17.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/165


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/598

tal-14 ta’ Marzu 2023

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/698 sabiex jiġi inkluż il-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sikura

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Firxa ta’ theddid potenzjali għas-sigurtà u l-interessi essenzjali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha tista’ tirriżulta mill-iskjerament, l-operazzjoni u l-użu tas-sistemi u s-servizzi stabbiliti taħt il-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sikura, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

(2)

Għalhekk huwa xieraq li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/698 (2) jiġi estiż għas-sistemi u s-servizzi stabbiliti taħt il-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2021/698 hija emendata kif ġej:

(1)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/698 tat-30 ta’ April 2021 dwar is-sigurtà tas-sistemi u s-servizzi skjerati, operati u użati taħt il-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/496/PESK”;

(2)

fl-Artikolu 1(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

biex tiġi evitata theddida għas-sigurtà tal-Unjoni jew għal xi wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha jew biex tiġi mitigata ħsara serja għall-interessi essenzjali tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha li tirriżulta mill-iskjerament, l-operazzjoni jew l-użu ta’ sistemi stabbiliti, u servizzi pprovduti, taħt il-komponenti tal-Programm Spazjali tal-Unjoni jew tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura (il-‘Programmi’); jew”;

(3)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, għandu jittieħed kont debitu tad-differenzi bejn il-komponenti tal-Programmi, b’mod partikolari fir-rigward tal-awtorità, u l-kontroll, tal-Istati Membri fuq is-sensuri, is-sistemi jew kapaċitajiet oħra rilevanti għall-Programmi.”;

(4)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Aġenzija jew l-istruttura nominata rilevanti għall-monitoraġġ tas-sigurtà u l-Kummissjoni għandhom jipprovdu pariri lir-Rappreżentant Għoli dwar l-impatt usa’ probabbli fuq is-sistemi stabbiliti, u s-servizzi pprovduti, taħt il-komponenti tal-Programmi ta’ kwalunkwe istruzzjoni li r-Rappreżentant Għoli jkollu l-ħsieb li jipproponi lill-Kunsill skont il-paragrafu 1.”;

(5)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fi żmien sena wara li l-konfigurazzjoni tas-sigurtà tal-kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 107(1)(e) tar-Regolament (UE) 2021/696 tkun iddeterminat, abbażi tal-analiżi tar-riskji u t-theddid li ssir mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) 2021/696, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 107(3) tiegħu, jekk sistema stabbilita jew servizz ipprovdut, jew it-tnejn, taħt komponent partikolari tal-Programmi humiex sensittivi mil-lat tas-sigurtà, ir-Rappreżentant Għoli għandu jħejji, u jressaq għall-approvazzjoni lill-KPS, il-proċeduri operazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f’din id-Deċiżjoni fir-rigward tas-sistema jew servizz ikkonċernati, jew tat-tnejn. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun appoġġat minn esperti mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni, mill-Aġenzija u mill-istruttura nominata rilevanti għall-monitoraġġ tas-sigurtà, kif ikun adatt.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SVANTESSON


(1)  Ir-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sikura għall-perjodu 2023-2027 (ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/698 tat-30 ta’ April 2021 dwar is-sigurtà tas-sistemi u s-servizzi skjerati, operati u użati taħt il-Programm Spazjali tal-Unjoni li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/496/PESK (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 178).