|
30.3.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 92/10 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/702
tal-21 ta’ Marzu 2023
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward ta’ deċiżjoni li ser tiġi adottata, u rakkomandazzjonijiet u dikjarazzjonijiet konġunti u unilaterali li ser isiru
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. |
|
(2) |
L-Artikolu 164(5)(d) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tiegħu (‘il-Kumitat Konġunt’) jadotta deċiżjonijiet li jemendaw dak il-Ftehim, dment li tali emendi jkunu meħtieġa biex jikkoreġu żbalji, biex jindirizzaw ommissjonijiet jew nuqqasijiet oħra, jew biex jindirizzaw sitwazzjonijiet mhux previsti meta ġie ffirmat il-Ftehim, ħlief fir-rigward tal-Ewwel, ir-Raba’ u s-Sitt Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u dment li tali deċiżjonijiet ma jemendawx l-elementi essenzjali ta’ dak il-Ftehim. |
|
(3) |
L-Artikolu 166(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt jadotta deċiżjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha previsti minn dak il-Ftehim u jagħtih ukoll is-setgħa jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Unjoni u lir-Renju Unit. Skont l-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt huma vinkolanti għall-Unjoni u għar-Renju Unit, u l-Unjoni u r-Renju Unit iridu jimplimentaw dawk id-deċiżjonijiet, li għandhom l-istess effett legali bħal-Ftehim dwar il-Ħruġ. L-Artikolu 166(3) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi li r-rakkomandazzjonijiet isiru b’kunsens reċiproku. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 182 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Protokoll”) jifforma parti integrali minn dak il-Ftehim. |
|
(5) |
Huwa xieraq li l-Unjoni u r-Renju Unit jagħmlu Dikjarazzjoni Konġunta fil-Kumitat Konġunt, li fiha jiddikjaraw li, kull meta rilevanti fin-negozjati tagħhom skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, b’mod konsistenti mar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali, huma ser jirreferu għall-Protokoll kif emendat bħala l-“Qafas ta’ Windsor”, u li huma jistgħu jirreferu bl-istess mod għall-Protokoll kif emendat fil-leġiżlazzjoni domestika tagħhom. |
|
(6) |
B’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Irlanda ta’ Fuq, huwa meħtieġ li jiġi previst li l-Unjoni u r-Renju Unit jenħtieġ li jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jiżguraw li l-faċilitazzjonijiet għall-kummerċ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u partijiet oħra tar-Renju Unit jinkludu arranġamenti speċifiċi għall-moviment tal-merkanzija fis-suq intern tar-Renju Unit, konsistenti mal-pożizzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq bħala parti mit-territorju doganali tar-Renju Unit f’konformità ma’ dak il-Protokoll, meta l-merkanzija tkun destinata għall-konsum finali jew għall-użu finali fl-Irlanda ta’ Fuq u fejn ikunu fis-seħħ is-salvagwardji meħtieġa biex tiġi protetta l-integrità tas-suq intern u tal-unjoni doganali tal-Unjoni. Konsegwentement, il-Protokoll jenħtieġ li jiġi emendat skont dan. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tieħu nota tad-Dikjarazzjoni Unilaterali mir-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt li tistabbilixxi l-prattika li biħsiebu jistabbilixxi fir-rigward tal-moviment tal-merkanzija mill-Irlanda ta’ Fuq lejn partijiet oħra tar-Renju Unit. |
|
(8) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tieħu nota tad-Dikjarazzjoni Unilaterali mir-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt li tistabbilixxi l-prattika li biħsiebu jistabbilixxi fir-rigward tas-sorveljanza tas-suq u tal-attivitajiet tal-infurzar. |
|
(9) |
Huwa meħtieġ li tiġi żgurata kooperazzjoni msaħħa bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni, u bejn ir-Renju Unit u l-awtoritajiet tal-Istati Membri fejn xieraq, biex jiġu sostnuti l-arranġamenti speċifiċi previsti b’attività effettiva ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ infurzar. Il-Kumitat Konġunt jenħtieġ għalhekk jagħmel rakkomandazzjoni li tipprevedi din il-kooperazzjoni msaħħa u li tistabbilixxi li l-kooperazzjoni tista’ tinkludi l-kondiviżjoni tal-għarfien, l-iskambju tal-informazzjoni, il-ħidma mal-operaturi u attività konġunta. |
|
(10) |
