|
3.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 115/15 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/900
tal-25 ta’ April 2023
li tistabbilixxi l-Infrastruttura tar-Riċerka dwar l-Aerosol, is-Sħab u l-Gassijiet Traċċa (ACTRIS ERIC)
(notifikata bid-dokument C(2023) 2646)
(It-testi bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bit-Taljan, bil-Pollakk, bir-Rumen, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1)(a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-Norveġja, il-Polonja, ir-Rumanija, Spanja u l-Iżvezja ssottomettew applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 biex tiġi stabbilita l-Infrastruttura tar-Riċerka dwar l-Aerosol, is-Sħab u l-Gassijiet Traċċa (ACTRIS ERIC) (“l-applikazzjoni”). L-Iżvizzera ħabbret id-deċiżjoni tagħha li tipparteċipa fl-ACTRIS ERIC inizjalment bħala osservatur. |
|
(2) |
L-applikanti qablu li l-Finlandja tkun l-Istat Membru ospitanti tal-ACTRIS ERIC. |
|
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 ġie inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 (2). |
|
(4) |
Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament. Matul il-valutazzjoni, il-Kummissjoni kisbet il-fehmiet ta’ esperti indipendenti fil-qasam tal-impatti tal-aerosol, tas-sħab u tal-gassijiet traċċa fuq il-klima, il-kwalità tal-arja, is-saħħa tal-bniedem u l-ekosistemi tad-Dinja. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Tiġi stabbilita l-Infrastruttura tar-Riċerka dwar l-Aerosol, is-Sħab u l-Gassijiet Traċċa (ACTRIS ERIC).
2. L-elementi essenzjali tal-Istatuti tal-ACTRIS ERIC kif imsemmija fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 huma stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Rumanija, lir-Repubblika tal-Finlandja, lir-Renju tal-Iżvezja, lir-Renju tan-Norveġja u lill-Konfederazzjoni Żvizzera.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ April 2023.
Għall-Kummissjoni
Mariya GABRIEL
Membru tal-Kummissjoni
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 tal-20 ta’ Marzu 2015 li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet [2016/755] (ĠU L 129, 19.5.2016, p. 85).
ANNESS
ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TAL-ACTRIS ERIC
1. Isem
(l-Artikolu 1 tal-Istatuti tal-ACTRIS ERIC)
L-Infrastruttura ta’ Riċerka dwar l-Aerosol, is-Sħab u l-Gassijiet Traċċa (ACTRIS) hija stabbilita bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) skont ir-Regolament (KE) Nru 723/2009, bl-isem “ACTRIS ERIC”.
2. Kompiti u attivitajiet
(l-Artikolu 2 tal-Istatuti tal-ACTRIS ERIC)
|
1. |
L-għan tal-ACTRIS huwa li tipproduċi settijiet tad-data integrati ta’ kwalità għolja fil-qasam tax-xjenzi atmosferiċi u li tipprovdi servizzi, inkluż l-aċċess għal pjattaformi strumentati, imfassla għall-użu xjentifiku u teknoloġiku. |
|
2. |
Il-kompitu ewlieni tal-ACTRIS ERIC huwa li jistabbilixxi u jopera l-infrastruttura tar-riċerka ddistribwita u jikkoordina l-iżvilupp strateġiku u finanzjarju u l-operat fit-tul tal-ACTRIS. |
|
3. |
Fit-twettiq tal-kompitu ewlieni tiegħu, u f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dawn l-Istatuti, l-ACTRIS ERIC għandu jwettaq l-attivitajiet li ġejjin:
|
|
4. |
L-ACTRIS ERIC jista’ jwettaq ukoll l-attivitajiet li ġejjin:
|
|
5. |
L-ACTRIS ERIC għandu jwettaq il-kompitu ewlieni tiegħu fuq bażi mhux ekonomika. Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat, l-ACTRIS ERIC jista’ jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati, dment li jkunu marbuta mill-qrib mal-kompitu ewlieni tiegħu u ma jipperikolawx il-kisba tiegħu. L-ACTRIS ERIC għandu jżomm rendikont tal-kostijiet u d-dħul tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu separatament u għandu jitlob prezzijiet tas-suq għalihom, jew, jekk dawk il-prezzijiet ma jkunux jistgħu jiġu aċċertati, il-kostijiet totali b’marġni raġonevoli. Kwalunkwe introjtu ġġenerat minn dawk l-attivitajiet ekonomiċi limitati għandu jintuża mill-ACTRIS ERIC biex itejjeb u jsaħħaħ il-kompitu tiegħu. |
