30.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/51


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1043

tat-22 ta’ Mejju 2023

li jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili dwar l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili (1) (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 80/271/KEE (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1980.

(2)

Il-Brażil ippreżenta lill-Kumitat dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili (“il-Kumitat”) l-applikazzjoni tiegħu tal-adeżjoni għall-Ftehim, flimkien mal-proposti tiegħu dwar l-impenji tariffarji, fl-14 ta’ Ġunju 2022.

(3)

Fid-dawl ta’ dawk l-impenji, l-applikazzjoni tal-Brażil għall-adeżjoni għall-Ftehim tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fih.

(4)

Hu mistenni li l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim tagħti kontribut pożittiv għall-kummerċ ħieles u mingħajr distorsjoni fis-settur tal-inġenji tal-ajru ċivili.

(5)

Skont l-Artikolu 9.1.3 tal-Ftehim u l-punt 5 tan-Nota ta’ Gwida dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu 9.1.3 tal-Ftehim, il-Kumitat għandu s-setgħa li jieħu deċiżjoni li taqbel mat-termini tal-adeżjoni u li jagħti l-kunsens tiegħu lill-gvern applikanti biex jiddepożita mad-Direttur Ġenerali tad-WTO strument tal-adeżjoni, li jiddikjara t-termini hekk miftiehma.

(6)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat b’rabta mal-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili għandha tkun li tapprova l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

E. BUSCH


(1)  ĠU L 71, 17.3.1980, p. 58.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 80/271/KEE tal-10 ta’ Diċembru 1979 dwar il-konklużjoni tal-Ftehimiet Multilaterali li jirriżultaw min-negozjati dwar il-kummerċ tal-1973–1979 (ĠU L 71, 17.3.1980, p. 1).