B’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi fl-Irlanda ta’ Fuq, inkluż il-post integrali tagħha fis-suq intern tar-Renju Unit, jenħtieġ li jsiru ċerti emendi fl-Anness 3 tal-Protokoll. L-applikazzjoni ta’ dawk l-emendi jenħtieġ li ma twassalx għal riskji ta’ frodi fiskali jew għal kwalunkwe distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ dawk l-emendi fl-Irlanda ta’ Fuq, u b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-iskema speċjali għall-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew minn pajjiżi terzi, la toħloq riskji għas-suq intern tal-Unjoni, u għas-suq intern tar-Renju Unit, u lanqas toħloq piżijiet żejda għan-negozji li joperaw fl-Irlanda ta’ Fuq. Sabiex jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, ta’ ċerti atti diġà elenkati fl-Anness 3 tal-Protokoll, jenħtieġ li jiżdiedu żewġ noti f’dak l-Anness. Bil-ħsieb li jiġu indirizzati nuqqasijiet potenzjali jew ċirkostanzi mhux previsti oħra, u sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe nota oħra li tispeċifika l-mod li bih l-atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness 3 japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, jenħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li fi kwalunkwe ħin tkun tista’ tiżdied tali nota f’dak l-Anness. |
|
(11) |
Jenħtieġ li l-Unjoni u r-Renju Unit jagħmlu Dikjarazzjoni Konġunta fil-Kumitat Konġunt dwar ir-reġim tal-VAT għall-merkanzija li ma tkunx f’riskju għas-suq intern tal-Unjoni u dwar l-arranġamenti tal-VAT għar-rifużjonijiet transfruntiera. Permezz ta’ dik id-dikjarazzjoni, l-Unjoni u r-Renju Unit jimpenjaw ruħhom li jeżaminaw il-possibbiltà li jżidu noti li jiċċaraw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti atti elenkati fl-Anness 3 tal-Protokoll. L-ewwel nota tikkonċerna l-applikazzjoni tar-rati stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (2) u jkun fiha lista ta’ merkanzija li min-natura tagħha u mill-kondizzjonijiet li taħthom tiġi fornuta tkun soġġetta għall-konsum finali fl-Irlanda ta’ Fuq u fejn l-applikazzjoni ta’ rati differenti ma twassalx għal impatt negattiv fuq is-suq intern tal-Unjoni fil-forma ta’ riskji ta’ frodi fiskali jew ta’ distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni. Jenħtieġ li l-Unjoni u r-Renju Unit jindikaw ukoll ir-rieda tagħhom li jevalwaw u jirrevedu tali lista fuq bażi regolari. It-tieni nota tikkonċerna l-arranġamenti attwali tal-VAT għar-rifużjonijiet transfruntiera skont il-liġi applikabbli tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 8 tal-Protokoll. |
|
(12) |
Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, jenħtieġ li l-Unjoni u r-Renju Unit jiskambjaw informazzjoni u jiddiskutu b’mod strutturat kwalunkwe kwistjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni u mill-applikazzjoni tal-Artikolu 8 ta’ dak il-Protokoll, inklużi bidliet importanti previsti fil-qafas leġiżlattiv applikabbli fl-Unjoni u fir-Renju Unit fl-oqsma tal-VAT u tas-sisa li jikkonċernaw il-merkanzija. Għalhekk huwa xieraq li Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tipprevedi laqgħat speċjali tal-Kumitat Speċjalizzat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Kumitat Speċjalizzat”) bħala mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni msaħħa li jippermetti lill-Unjoni u lir-Renju Unit jidentifikaw u jiddiskutu kwalunkwe kwistjoni relatata mal-funzjonament tal-Protokoll fl-oqsma tal-VAT u tas-sisa u jipproponu azzjoni xierqa, kif meħtieġ. |
|
(13) |
Sabiex jiġi ċċarat aktar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Protokoll, huwa xieraq li l-Unjoni u r-Renju Unit jistabbilixxu fehim komuni tal-kondizzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-awtoritajiet tar-Renju Unit biex din tkun fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1), b’mod partikolari fir-rigward tar-rabta ġenwina u diretta mal-Irlanda ta’ Fuq. Għalhekk huwa xieraq li l-Unjoni u r-Renju Unit jagħmlu Dikjarazzjoni Konġunta fil-Kumitat Konġunt fir-rigward ta’ dan. |
|
(14) |
