23.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/118


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/993

tat-22 ta’ Mejju 2023

li tniedi l-Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/855 tal-24 ta’ April 2023 dwar Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova) (1),

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ April 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/855.

(2)

Fis-16 ta’ Mejju 2023, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà qabel li l-Pjan Operazzjonali (OPLAN), għal EUPM Moldova jenħtieġ li jiġi approvat.

(3)

Wara r-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili ta’ EUPM Moldova, il-Missjoni jenħtieġ li titnieda fit-22 ta’ Mejju 2023.

(4)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/855 ipprovdiet ammont ta’ referenza finanzjarja biex ikopri n-nefqa relatata ma’ EUPM Moldova matul l-ewwel erba’ xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dik id-Deċiżjoni. L-ammont ta’ referenza jenħtieġ li jiġi rivedut biex ikopri t-tul tal-Missjoni, jiġifieri sal-21 ta’ Mejju 2025. Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/855 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(5)

EUPM Moldova ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-OPLAN għal EUPM Moldova huwa b’dan approvat.

Artikolu 2

EUPM Moldova għandha titnieda fit-22 ta’ Mejju 2023.

Artikolu 3

Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili ta’ EUPM Moldova huwa b’dan awtorizzat b’effett immedjat biex jagħti bidu għall-eżekuzzjoni tal-Missjoni.

Artikolu 4

L-Artikolu 13(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/855 huwa b’dan sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata ma’ EUPM Moldova għall-perjodu mill-24 ta’ April 2023 sal-21 ta’ Mejju 2025 għandu jkun ta’ EUR 13 356 508,08. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għal kull perjodu sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.”.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 110, 25.4.2023, p. 30.