3. Post u sede statutorja
(l-Artikolu 3 tal-Istatuti tal-ACTRIS ERIC)
|
1. |
L-ACTRIS ERIC għandu jkun infrastruttura tar-riċerka distribwita b’sede statutorja f’Helsinki, il-Finlandja, u l-unitajiet tal-Uffiċċju Prinċipali jkunu jinsabu fil-Finlandja u fl-Italja. |
|
2. |
L-infrastruttura tar-riċerka distribwita għandha tinkludi Ċentru tad-Data, Ċentri Tematiċi u Faċilitajiet Nazzjonali li jinsabu f’pajjiżi differenti. Iċ-Ċentru tad-Data, iċ-Ċentri Tematiċi u l-Faċilitajiet Nazzjonali għandhom ikunu konnessi mal-ACTRIS ERIC permezz ta’ ftehimiet li jsiru mal-organizzazzjonijiet li jospitaw il-faċilitajiet. |
4. Durata u stralċ
(l-Artikolu 4 tal-Istatuti tal-ACTRIS ERIC)
|
1. |
L-ACTRIS ERIC għandu jiġi stabbilit għal perjodu indefinit, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-istralċ tal-ERIC. |
|
2. |
L-istralċ tal-ACTRIS ERIC għandu jseħħ wara deċiżjoni mill-Assemblea Ġenerali, f’konformità mal-Artikolu 18(8) tal-Istatuti. |
|
3. |
L-assi li jifdal wara li jitħallsu d-djun tal-ACTRIS ERIC għandhom jitqassmu bejn il-membri, l-osservaturi permanenti u l-osservaturi b’mod proporzjonat mal-kontribuzzjoni annwali rispettiva tagħhom lill-ACTRIS ERIC, dment li ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Assemblea Ġenerali. |
|
4. |
Mingħajr dewmien bla bżonn wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni biex isir l-istralċ, u fi kwalunkwe każ fi żmien 10 ijiem minn din l-adozzjoni, l-ACTRIS ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar dan. Mingħajr dewmien bla bżonn, u fi kwalunkwe każ fi żmien 10 ijiem mill-għeluq tal-proċedura tal-istralċ, l-ACTRIS ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar dan. |
|
5. |
L-ACTRIS ERIC għandu jieqaf jeżisti fil-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika n-notifika xierqa f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
5. Responsabbiltà u assigurazzjoni
(l-Artikolu 5 tal-Istatuti tal-ACTRIS ERIC)
|
1. |
L-ACTRIS ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu. |
|
2. |
Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri, tal-osservaturi permanenti u tal-osservaturi għad-djun tal-ACTRIS ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet annwali rispettivi tagħhom ipprovduti lill-ACTRIS ERIC. |
|
3. |
L-ACTRIS ERIC għandu jkollu assigurazzjoni xierqa li tkopri r-riskji speċifiċi għall-bini u għall-operat tal-ACTRIS ERIC. |
6. Politika ta’ aċċess għall-utenti
(l-Artikolu 6 tal-Istatuti tal-ACTRIS ERIC)
|
1. |
L-ACTRIS ERIC għandu jipprovdi aċċess effettiv għad-data, għall-għodod u għas-servizzi. Il-prijoritizzazzjoni mhux diskriminatorja għandha tiġi applikata abbażi tal-mertu xjentifiku, il-fattibbiltà teknika u/jew kriterji rilevanti oħra pertinenti għall-għan tal-ACTRIS. |
|
2. |
L-aċċess għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji ta’ aċċess miftuħ skont il-kriterji, il-proċeduri u l-modalitajiet stabbiliti fil-politika tad-data tal-ACTRIS ERIC u d-dokumenti ta’ politika dwar l-aċċess u s-servizz approvati mill-Assemblea Ġenerali. Il-proċeduri u l-kriterji tal-evalwazzjoni għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku fuq il-portal web tal-ACTRIS ERIC. L-ACTRIS ERIC għandu jipprovdi gwida lill-utenti inkluż permezz tal-portal web tiegħu biex jiffaċilita l-aċċess għad-data, għall-għodod u għas-servizzi. |
7. Politika ta’ evalwazzjoni
(l-Artikolu 7 tal-Istatuti tal-ACTRIS ERIC)
L-attivitajiet tal-ACTRIS ERIC għandhom jiġu evalwati kull sena mill-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Innovazzjoni. Barra minn hekk, is-servizzi, l-operazzjonijiet u l-ġestjoni tal-ACTRIS għandhom jiġu evalwati mill-inqas kull 5 snin minn evalwaturi esterni indipendenti, li ma jistgħux ikunu membri tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Innovazzjoni, maħtura mill-Assemblea Ġenerali u li jirrapportaw lilha.