Sabiex tiġi indirizzata sitwazzjoni fejn att speċifiku tal-Unjoni li jemenda jew jissostitwixxi att imsemmi fil-Protokoll ibiddel b’mod sinifikanti l-kontenut jew il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-att kif applikabbli qabel ma jkun ġie emendat jew issostitwit u meta l-applikazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq tal-att tal-Unjoni kif b’hekk emendat jew issostitwit ikollu impatt sinifikanti fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet fl-Irlanda ta’ Fuq b’mod li jista’ jippersisti, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ brejk ta’ emerġenza li jippermetti 30 Membru tal-Assemblea Leġiżlattiva (MLAs) fl-Irlanda ta’ Fuq minn tal-inqas żewġ partiti (u bl-esklużjoni tal-Ispeaker u l-Viċi Speakers), skont kull kondizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 tal-abbozz ta’ Dikjarazzjoni Unilaterali mir-Renju Unit dwar l-involviment tal-istituzzjonijiet tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jew il-Ftehim ta’ Belfast tal-10 ta’ April 1998 bejn il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern tal-Irlanda u l-parteċipanti l-oħra fin-negozjati bejn bosta partijiet (“il-Ftehim tal-1998”) anness mad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt prevista li temenda l-Protokoll, biex tindirizza s-sitwazzjoni msemmija hawn fuq. Dawk il-kondizzjonijiet jipprevedu, fost l-oħrajn, li n-notifika tista’ ssir fl-aktar ċirkostanzi eċċezzjonali u bħala l-aħħar alternattiva, u li l-MLAs ikunu qabel talbu diskussjoni sostantiva mal-Gvern tar-Renju Unit u fi ħdan l-Eżekuttiv tal-Irlanda ta’ Fuq biex jeżaminaw il-possibbiltajiet kollha fir-rigward tal-att tal-Unjoni. Meta r-Renju Unit ikun għamel notifika lill-Unjoni għal dak l-għan, l-att tal-Unjoni kif emendat jew issostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni ma jkunx japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq skont l-Artikolu 13(3) tal-Protokoll. Minflok, l-att tal-Unjoni kif emendat jew issostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni jkollu jiżdied mal-Anness rilevanti tal-Protokoll f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 13(4) tiegħu. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Protokoll jiġi emendat skont dan. |
|
(15) |
Meta r-Renju Unit ikun għamel in-notifika msemmija fl-Artikolu 13(3a), l-ewwel subparagrafu, tal-Protokoll kif previst mill-ġdid lill-Unjoni, iżda bord ta’ arbitraġġ ikun iddeċieda li r-Renju Unit ikun naqas milli jikkonforma mal-kondizzjonijiet għal tali notifika kif stabbilit fit-tielet subparagrafu ta’ dak il-paragrafu, jenħtieġ li tinkiseb konformità rapida ma’ tali deċiżjoni tal-bord ta’ arbitraġġ. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kumitat Konġunt jagħmel rakkomandazzjoni li tipprevedi tali konformità rapida. Dak jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-fehim konġunt li bl-istess mod jenħtieġ li tinkiseb konformità rapida meta r-Renju Unit ikun naqas milli jikkonforma mal-obbligi ta’ bona fide tiegħu skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ billi jagħmel tali notifika mingħajr ma jkunu ġew issodisfati l-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 1 tad-Dikjarazzjoni Unilaterali mir-Renju Unit dwar l-involviment tal-istituzzjonijiet tal-Ftehim tal-1998, kif annessa mad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru .../2023. |
|
(16) |
Jenħtieġ li l-Unjoni u r-Renju Unit jirrikonoxxu li n-notifika tar-Renju Unit skont l-Artikolu 13(3a) previst mill-ġdid tal-Protokoll trid issir skont kull waħda mill-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 tad-dikjarazzjoni unilaterali mir-Renju Unit dwar l-involviment tal-istituzzjonijiet tal-Ftehim tal-1998 sabiex din issir in bona fide, f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Huwa xieraq ukoll li jiġi ċċarat permezz ta’ Dikjarazzjoni Konġunta li meta bord ta’ arbitraġġ ikun iddeċieda li r-Renju Unit ikun naqas milli jikkonforma mal-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fir-rigward ta’ notifika lill-Unjoni li tiskatta l-mekkaniżmu, jenħtieġ li tinkiseb konformità rapida mad-deċiżjoni tal-bord ta’ arbitraġġ. |
|
(17) |
Jenħtieġ li l-Unjoni u r-Renju Unit jagħmlu użu sħiħ mill-korpi konġunti stabbiliti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ biex jissorveljaw l-implimentazzjoni tiegħu. Il-Kumitat Speċjalizzat jista’ jippermetti skambji ta’ fehmiet dwar kwalunkwe leġiżlazzjoni futura tar-Renju Unit dwar merkanzija ta’ rilevanza għall-operat tal-Protokoll. Għal dak l-għan, il-Kumitat Speċjalizzat jista’ jiltaqa’ f’kompożizzjoni speċifika, jiġifieri l-Korp Speċjali dwar il-Merkanzija, biex jivvaluta l-impatt potenzjali ta’ dik il-leġiżlazzjoni futura fl-Irlanda ta’ Fuq, jantiċipa kwalunkwe diffikultà prattika inkwistjoni u jiddiskutiha. L-Unjoni u r-Renju Unit isolvu kwalunkwe kwistjoni fl-operat tal-Protokoll bl-aħjar mod u bl-akbar ħeffa possibbli. Għalhekk huwa xieraq li l-Unjoni u r-Renju Unit jadottaw Dikjarazzjoni Konġunta fil-Kumitat Konġunt fir-rigward ta’ dan. |
