17.3.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 79/167 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/599
tas-16 ta’ Marzu 2023
dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Armata tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri ta’ azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-konflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża. |
(2) |
Fil-21 ta’ Marzu 2022, l-Unjoni approvat il-Boxxla Strateġika bl-objettiv li l-UE ssir fornitur tas-sigurtà aktar b’saħħtu u aktar kapaċi, inkluż permezz ta’ użu akbar tal-EPF b’appoġġ għall-kapaċitajiet ta’ difiża tas-sħab. |
(3) |
Fid-Dikjarazzjoni ta’ Brdo tas-6 ta’ Ottubru 2021, il-mexxejja tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, b’konsultazzjoni mal-mexxejja tal-Balkani tal-Punent, appellaw għall-iżvilupp ulterjuri tal-kapaċitajiet tas-sħab tal-Balkani tal-Punent permezz tal-EPF. |
(4) |
Fid-Dikjarazzjoni ta’ Tirana tas-6 ta’ Diċembru 2022, l-Unjoni ħadet l-impenn li tkompli taħdem flimkien mar-reġjun biex tkompli tiżviluppa l-mezzi u l-kapaċitajiet ta’ difiża tiegħu, inkluż permezz tal-EPF. |
(5) |
Il-konklużjonijiet tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) tas-26 ta’ Ottubru 2022 dwar l-orjentazzjonijiet strateġiċi tal-EPF għall-2023 żammew miżuri ta’ assistenza għall-appoġġ bilaterali għal diversi pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bħala prijorità ewlenija għal dan il-perjodu. |
(6) |
Fis-7 ta’ Diċembru 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) irċieva talba biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati tal-Maċedonja ta’ Fuq bl-akkwist ta’ tagħmir ewlieni biex jissaħħu l-kapaċitajiet operazzjonali tagħhom, speċifikament fir-rigward tal-loġistika, il-kapaċitajiet mediċi, Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari (CBRN), ta’ inġinerija, kif ukoll il-kapaċitajiet ta’ difiża u ta’ twissija bikrija. |
(7) |
Mat-tlestija tal-miżura ta’ assistenza, ir-Rappreżentant Għoli ser iwettaq evalwazzjoni tal-impatt tagħha, kif ukoll tal-ġestjoni u tal-użu tat-tagħmir ipprovdut. Dan l-eżerċizzju ser jinforma proċess ta’ tagħlimiet meħuda li jkollu l-għan li jivvaluta l-effettività tal-miżura ta’ assistenza u l-konsistenza tagħha mal-istrateġija u l-politiki ġenerali tal-Unjoni fil-Maċedonja ta’ Fuq. |
(8) |
Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjati taħt l-EPF. |
(9) |
Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
1. Hija b’dan stabbilita miżura ta’ assistenza għall-benefiċċju tal-Maċedonja ta’ Fuq (il-“benefiċjarju”) li għandha tiġi ffinanzjata taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”).
2. L-objettiv tal-miżura ta’ assistenza huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Forzi Armati tal-Maċedonja ta’ Fuq billi jittejjeb u jiġi aġġornat it-tagħmir tal-grupp tal-battaljun tal-infanterija ħafifa tagħha. Permezz tal-forniment ta’ tagħmir adegwat, il-miżura ta’ assistenza ser tikkontribwixxi biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-Forzi Armati tal-Maċedonja sabiex jikkontribwixxu għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari tal-politika ta’ sigurtà u difiża komuni, kumplimentari għall-appoġġ ipprovdut minn sħab bilaterali internazzjonali oħrajn.
3. Sabiex jintlaħaq l-objettiv stipulat fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta’ tagħmir li ġejjin mhux imfassla biex iwasslu forza letali:
(a) |
loġistika; |
(b) |
tagħmir mediku; |
(c) |
sistemi tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni; |
(d) |
kapaċitajiet ta’ intelligence; |
(e) |
tagħmir CBRN; |
(f) |
inġinerija; |
(g) |
tagħmir għat-taħriġ. |
4. Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 36 xahar mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt iffirmat bejn l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza, li jaġixxi bħala uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni, u l-entità msemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 32(2), il-punt (a), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 9 000 000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat taħt l-EPF.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti b’din id-Deċiżjoni bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
(a) |
il-konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati tal-Maċedonja ta’ Fuq appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; |
(b) |
l-użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti; |
(c) |
il-manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-utilizzabbiltà tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
(d) |
li l-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza ma jintilfux, jew ma jiġux trasferiti mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew lil entitajiet għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat taħt l-EPF, f’konformità mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mill-ITF - Tisħiħ tas-Sigurtà Umana.
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja r-rispett mill-benefiċjarju tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u tar-riskji tal-ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ ksur tali, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni ta’ tagħmir u provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
(a) |
verifika tal-kunsinna, fejn iċ-ċertifikati tal-kunsinna tal-EPF għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda; |
(b) |
rapportar dwar l-attivitajiet, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-użu tal-oġġetti deżinjati sakemm tali rapportar ma jitqiesx aktar neċessarju mill-KPS; |
(c) |
spezzjonijiet, fejn il-benefiċjarju għandu jagħti lir-Rappreżentant Għoli aċċess biex iwettaq żjarat fuq il-post wara li ssir talba. |
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-miżura ta’ assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta’ assistenza kkontribwietx biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6
Rapportar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma b’mod regolari lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
R. POURMOKHTARI
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).
(2) Il-pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari, (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).