8. Politika dwar it-tixrid
(l-Artikolu 8 tal-Istatuti tal-ACTRIS ERIC)
|
1. |
L-ACTRIS ERIC għandu jippromwovi x-xjenza miftuħa u l-innovazzjoni u jħeġġeġ lill-utenti jagħmlu r-riżultati tagħhom disponibbli għall-pubbliku. L-użu tad-data, tas-servizzi u tal-infrastruttura tal-ACTRIS għandu jiġi rikonoxxut fil-pubblikazzjonijiet u fi kwalunkwe dokument ieħor. Għandhom jiġu pprovduti aktar dettalji fir-regoli interni tal-ACTRIS ERIC. |
|
2. |
L-ACTRIS ERIC għandu juża diversi mezzi biex jilħaq l-udjenzi fil-mira, inkluż il-portal web, il-midja soċjali, il-bullettini, il-workshops, il-parteċipazzjoni f’konferenzi, l-artikli f’rivisti u l-gazzetti ta’ kuljum. |
9. Politika dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
(l-Artikolu 9 tal-Istatuti tal-ACTRIS ERIC)
|
1. |
Soġġett għat-termini ta’ kwalunkwe kuntratt bejn l-ACTRIS ERIC u l-utenti, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali maħluqa, miksuba jew żviluppati mill-utenti tal-ACTRIS ERIC għandhom ikunu proprjetà ta’ dawk l-utenti. |
|
2. |
Id-data tal-ACTRIS, kif ukoll id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u għarfien ieħor li jiġi prodott u żviluppat fi ħdan l-ACTRIS, għandhom ikunu jappartjenu lill-entità jew lill-persuna li tkun iġġenerathom. L-użu tad-data tal-ACTRIS għandu jingħata lill-ACTRIS ERIC mill-fornituri tad-data f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-politika tad-data tal-ACTRIS u fid-dokumenti ta’ politika tal-aċċess u tas-servizz. |
|
3. |
Id-data tal-ACTRIS għandha tkun disponibbli skont il-prinċipji tax-xjenza miftuħa u tal-aċċess miftuħ stabbiliti f’aktar dettall fir-regoli interni. |
10. Politika dwar l-impjiegi
(l-Artikolu 10 tal-Istatuti tal-ACTRIS ERIC)
|
1. |
Il-politika dwar l-impjiegi tal-ACTRIS ERIC għandha tiġi irregolata mil-liġijiet tal-pajjiż li fih ikun impjegat il-persunal. |
|
2. |
Il-proċeduri tal-għażla, ir-reklutaġġ u l-impjieg mal-ACTRIS ERIC għandhom ikunu trasparenti, mhux diskriminatorji, u jirrispettaw l-opportunitajiet ugwali. Ir-regoli dettaljati dwar ir-reklutaġġ tal-persunal għandhom jiġu stabbiliti fir-regoli interni. |
11. Politika tal-akkwist
(l-Artikolu 11 tal-Istatuti tal-ACTRIS ERIC)
L-ACTRIS ERIC għandu jittratta lill-kandidati u lill-offerenti għall-akkwist b’mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament minn jekk humiex ibbażati fl-Unjoni jew le. Il-politika tal-akkwist tal-ACTRIS ERIC għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, tan-nondiskriminazzjoni u tal-kompetizzjoni. Ir-regoli dettaljati dwar il-proċeduri u l-kriterji tal-akkwist għandhom jiġu stabbiliti fir-regoli interni.