|
25.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 110/21 |
DEĊIŻJONI (UE) 2023/852 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-19 ta’ April 2023
li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 fir-rigward tal-għadd ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Pariġi (4), adottat fit-12 ta’ Diċembru 2015 fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) (il-“Ftehim ta’ Pariġi”), daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Novembru 2016. Il-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi qablu li jżommu ż-żieda fit-temperatura medja globali sew taħt 2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u jagħmlu sforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura għal 1,5 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali. Dak l-impenn ssaħħaħ bl-adozzjoni, fl-ambitu tal-UNFCCC, tal-Patt Klimatiku ta’ Glasgow fit-13 ta’ Novembru 2021, li fih il-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC, li serva bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi, tirrikonoxxi li l-impatti tat-tibdil fil-klima se jkunu ħafna aktar baxxi b’żieda fit-temperatura ta’ 1,5 °C, meta mqabbla ma’ 2 °C, u tiddeċiedi li tagħmel sforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C. |
|
(2) |
L-urġenza tal-ħtieġa li l-objettiv tal-Ftehim ta’ Pariġi ta’ 1,5 °C jibqa’ possibbli saret aktar sinifikanti wara s-sejbiet fis-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima li t-tisħin globali ma jistax jiġi limitat għal 1,5 °C jekk ma jsirx minnufih tnaqqis qawwi u sostnut tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra f’dan id-deċennju. |
|
(3) |
L-indirizzar tal-isfidi relatati mal-klima u mal-ambjent u l-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi huma fil-qalba tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (il-“Patt Ekoloġiku Ewropew”). |
|
(4) |
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jgħaqqad sett komprensiv ta’ miżuri u inizjattivi li jsaħħu lil xulxin u li huma maħsuba biex, sal-2050, tinkiseb in-newtralità klimatika fl-Unjoni, u jistabbilixxi strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Għandu wkoll l-għan li jipproteġi, jikkonserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni, u jipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini mir-riskji u l-impatti relatati mal-ambjent. Fl-istess ħin, dik it-tranżizzjoni għandha aspetti ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri kif ukoll impatt partikolari fuq xi gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, bħall-persuni akbar fl-età, il-persuni b’diżabilità, il-persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju u l-individwi u l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u medju-baxx. Timponi wkoll sfidi akbar fuq ċerti reġjuni, b’mod partikolari r-reġjuni strutturalment żvantaġġati u periferiċi, kif ukoll fuq il-gżejjer. Għalhekk, irid jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tkun ġusta u inklużiva u ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura. |
|
(5) |
Il-ħtieġa u l-valur li jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew komplew jikbru fid-dawl tal-effetti serji ħafna tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-saħħa, il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u l-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni. Dawk l-effetti wrew li s-soċjetà tagħna u l-ekonomija tagħna jeħtieġ li jtejbu r-reżiljenza tagħhom fir-rigward tax-xokkijiet esterni u jaġixxu kmieni biex jipprevjenu jew jimmitigaw l-effetti tax-xokkijiet esterni b’mod li jkun ġust u li jwassal biex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura, inklużi dawk f’riskju ta’ faqar enerġetiku. Iċ-ċittadini Ewropej qed ikomplu jesprimu fehmiet qawwija li dan japplika b’mod partikolari għat-tibdil fil-klima. |
|
(6) |
L-Unjoni impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra fl-ekonomija kollha tal-Unjoni b’mill-inqas 55 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990 sal-2030 fil-kontribut aġġornat stabbilit fil-livell nazzjonali ppreżentat lis-Segretarjat tal-UNFCCC fis-17 ta’ Diċembru 2020. |
|
(7) |
Permezz tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-Unjoni naqxet fil-leġiżlazzjoni l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-ekonomija kollha sa mhux aktar tard mill-2050 u l-għan li tikseb emissjonijiet negattivi wara dik id-data. Dak ir-Regolament jistabbilixxi wkoll mira vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis domestiku għall-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) ta’ mill-inqas 55 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990 sal-2030, u jiddisponi li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tagħmel l-almu tagħha biex tallinja l-abbozzi futuri kollha ta’ miżuri jew proposti leġiżlattivi, inklużi l-proposti baġitarji, mal-objettivi ta’ dak ir-Regolament u, fi kwalunkwe każ ta’ nuqqas ta’ allinjament, tagħti r-raġunijiet għal tali nuqqas ta’ allinjament bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja dawk il-proposti. |
|
(8) |
Is-setturi kollha tal-ekonomija jeħtieġ li jikkontribwixxu biex jinkiseb it-tnaqqis fl-emissjoni stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/1119. Għalhekk, l-ambizzjoni tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet (“EU ETS”), stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jenħtieġ li tiġi aġġustata sabiex tkun konformi mal-mira ta’ tnaqqis tal-emissjoni netta ta’ gassijiet serra fl-ekonomija kollha għall-2030, l-objettiv li tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 u l-għan li jinkisbu emissjonijiet negattivi wara dik id-data, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119. |
