentru tal-GOVSATCOM permezz tas-CGA rispettiva għall-allokazzjoni tar-riżorsi korrispondenti.

F’każ ta’ għażla invalida, it-talba għal servizz għandha tiġi miċħuda u l-emittent għandu jiġi infurmat.

(4)   Soġġett għad-disponibbiltà ta’ tokens suffiċjenti fil-parti mħallsa minn qabel jew imħallsa fuq talba tal-kont tal-parteċipant skont is-subkategorija tat-talba għal servizz dinamiku, iċ-ċentru tal-GOVSATCOM għandu joħroġ talba għal riżorsi lill-fornitur tar-riżorsi tal-għażla ta’ servizz ikklassifikat fl-ogħla post tal-proposta ta’ servizz, skont il-klassifikazzjoni pprovduta mis-CGA.

F’każ li t-talba għar-riżorsi tiġi miċħuda mill-fornitur tar-riżorsi, iċ-ċentru tal-GOVSATCOM għandu joħroġ talba għar-riżorsi lill-fornitur tar-riżorsi tal-għażla ta’ servizz preferuta li jmiss. Il-ħruġ ta’ talbiet għal riżorsi għandu jkompli sal-konferma minn fornitur tar-riżorsi li r-riżorsi mitluba huma disponibbli għall-allokazzjoni, jew saċ-ċaħda tat-talbiet kollha għal riżorsi mill-fornituri tar-riżorsi. Meta fornitur tar-riżorsi jkun ikkonferma li hemm riżorsa disponibbli, iċ-ċentru tal-GOVSATCOM għandu jipproċedi għall-allokazzjoni tar-riżorsi u t-tnaqqis tal-valur tas-servizz mit-tokens tal-kont tal-parteċipanti rispettiv. Meta t-talbiet kollha għar-riżorsi jiġu miċħuda mill-fornituri tar-riżorsi, it-talba għas-servizz taqa’. Fiż-żewġ każijiet, iċ-ċentru tal-GOVSATCOM għandu jinnotifika lill-emittent bl-istatus tat-talba għal servizz.

(5)   Malli jirċievi talba għall-kanċellazzjoni ta’ servizz mis-CGA, iċ-ċentru tal-GOVSATCOM jiddealloka r-riżorsi li jkunu ġew allokati għall-forniment tas-servizz u jagħmilhom disponibbli għall-ġabra. Il-parteċipant jista’ jirċievi rifużjoni tat-tokens użati għall-kumpens tar-riżorsi, skont it-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma mal-fornitur tar-riżorsi.

Artikolu 11

Riżoluzzjoni tal-kunflitti

(1)   Ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti għandha tiġi attivata miċ-ċentru tal-GOVSATCOM sabiex jiġu solvuti l-kunflitti bejn it-talbiet b’punteġġi ta’ prijorità differenti kif imsemmi fl-Artikolu 9(2).

(2)   Jekk talba għal servizz ta’ prijorità għolja tkun f’kunflitt ma’ talba waħda jew aktar għal servizz ta’ prijorità baxxa, u bil-kundizzjoni li l-prelazzjoni ta’ talbiet għal servizz ta’ prijorità baxxa teħles biżżejjed riżorsi li jaqblu mat-talba għal servizz ta’ prijorità għolja, it-talbiet rispettivi għal servizz ta’ prijorità baxxa għandhom jiġu mmarkati għal prelazzjoni u l-għażliet ta’ servizz rilevanti għandhom jiġu inklużi fil-proposta għal servizz.

Soġġett għall-klassifikazzjoni tal-għażliet ta’ servizz u d-disponibbiltà tat-tokens, it-talba/talbiet xierqa għal servizz ta’ prijorità baxxa għandha/għandhom taqa’/jaqgħu u s-servizz(i) attiv(i) relatat(i) għandu/għandhom jiġi/u prelatat(i).

Is-CGA(s) li s-servizz(i) tagħha irid(u) jiġi/jiġu prelatat(i) għandha/għandhom tiġi/jiġu infurmati dwar il-prelazzjoni mill-aktar fis possibbli wara li tittieħed id-deċiżjoni dwar il-prelazzjoni. Il-valur tas-servizz għal prelazzjoni għall-ħin li matulu s-servizz ma jkunx disponibbli minħabba prelazzjoni għandu jiġi rritornat lill-kont tal-parteċipant rispettiv u l-parteċipant għandu jiġi nnotifikat.

(3)   F’każ li l-applikazzjoni tal-proċedura tal-paragrafu 2 ma ssibx riżorsi ta’ tlaqqigħ, iċ-Ċentru tal-GOVSATCOM għandu jwettaq tlaqqigħ tat-talba għal servizz ta’ prijorità għolja mar-riżorsi tal-parti tal-marġni tal-kriżi tal-ġabra. Jekk jinstab tlaqqigħ u jinstabu riżorsi disponibbli, l-għażliet ta’ servizz rilevanti għandhom jiġu inklużi fil-proposta ta’ servizz.

(4)   Fil-każ ta’ riżorsi mhux suffiċjenti mill-fornituri tar-riżorsi għall-forniment tas-servizzi mitluba msemmija fl-Artikolu 6, il-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitti għandu jkun ibbażat fuq il-prijoritajiet tat-talbiet għal servizz.

Meta t-talbiet għal servizz tal-istess prijorità jkunu kunfliġġenti, il-prijorità għandha tingħata lit-talba għal servizz li hija l-kontinwazzjoni ta’ servizz diġà pprovdut lill-parteċipant rikjedenti fi tmiem il-PPT preċedenti fejn applikabbli.

Meta t-talbiet għal servizz tal-istess prijorità jkunu kunfliġġenti u l-ebda waħda minnhom ma tkun kontinwazzjoni ta’ servizz diġà pprovdut lill-parteċipant rikjedenti, iċ-ċentru tal-GOVSATCOM għandu jqabbel il-valuri tas-servizzi kunfliġġenti bħala perċentwal tas-sehem tal-parteċipant rispettiv u għandu jagħti l-prijorità lit-talba għas-servizz li tikkorrispondi għall-perċentwal ogħla.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1054 tat-30 ta’ Mejju 2023 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-portafoll tas-servizzi għas-servizzi ta’ Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita offruti mis-sistema stabbilita skont il-Programm Spazjali tal-Unjoni (ara paġna 49 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli dokument ta’ gwida dwar il-valutazzjoni tar-rilevanza tal-utent u l-kritikalità tat-talbiet għal servizz.


ANNESS

Tabella 1

Punteġġ ta’ prijorità bħala prodott ta’ rilevanza għall-utent u l-kritikalità tat-talba għal servizz

 

Rilevanza għall-utent

0

1

2

Kritikalità tat-talba għal servizz

0

0 (BAXXA)

0 (BAXXA)

0 (BAXXA)

1

0 (BAXXA)

1 (MEDJA)

2 (MEDJA)

2

0 (BAXXA)

2 (MEDJA)

4 (GĦOLJA)