5.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/173


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/921

tal-4 ta’ Mejju 2023

dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri ta’ azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, jenħtieġ li l-EPF tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.

(2)

L-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2016 tistabbilixxi l-objettivi tat-tisħiħ tas-sigurtà u d-difiża, l-investiment fir-reżiljenza tal-Istati u s-soċjetajiet fil-Lvant tal-Unjoni, l-iżvilupp ta’ approċċ integrat għall-konflitti u l-kriżijiet, il-promozzjoni u l-appoġġ ta’ ordnijiet reġjonali kooperattivi, u t-tisħiħ ta’ governanza globali bbażata fuq id-dritt internazzjonali, inkluż il-konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali.

(3)

Fil-21 ta’ Marzu 2022, l-Unjoni approvat il-Boxxla Strateġika bl-objettiv li ssir fornitur tas-sigurtà aktar b’saħħitha u aktar kapaċi, inkluż permezz ta’ aktar użu tal-EPF b’appoġġ għall-kapaċitajiet ta’ difiża tas-sħab.

(4)

L-Unjoni hija impenjata għal relazzjoni mill-qrib b’appoġġ għar-Repubblika tal-Moldova b’saħħitha, indipendenti u prospera, ibbażata fuq il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova min-naħa l-oħra (2) (“il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), inkluż iż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, u għall-promozzjoni tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika filwaqt li tappoġġa bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment. Skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova għandhom ikomplu jintensifikaw id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom u jippromwovu l-konverġenza gradwali fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà, inkluż il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK), u għandhom jindirizzaw b’mod partikolari kwistjonijiet ta’ prevenzjoni tal-konflitti, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet, l-istabbiltà reġjonali, id-diżarm, in-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi u l-kontroll tal-esportazzjoni.

(5)

L-Unjoni tirrikonoxxi l-kontribut importanti tar-Repubblika tal-Moldova għall-PSDK tal-Unjoni, inkluż il-kontribut kontinwu tar-Repubblika tal-Moldova għall-Missjoni ta’ Taħriġ tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Mali.

(6)

Din id-Deċiżjoni tibni fuq id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2021/2136 (3) u (PESK) 2022/1093 (4) rigward l-impenn kontinwu tal-Unjoni li tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova f’oqsma ta’ ħtiġijiet prijoritarji.

(7)

Fis-6 ta’ Frar 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) irċieva talba mir-Repubblika tal-Moldova biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova fl-akkwist ta’ tagħmir ewlieni biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-unitajiet tagħha tas-sorveljanza mill-ajru, il-mobbiltà, il-loġistika, il-kmand u l-kontroll u ċ-ċiberdifiża.

(8)

Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari tal-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (5), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.

(9)

Il-Kunsill jirriafferma d-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata

1.   Hija b’dan stabbilita miżura ta’ assistenza li tibbenefika minnha r-Repubblika tal-Moldova (il-“benefiċjarju”) li għandha tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”).

2.   L-objettiv tal-miżura ta’ assistenza huwa li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova sabiex jissaħħu s-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza nazzjonali fis-settur tad-difiża, f’konformità mal-politika ġenerali tal-Unjoni dwar ir-Repubblika tal-Moldova. Filwaqt li tibni fuq l-appoġġ preċedenti tal-EPF, il-miżura ta’ assistenza ser tippermetti lill-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova jtejbu l-effettività operazzjonali, jaċċelleraw l-issodisfar tal-istandards tal-Unjoni u tal-interoperabbiltà, u b’hekk jipproteġu aħjar lill-persuni ċivili fi kriżijiet u emerġenzi. Ser issaħħaħ ukoll il-kapaċitajiet tar-Repubblika tal-Moldova fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha f’missjonijiet u operazzjonijiet militari tal-PSDK tal-UE.

3.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta’ tagħmir li ġejjin li mhux maħsuba biex iwasslu forza letali, provvisti u servizzi, inkluż taħriġ tekniku lill-unitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova appoġġati skont il-miżura ta’ assistenza:

(a)

apparat ta’ sorveljanza mill-ajru;

(b)

tagħmir ta’ mobbiltà u trasport;

(c)

tagħmir ta’ loġistika;

(d)

tagħmir ta’ kmand u kontroll;

(e)

tagħmir ta’ ċiberdifiża.

4.   Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 36 xahar mid-data tal-konklużjoni tal-ewwel kuntratt bejn l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza, li jaġixxi bħala uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni, u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 32(2), il-punt (a), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 40 000 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u r-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarju

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tal-benefiċjarju mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ din id-Deċiżjoni bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ skont il-miżura ta’ assistenza.

2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

(a)

il-konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

(b)

l-użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti skont il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;

(c)

il-manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti skont il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d)

li l-assi kollha pprovduti skont il-miżura ta’ assistenza mhux ser jintilfu, jew jiġu ttrasferiti mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ skont il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u r-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF, f’konformità mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.

2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandhom jitwettqu minn:

(a)

iċ-Ċentru Estonjan għall-Investimenti fid-Difiża fir-rigward tal-Artikolu 1(3), il-punti (a) sa (d); u

(b)

l-Akkademja tal-Governanza elettronika fir-rigward tal-Artikolu 1(3), il-punt (e).

Artikolu 5

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità tal-benefiċjarju mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3. Dan il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji tal-ksur tal-obbligi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova appoġġati skont il-miżura ta’ assistenza.

2.   Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:

(a)

verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja jridu jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent finali mat-trasferiment tas-sjieda;

(b)

rappurtar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarju jrid jirrapporta kull sena dwar l-inventarju ta’ oġġetti partikolari sakemm dan ir-rappurtar ma jibqax jitqies neċessarju mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS);

(c)

spezzjonijiet fuq il-post, fejn il-benefiċjarju għandu jagħti lir-Rappreżentant Għoli l-aċċess biex iwettaq kontrolli fuq il-post fuq talba ta’ dan tal-aħħar.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali fi tmiem il-miżura ta’ assistenza biex jiġi vvalutat jekk il-miżura ta’ assistenza tkunx ikkontribwiet biex jintlaħaq l-objettiv ddikjarat fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 6

Rappurtar

Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.

Artikolu 7

Sospensjoni u terminazzjoni

1.   Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   Il-KPS jista’ wkoll jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(2)   ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2136 tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova (ĠU L 432, 3.12.2021, p. 63).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1093 tat-30 ta’ Ġunju 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova (ĠU L 176, 1.7.2022, p. 22).

(5)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).