|
(9) |
Sabiex jiġi indirizzat l-iżbilanċ strutturali bejn il-provvista ta’ u d-domanda għal kwoti fis-suq, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) stabbiliet riżerva tal-istabbiltà tas-suq (ir-“riżerva”) fl-2018, li ilha operattiva mill-2019. Mingħajr preġudizzju għal reviżjonijiet oħra tar-riżerva bħala parti mir-reviżjoni ġenerali tad-Direttiva 2003/87/KE u tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 fl-2023, il-Kummissjoni jenħtieġ li timmonitorja kontinwament il-funzjonament tar-riżerva u tiżgura li r-riżerva tinżamm adegwata għall-iskop tagħha f’każ ta’ xokkijiet esterni imprevedibbli fil-futur. Riżerva robusta u li tħares ’il quddiem hija essenzjali biex tiġi żgurata l-integrità tal-EU ETS u biex l-EU ETS tiġi ġestita b’mod effettiv bil-għan li tkun tista’ tikkontribwixxi, bħala għodda ta’ politika, biex l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni jintlaħaq sa mhux aktar tard mill-2050 u biex l-għan li jinkisbu emissjonijiet negattivi jintlaħaq wara dik id-data, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119. |
|
(10) |
Ir-riżerva tiffunzjona billi tattiva aġġustamenti għall-volumi annwali ta’ kwoti li jridu jiġu rkantati. Sabiex jinżamm grad massimu ta’ prevedibbiltà, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 stabbiliet regoli ċari għat-tqegħid ta’ kwoti fir-riżerva u għar-rilaxx tagħhom minnha. |
|
(11) |
Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tiddisponi li, meta l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun ogħla mil-limitu massimu stabbilit, għadd ta’ kwoti li jikkorrispondi għal perċentwal partikolari ta’ dak l-għadd totali ta’ kwoti jrid jitnaqqas mill-volumi ta’ kwoti li jridu jiġu rkantati u mqiegħda fir-riżerva. Bil-maqlub, jekk l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jaqa’ taħt il-livell minimu stabbilit, għadd ta’ kwoti jrid jiġi rilaxxat mir-riżerva lill-Istati Membri, u jiżdied mal-volumi tal-kwoti li jridu jiġu rkantati. |
|
(12) |
Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) emendat id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 billi rduppjat ir-rata perċentwali li trid tintuża biex tiddetermina l-għadd ta’ kwoti li jridu jitqiegħdu kull sena fir-riżerva minn 12 % għal 24 % sal-31 ta’ Diċembru 2023 bl-għan li jiġi pprovdut sinjal ta’ investiment kredibbli ħalli l-emissjonijiet tas-CO2 jitnaqqsu b’mod kosteffiċjenti. Dik l-emenda ġiet adottata fil-kuntest tal-mira klimatika preċedenti tal-Unjoni għall-2030 li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-ekonomija kollha jitnaqqsu b’mill-inqas 40 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990. |
|
(13) |
F’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, fi żmien tliet snin mill-bidu tal-operat tar-riżerva, il-Kummissjoni kellha twettaq l-ewwel rieżami tar-riżerva tagħha abbażi ta’ analiżi tal-funzjonament ordnat tas-suq Ewropew tal-karbonju u, meta xieraq, tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
|
(14) |
Fir-rieżami tar-riżerva li twettaq f’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, il-Kummissjoni tat attenzjoni partikolari lir-rata perċentwali biex jiġi determinat l-għadd ta’ kwoti li jridu jitqiegħdu fir-riżerva, kif ukoll lill-valur numeriku tal-livell limitu għall-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni u l-għadd ta’ kwoti li jridu jiġu rilaxxati mir-riżerva. |
|
(15) |
L-analiżi mwettqa fil-kuntest tar-rieżami tal-Kummissjoni tar-riżerva u l-iżviluppi mistennija rilevanti għas-suq tal-karbonju juru li rata ta’ 12 % tal-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni biex jiġi determinat l-għadd ta’ kwoti li jridu jitqiegħdu fir-riżerva kull sena wara l-2023 hija insuffiċjenti biex tipprevjeni żieda sinifikanti fis-surplus ta’ kwoti fl-EU ETS. Iż-żamma tar-rata ta’ 24 % f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għal reviżjonijiet oħra tar-riżerva, inkluż, jekk xieraq, reviżjoni ulterjuri tar-rata perċentwali biex jiġi determinat l-għadd ta’ kwoti li jridu jitqiegħdu fir-riżerva, bħala parti mir-reviżjoni ġenerali tad-Direttiva 2003/87/KE u tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 fl-2023. |
|
(16) |
Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-kontinwazzjoni tal-parametri attwali tar-riżerva kif stabbiliti skont id-Direttiva (UE) 2018/410, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv. |
|
(17) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tiġi emendata skont dan, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emenda għad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814
Fl-Artikolu 1(5), l-ewwel subparagrafu, tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, l-aħħar sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:
|
|
“B’deroga mill-ewwel u t-tieni sentenzi ta’ dan is-subparagrafu, sal-31 ta’ Diċembru 2030, il-perċentwali u l-100 miljun kwota msemmija f’dawk is-sentenzi għandhom jiġu rduppjati.”. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ April 2023.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
J. ROSWALL
(1) ĠU C 152, 6.4.2022, p. 175.
(2) ĠU C 301, 5.8.2022, p. 116.
(3) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Marzu 2023.
(4) ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.
(5) Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).
(6) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
(7) Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1).
(8) Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU L 76, 19.3.2018, p. 3).