23.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/114


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/991

tal-15 ta’ Mejju 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fir-rigward tal-estensjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (il-“Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE (1) u daħħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995. Il-Konvenzjoni ġiet konkluża għal perjodu ta’ tliet snin.

(2)

Skont l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni, il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali jista’ jestendi l-Konvenzjoni għal perjodi suċċessivi ta’ mhux aktar minn sentejn kull darba. Mill-konklużjoni tagħha, il-Konvenzjoni ġiet estiża regolarment għal perjodi oħra ta’ sentejn. Il-Konvenzjoni ġiet estiża l-aħħar permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fis-7 ta’ Ġunju 2021, u ser tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2023.

(3)

Matul it-58 sessjoni tiegħu li ser issir fl-14 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali għandu jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-Konvenzjoni għal perjodu ulterjuri ta’ mhux aktar minn sentejn, mill-1 ta’ Lulju 2023.

(4)

L-Unjoni hija produttur ewlieni taċ-ċereali. Hija wkoll esportatur ewlieni tal-qamħ u tax-xgħir, u l-akbar importatur tal-qamħirrum fid-dinja. L-Unjoni minn dejjem kienet membru attiv tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali, li għandu rwol importanti fl-istabbilizzazzjoni tas-swieq dinjija taċ-ċereali u fit-titjib tas-sigurtà tal-ikel. Għalhekk, l-estensjoni tal-Konvenzjoni tkun fl-interess tal-Unjoni.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-58 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fir-rigward tal-estensjoni tal-Konvenzjoni, minħabba li d-deċiżjoni prevista ser ikollha effetti legali għall-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-58 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali għandha tkun li tivvota favur l-estensjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995, għal perjodu ieħor ta’ mhux aktar minn sentejn mill-1 ta’ Lulju 2023.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. FORSSMED


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE tad-19 ta’ Diċembru 1995 rigward l-approvazzjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar in-Negozju taċ-Ċereali u l-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari, li tikkostitwixxi l-Ftehim taċ-Ċereali Internazzjonali tal-1995 (ĠU L 21, 27.1.1996, p. 47).