|
(18) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tieħu nota tad-Dikjarazzjoni Unilaterali mir-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt dwar il-mekkaniżmu ta’ kunsens demokratiku fl-Artikolu 18 tal-Protokoll, filwaqt li tfakkar fil-kompiti tal-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. |
|
(19) |
Intwera li huwa meħtieġ li jitwessa’ l-ambitu tan-negozjanti eliġibbli għaċ-ċaqliq ta’ merkanzija mhux f’riskju minn partijiet oħra tar-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq imsemmija fid-Deċiżjoni Nru 4/2020 tal-Kumitat Konġunt (3). B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet ġodda biex jitqies li l-merkanzija ma tkunx soġġetta għall-ipproċessar kummerċjali inkluż billi jiżdied il-limitu tal-fatturat annwali għall-operaturi biex jitqies li l-ipproċessar tal-merkanzija minn dawn l-operaturi ma jikkwalifikax bħala pproċessar kummerċjali, irrispettivament mis-settur ta’ attività tagħhom. Barra minn hekk, l-operaturi stabbiliti f’partijiet oħra tar-Renju Unit jenħtieġ li jitħallew jaderixxu mal-iskema ta’ negozjanti fdati li tirfed l-arranġamenti għaċ-ċaqliq ta’ merkanzija mhux f’riskju. Il-kondizzjonijiet speċifiċi għall-awtorizzazzjoni ta’ kummerċjanti fdati jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’aktar dettall, biex b’hekk jiġi żgurat li l-faċilitazzjonijiet doganali mogħtija lin-negozjanti fdati u lit-trasportaturi awtorizzati meta jċaqilqu merkanzija mhux f’riskju minn partijiet oħra tar-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq, li ser jiġu stabbiliti f’emendi mmirati fl-atti rilevanti tal-Unjoni, ikunu akkumpanjati minn salvagwardji aktar b’saħħithom. |
|
(20) |
Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jispeċifikaw il-kondizzjonijiet li taħthom il-merkanzija mibgħuta f’pakketti minn partijiet oħra tar-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq tista’ titqies bħala mhux f’riskju meta dawk il-pakketti jiġu kkonsenjati lil individwi privati residenti fl-Irlanda ta’ Fuq u jiddaħħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn trasportaturi awtorizzati. |
|
(21) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tieħu nota tad-Dikjarazzjoni Unilaterali mir-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt li tistabbilixxi l-prattika li biħsiebu jistabbilixxi biex isaħħaħ l-azzjoni ta’ infurzar marbuta ma’ moviment ta’ merkanzija f’pakketti minn partijiet oħra tar-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq. |
|
(22) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt fir-rigward ta’ deċiżjoni li ser tiġi adottata, u rakkomandazzjonijiet u dikjarazzjonijiet konġunti u unilaterali li ser isiru, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (“il-Kumitat Konġunt”)rigward id-Deċiżjoni li ser tiġi adottata u ma’ ċerti Rakkomandazzjonijiet li ser isiru mill-Kumitat Konġunt hija stabbilita fl-abbozz tad-Deċiżjoni u fl-abbozz tar-Rakkomandazzjonijiet mehmuża fl-Anness 1 għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt fir-rigward ta’ ċerti Dikjarazzjonijiet Konġunti li ser isiru mill-Unjoni u mir-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt hija stabbilita fl-abbozz tad-Dikjarazzjonijiet Konġunti mehmuża fl-Anness 2 għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt fir-rigward ta’ ċerti Dikjarazzjonijiet Unilaterali li ser isiru mir-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt li huma mehmuża f’forma ta’ abbozz fl-Anness 3 għal din id-Deċiżjoni għandha tkun li tieħu nota ta’ dawn id-Dikjarazzjonijiet. B’rabta mad-Dikjarazzjoni Unilaterali mir-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt dwar il-mekkaniżmu ta’ kunsens demokratiku fl-Artikolu 18 tal-Protokoll, l-Unjoni għandha wkoll tfakkar dwar il-kompiti tal-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Marzu 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
J. ROSWALL
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni Nru 4/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar id-determinazzjoni tal-merkanzija mhux f’riskju [2020/2248] (ĠU L 443, 30.12.2020, p. 6).