21.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/42


DEĊIŻJONI (UE) 2023/656 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-28 ta’ Frar 2023

dwar l-ammont totali ta' tariffi superviżorji annwali għall-2022 (BĊE/2023/2)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/41) (2), għandu jinħareġ avviż tariffarju kull sena mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) lil kull debitur tariffarju fi żmien sitt xhur wara l-bidu tal-perjodu tariffarju li jmiss.

(2)

Skont l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) it-tariffi superviżorji annwali li għandhom jiġu mposti fuq l-entitajiet taħt superviżjoni huma kkalkulati fuq il-bażi tal-ispejjeż annwali tal-BĊE. L-ammont tal-ispejjeż annwali jiġi ddeterminat abbażi tal-ammont tan-nefqa annwali li jikkonsisti fi kwalunkwe spiża mġarrba mill-BĊE fil-perjodu tariffarju rilevanti li tkun relatata direttament jew indirettament mal-kompiti superviżorji tiegħu.

(3)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41),sabiex jiġu kkalkulati t-tariffi superviżorji annwali pagabbli fir-rigward ta' entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni, u entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni, l-ispejjeż annwali għandhom jinqasmu fuq il-bażi tal-ispejjeż allokati għall-funzjonijiet rilevanti li jwettqu s-superviżjoni diretta tal-entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u tal-gruppi sinifikanti taħt superviżjoni u s-superviżjoni indiretta ta' entitajiet inqas sinjifikanti taħt superviżjoni u ta' gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41), ammonti tariffarji relatati mal-perijodi tariffarji preċedenti li ma kinux għall-ġbir, ħlasijiet ta' imgħax riċevuti skont l-Artikolu 14 u ċerti ammonti oħra riċevuti jew rifużi skont l-Artikolu 7(3) ta' dak ir-Regolament, jekk hemm, għandhom jittieħdu inkunsidrazzjoni wkoll meta jiġu ddeterminati l-ispejjeż annwali.

(5)

Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41), fi żmien erba’ xhur wara t-tmiem ta’ kull perjodu tariffarju, l-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali għal kull kategorija ta’ entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni għal dak il-perjodu tariffarju għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit elettroniku tal-BĊE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (3) u r-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41).

Artikolu 2

Ammont totali ta’ tariffi superviżorji annwali għall-2022

1.   L-ammont totali ta' tariffi superviżorji annwali għall-2022 għandu jkun ta' EUR 593 709 671, ikkalkulati kif jidher fl-Anness.

2.   Kull kategorija ta’ entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni għandha tħallas l-ammont totali ta’ tariffi superviżorji annwali li ġej:

(a)

entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni: EUR 566 725 313;

(b)

entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni: EUR 26 984 358.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-28 ta’ Frar 2023.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1163/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar it-tariffi superviżorji (BĊE/2014/41) (ĠU L 311, 31.10.2014, p. 23).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).


ANNESS

Kalkolu tal-ammont totali ta’ tariffi superviżorji annwali għall-2022

(EUR)

 

Entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni

Entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni

Total

Spejjeż annwali attwali għall-2022

566 839 250

26 966 687

593 805 937

Ammonti meħudin inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41)

 

 

 

Ammonti tariffarji relatati mal-perijodi tariffarji preċedenti li ma setgħux jinġabru

 

 

 

Ħlasijiet ta' imgħax riċevuti skont l-Artikolu 14 tar-Regolament imsemmi iktar 'il fuq

– 113 936

–20 019

– 133 955

Ammonti riċevuti jew rifużi skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament imsemmi iktar 'il fuq

 

37 690

37 690

TOTAL

566 725 313

26 984 358

593 709 671

Jista’ jkun li t-totali ma jaqblux minħabba t-tqarrib għall-eqreb euro.