|
23.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 135/111 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/990
tal-25 ta’ April 2023
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali fir-rigward ta’ ċerti emendi għall-Konvenzjoni u l-Anness III tagħha
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 192(1) u 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (1) (“il-Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Frar 2004 u ġiet konkluża f’isem l-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE (2). |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tista’ tadotta deċiżjonijiet biex jiġu elenkati sustanzi kimiċi fl-Anness III għall-Konvenzjoni. |
|
(3) |
Fil-ħdax-il laqgħa tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet mistennija tadotta deċiżjonijiet biex telenka aktar sustanzi kimiċi fl-Anness III għall-Konvenzjoni. |
|
(4) |
Sabiex jiġu promossi r-responsabbiltà kondiviża u l-isforzi kooperattivi fost il-Partijiet fil-kummerċ internazzjonali ta’ ċerti sustanzi kimiċi perikolużi bil-għan li tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minn ħsara possibbli u jingħata kontribut għall-użu ambjentalment korrett tagħhom, huwa meħtieġ u xieraq li jiġu elenkati aktar sustanzi kimiċi li jkunu nstabu li jissodisfaw il-kriterji rilevanti kollha stabbiliti fl-Anness II għall-Konvenzjoni. |
|
(5) |
Barra minn hekk, il-Konferenza tal-Partijiet ser tikkunsidra proposta għall-emendar tal-Konvenzjoni ppreżentata mill-Iżvizzera, l-Awstralja, il-Burkina Faso, il-Ghana u l-Mali. Dik il-proposta għandha l-għan li tindirizza d-diffikultà li jiġu elenkati sustanzi kimiċi ġodda fl-Anness III għall-Konvenzjoni li toriġina mill-ħtieġa li jinkiseb kunsens għal deċiżjoni biex jiġi emendat l-Anness III f’konformità mal--Konvenzjoni. Huwa meħtieġ u xieraq li tiġi appoġġata l-adozzjoni ta’ dik il-proposta jew, jekk ma jkunx hemm appoġġ suffiċjenti minn Partijiet oħra, li tippromwovi emenda tal-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-elenkar ta’ sustanzi kimiċi. |
|
(6) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet, peress li d-dispożizzjonijiet ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni jew jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(7) |
Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni, kwalunkwe emenda għall-Konvenzjoni trid tiġi ratifikata, aċċettata jew approvata minn tal-inqas tliet kwarti tal-Partijiet sabiex tidħol fis-seħħ. Barra minn hekk, l-Artikolu 22(6) tal-Konvenzjoni jipprevedi li anness addizzjonali relatat ma’ emenda għall-Konvenzjoni ma tidħolx fis-seħħ qabel ma tidħol fis-seħħ l-emenda għall-Konvenzjoni. Filwaqt li l-Kunsill bħalissa qed jistabbilixxi pożizzjoni li għandha tittieħed f’korp stabbilit mill-Konvenzjoni, approvazzjoni sussegwenti tista’, skont l-eżitu ta’ dawk id-diskussjonijiet, teħtieġ deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ tali ftehim emendatorju f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218(6) TFUE, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tal-emendi għall-Anness III għall-Konvenzjoni fir-rigward tal-inklużjoni tal-aċetoklor, il-karbosulfan, l-asbestos tal-krisotil, il-fentijon (ta’ formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L), l-iprodjon, formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat fil-livell ta’ 276 g/l jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat fil-livell ta’ 200 g/L jew aktar, u t-terbufos.
Artikolu 2
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tal-emendi ppreżentati mill-Iżvizzera, l-Awstralja, il-Burkina Faso, il-Ghana u l-Mali (id-dokument UNEP/FAO/RC/COP.11/13/Add.2), dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin, u li jsiru l-emendi meħtieġa għal dak l-għan:
|
(a) |
ir-regoli u l-proċeduri addizzjonali introdotti mill-emendi huma koerenti mar-regoli u mal-proċeduri eżistenti skont il-Konvenzjoni; |
|
(b) |
l-emendi jiżguraw li tingħata preferenza lill-elenkar tas-sustanzi kimiċi fl-Anness III għall-Konvenzjoni u li r-regoli addizzjonali ma jfixklux l-elenkar ta’ sustanza kimika fl-Anness III, inkluż meta dik is-sustanza kimika tkun diġà ġiet elenkata fl-Anness VIII għall-Konvenzjoni; |
|
(c) |
l-emendi jiżguraw li r-regoli li ser japplikaw għall-esportazzjoni tas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness VIII għall-Konvenzjoni ma jkunux aktar dgħajfa fir-rigward tal-protezzjoni tal-Partijiet importaturi minn dawk li japplikaw għall-esportazzjoni tas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness III għall-Konvenzjoni; |
|
(d) |
l-emendi jiżguraw li l-Partijiet kollha li jirratifikaw l-emenda jkunu marbutin bi kwalunkwe deċiżjoni li tiġi elenkata sustanza kimika fl-Anness VIII għall-Konvenzjoni, inkluż kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed b’vot. |
2. Fil-każ li ma jkunx hemm biżżejjed appoġġ minn Partijiet oħra għall-emendi proposti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni għandha tkun li tippromwovi emenda tal-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-elenkar ta’ sustanzi kimiċi fl-Anness III tal-Konvenzjoni li tintroduċi l-possibbiltà ta’ vot f’konformità mal-Artikolu 22(4), moqri flimkien mal-Artikolu 22(3), mingħajr l-applikazzjoni tal-Artikolu 22(3), il-punt (b), tal-Konvenzjoni.
Artikolu 3
L-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikoli 1 u 2, fid-dawl tal-iżviluppi fil-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni, jista’ jintlaħaq ftehim dwaru mir-rappreżentanti tal-Unjoni, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, waqt laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ April 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
P. KULLGREN
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE tal-25 ta’ Settembru 2006 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (ĠU L 299, 28.10.2006, p. 23).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60).