24.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 136/57 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1007
tal-25 ta’ April 2023
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea waqt is-sittax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment minnhom fir-rigward ta’ ċerti emendi ta’ Artikoli u Annessi f’dik il-Konvenzjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment minnhom (1) (“il-Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fl-1992 u ġiet konkluża f’isem l-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE (2). |
(2) |
F’konformità mal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet trid tikkunsidra u tadotta, kif meħtieġ, l-emendi għall-Konvenzjoni u l-Annessi tagħha. |
(3) |
Matul il-ħmistax-il laqgħa tagħha f’Ġunju 2022, il-Konferenza tal-Partijiet ikkunsidrat proposta għal emendi tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni mressqa mill-Federazzjoni Russa. Dik il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi limitu ta’ żmien ta’ 30 jum għall-Istat ta’ importazzjoni biex iwieġeb lin-notifikatur ta’ vjeġġ ta’ skart u tinkludi bidla waħda oħra li hija ppreżentata bħala waħda editorjali. Il-Konferenza tal-Partijiet iddeċidiet li tiddifferixxi l-kunsiderazzjoni ta’ din il-proposta għal-laqgħa li jmiss tal-Konferenza tal-Partijiet. |
(4) |
Tressqet proposta biex jiġi emendat l-Anness IV kif ukoll ċerti entrati fl-Annessi II u IX tal-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni u din ġiet diskussa mill-Konferenza tal-Partijiet matul il-ħmistax-il laqgħa tagħha. Il-proposta għandha l-għan, fost l-oħrajn, li temenda u li tiċċara d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ rimi elenkati fl-Anness IV għall-Konvenzjoni u, b’mod partikolari, li: tiġi inkluża introduzzjoni ġenerali li tiddistingwi b’mod ċar it-termini “nuqqas ta’ rkupru” u “rkupru”; jiġu inklużi sottotitoli deskrittivi u testi introduttorji li jispjegaw it-tifsira ta’ “operazzjonijiet li mhumiex ta’ rkupru” (l-Anness IV, Taqsima A) u ta’ “operazzjonijiet ta’ rkupru” (l-Anness IV, Taqsima B); jiġi ċċarat li l-operazzjonijiet kollha ta’ rimi li jseħħu jew li jistgħu jseħħu fil-prattika jkunu koperti irrispettivament mill-istatus legali tagħhom u irrispettivament minn jekk dawn jitqisux bħala ambjentalment korretti jew le, u li jkunu koperti wkoll l-operazzjonijiet li jseħħu qabel is-sottomissjoni għal operazzjonijiet oħra; jiġu aġġornati u ċċarati d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet f’konformità mal-iżviluppi xjentifiċi, tekniċi u oħrajn li seħħew minn meta ġiet adottata l-Konvenzjoni fl-1989; u jiġi żgurat, permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet komprensivi, li l-operazzjonijiet kollha mhux imsemmija b’mod speċifiku huma koperti mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni. Il-Konferenza tal-Partijiet iddeċidiet li tikkunsidra din il-proposta ulterjorment fil-laqgħa li jmiss tal-Konferenza tal-Partijiet. |
(5) |
Fir-rigward tal-proposta għal emendi għall-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ppreżentati mill-Federazzjoni Russa, jenħtieġ li l-Unjoni ma tappoġġahiex peress li l-emendi ma jgħinux jindirizzaw il-problemi li l-Unjoni tqis bħala prijoritajiet għall-funzjonament tal-proċedura għall-“kunsens infurmat bil-quddiem” tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, l-emendi għat-test prinċipali tal-Konvenzjoni jeħtieġu proċess twil u iebes sabiex jidħol fis-seħħ u jidher sproporzjonat li tali proċedura titnieda għal emenda li ftit li xejn għandha valur miżjud. |
(6) |
Fir-rigward tal-proposta biex jiġu emendati l-Anness IV u ċerti entrati fl-Annessi II u IX, l-Unjoni jenħtieġ li tkompli tappoġġa l-adozzjoni tagħha. Bil-għan li jintlaħaq kunsens dwar din il-proposta, l-Unjoni tista’ turi flessibbiltà, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri proposti li x’aktarx ma jiksbux biżżejjed appoġġ għall-adozzjoni tagħhom matul is-sittax-il Konferenza tal-Partijiet. Dan jinkludi, pereżempju, id-differiment tad-diskussjoni dwar suġġetti kontenzjużi (bħall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u l-operazzjonijiet komprensivi), it-tiftix ta’ qbil dwar l-aspetti li jifdal tal-proposta u l-appoġġ ta’ emendi li possibbilment isiru minn Partijiet oħra, sakemm ikunu jistgħu jilħqu l-istess objettivi bħal dawk wara l-proposti tal-Unjoni dwar l-Anness IV għall-Konvenzjoni. |
(7) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul is-sittax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet dwar dawk il-proposti, peress li l-atti previsti, jekk jiġu adottati, ikunu emendi kemm għat-test kif ukoll għall-Annessi għa;l-Konvenzjoni, u għalhekk, ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jaffettwaw il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-sittax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea għandha tkun din li ġejja:
(a) |
l-Unjoni ma għandhiex tappoġġa l-proposta għall-emendi tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni kif propost mill-Federazzjoni Russa; |
(b) |
l-Unjoni għandha tkompli tappoġġa l-adozzjoni ta’ emendi għall-Anness IV u ċerti entrati fl-Annessi II u IX għall-Konvenzjoni. Jekk ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq kunsens dwar emenda tal-Anness IV tal-Konvenzjoni, l-Unjoni tista’ turi flessibbiltà u taqbel li titbiegħed mill-proposta mressqa għall-kunsiderazzjoni fil-ħmistax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, u tappoġġa bidliet possibbli oħrajn li jistgħu jiksbu l-istess objettivi bħal dawk li jsostnu l-proposti tal-Unjoni dwar l-Anness IV għall-Konvenzjoni, u li ma jimminawx ir-reġim legali tal-Unjoni dwar il-ġestjoni u l-vjeġġi tal-iskart. |
Artikolu 2
Fid-dawl ta’ żviluppi matul is-sittax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, jista’ jintlaħaq qbil dwar l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1, il-punt (b), minn rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ April 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
P. KULLGREN
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE tal-1 ta’ Frar 1993 dwar it-tmiem, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-kontroll tal-moviment barra l-konfini ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu (Konvenzjoni ta’ Basel) (ĠU L 39, 16.2.1993, p. 1).
(3) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċertu Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).