|
27.3.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 89/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/684
tal-20 ta’ Marzu 2023
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Iżlanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti,
kif ukoll dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Iżlanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Iżlanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(5) u l-Artikolu 218(8), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US”) ġie ffirmat fil-25 u fit-30 ta’ April 2007 (2) wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/339/KE tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill. Dan ġie applikat b’mod provviżorju mit-30 ta’ Marzu 2008 u ġie konkluż permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1110 (3).Daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Ġunju 2020. Ġie emendat permezz tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, iffirmat fil-25 u t-30 ta’ April 2007 (4) (‘il-Protokoll’), tal-24 ta’ Ġunju 2010, li daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Mejju 2022. Il-Protokoll jipprevedi għall-adeżjoni ta’ pajjiżi terzi għall-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US. |
|
(2) |
L-Iżlanda u n-Norveġja huma membri kompletament integrati tas-suq uniku Ewropew tal-avjazzjoni permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. Huma talbu formalment li jissieħbu fil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US fl-2007. F’konformità mal-Artikolu 18(5) tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US, fil-laqgħa tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2010 il-Kumitat Konġunt ippropona Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Iżlanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti, (“il-Ftehim ta’ Adeżjoni”). |
|
(3) |
Il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Iżlanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Iżlanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti, (“il-Ftehim Anċillari”). |
|
(4) |
Fit-2 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Adeżjoni u tal-Ftehim Anċillari. |
|
(5) |
Fis-16 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, adottaw id-Deċiżjoni 2011/708/UE (5) dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Adeżjoni (6) u tal-Ftehim Anċillari (7). L-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni pprovda għall-applikazzjoni provviżorja kemm tal-Ftehim ta’ Adeżjoni u kemm tal-Ftehim Anċillari mid-data tal-firma li seħħet fl-21 ta’ Ġunju 2011. Minn dik id-data dawn iż-żewġ ftehimiet qed jiġu applikati b’mod provviżorju. |
|
(6) |
Fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ April 2015 fil-kawża C-28/12, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (is-‘sentenza’) (8), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-Deċiżjoni 2011/708/UE fuq il-bażi li l-Kunsill ma setax legalment jawtorizza l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Adeżjoni u tal-Ftehim Anċillari f’att adottat flimkien mar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill. Il-Qorti żammet l-effetti tad-Deċiżjoni 2011/708/UE sad-dħul fis-seħħ, fi żmien raġonevoli mill-għoti tas-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida li tiġi adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 218(5) u (8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
|
(7) |
Sabiex ikun konformi mas-sentenza, il-Kunsill jenħtieġ li jadotta deċiżjoni ġdida dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Adeżjoni u tal-Ftehim Anċillari, soġġett għall-konklużjoni tagħhom f’data aktar tard, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Iżlanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Iżlanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Iżlanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmija Ftehimiet. (9)
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar persuna (persuni) bis-setgħa li tiffirma l-Ftehim ta’ Adeżjoni u l-Ftehim Anċillari, f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-Ftehim ta’ Adeżjoni u l-Ftehim Anċillari għandhom jiġu applikati b’mod provviżorju mid-data tal-iffirmar tagħhom, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tagħhom.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Għandha tapplika mis-16 ta’ Ġunju 2011.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Marzu 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
P. KULLGREN
(1) ĠU L 134, 25.5.2007, p. 4.
(2) Id-Deċiżjoni 2007/339/KE tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill tal-25 ta’ April 2007 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra (OJ L 134, 25.5.2007, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1110 tat-23 ta’ Jannar 2018 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra (ĠU L 244, 29.7.2020, p. 6).
(4) ĠU L 223, 25.8.2010, p. 3.
(5) Id-Deċiżjoni 2011/708/UE tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Iżlanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti; u dwar l-iffirmar, f’isem l-UnjoniEwropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Iżlanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti (ĠU L 283, 29.10.2011, p. 1).
(6) ĠU L 283, 29.10.2011, p. 3.
(7) ĠU L 283, 29.10.2011, p. 16.
(8) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-28 ta’ April 2015, il-Kummissjoni Ewropea v il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, C-28/12, ECLI:EU:C:2015:282.
(9) It-test tal-Ftehim ta’ Adeżjoni huwa ppubblikat fil-ĠU L 283, 29.10.2011, p. 3. It-test tal-Ftehim Anċillari huwa ppubblikat fil-ĠU L 283, 29.10.2011, p. 16.